LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 7/15 pp. 17-20
  • “Min Moħħu Jilħaqlu Jara Sewwa Qabel Jemmen”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Min Moħħu Jilħaqlu Jara Sewwa Qabel Jemmen”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Agħżel Triqtek bl-​Għaqal
  • Meta “fid-​Daħk Titnikket il-​Qalb”
  • Dawk bla Fidi u t-​Tajbin —Kif Jiġu Sodisfati?
  • ‘Temminx Kollox’
  • “Il-​Bniedem li Għandu Abbiltajiet taʼ Ħsieb Hu Mibgħud”
  • “Il-​Ħżiena Jbaxxu Rashom”
  • ‘Ħenn għall-​Fqir’
  • Kif Se Jispiċċaw?
  • “L-Għaqli Jagħmel Kollox bi Ħsieb”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • “Xofftejn is-Sewwa Jżommu Sħiħ għal Dejjem”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • “L-Għamara tat-tajbin Tiġi ’l Quddiem”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Ikseb l-Għerf u Aċċetta d-Dixxiplina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 7/15 pp. 17-20

“Min Moħħu Jilħaqlu Jara Sewwa Qabel Jemmen”

INDIVIDWU li moħħu jilħaqlu, jew huwa għaqli, huwa bniedem prattiku u intelliġenti, juża d-​dehen u jifhem malajr, huwa sensibbli u meqjus, jagħraf it-​tajjeb mill-​ħażin u huwa għaref. Hu la jqarraq u lanqas jimmanipula. “L-​għaqli jagħmel kollox bi ħsieb,” jgħid Proverbji 13:16. Iva, l-​għaqal, jew il-​prudenza, huwa kwalità taʼ min jixtieqha.

Kif nistgħu nuru li aħna għaqlin fil-​ħajja tagħna taʼ kuljum? Din il-​kwalità kif tidher mill-​għażliet li nagħmlu, mill-​mod kif nittrattaw lil oħrajn, u mill-​mod kif nirreaġixxu f’diversi sitwazzjonijiet? X’benefiċċji jgawdu dawk li jkunu prudenti? Xi ħsara jevitaw? Is-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem jagħti tweġibiet prattiċi għal dawn il-​mistoqsijiet, bħalma naqraw fi Proverbji 14:​12-25.a

Agħżel Triqtek bl-​Għaqal

Il-​fatt li nagħmlu għażliet għaqlin u li jkollna suċċess fil-​ħajja żgur li jirrikjedi li nkunu nafu nagħrfu dak li hu tajjeb minn dak li hu ħażin. Madankollu, il-​Bibbja twissi: “Xi ħadd jistaʼ jaħseb li triqtu dritta, iżda [“triqat il-​mewt fl-​aħħar tagħha,” “KŻ”].” (Proverbji 14:12) Għalhekk, irridu nitgħallmu nagħmlu distinzjoni bejn dak li verament hu tajjeb u dak li jidher li hu tajjeb. L-​espressjoni “triqat il-​mewt” tindika li hemm ħafna toroq qarriqin. Ikkunsidra dak li għandna noqogħdu attenti għalih u dak li għandna nevitaw.

Dawk li huma sinjuri u magħrufin fid-​dinja ġeneralment huma meqjusin bħala nies rispettabbli u taʼ min jammirahom. Il-​fatt li jkollhom suċċess soċjali u finanzjarju jistaʼ jagħti l-​impressjoni li huma jafu l-​aħjar mod kif l-​affarijiet għandhom isiru. Imma xi ngħidu għall-​modi kif xi wħud minn dawn l-​individwi jużaw l-​għana u l-​fama? Huma l-​modi tagħhom dejjem retti u moralment tajbin? Imbagħad hemm dawk li juru ħeġġa taʼ min jammiraha għat-​twemmin reliġjuż tagħhom. Imma s-​sinċerità tagħhom tagħti prova li dak li jemmnu hu tajjeb?—Rumani 10:​2, 3.

Raġuni oħra għala triq tistaʼ tidher ġusta f’għajnejna minħabba li nkunu qed inqarrqu bina nfusna. Jekk nibbażaw id-​deċiżjonijiet tagħna fuq dak li nħossu personalment li hu tajjeb inkunu qed niddependu minn dak li tgħid qalbna, li hi gwida li tqarraq. (Ġeremija 17:9) Kuxjenza li ma tkunx informata u mħarrġa tajjeb tistaʼ ġġagħalna naħsbu li l-​mod ħażin hu l-​aħjar mod. Mela x’se jgħinna nagħżlu l-​aħjar triq?

Studju persunali diliġenti tal-​veritajiet profondi tal-​Kelma t’Alla huwa importanti jekk irridu niksbu ‘sensi mħarrġin biex nagħrfu nagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.’ Iktar minn hekk, għandna nħarrġu dawn is-​sensi billi nużawhom meta napplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja. (Ebrej 5:14) Għandna noqogħdu attenti li ma nħallux dak li jidher li hu sew iġagħalna niżvijaw mit-​‘triq imħarbta li tieħu għall-​ħajja.’—Mattew 7:​13, 14.

Meta “fid-​Daħk Titnikket il-​Qalb”

Nistgħu nkunu ferħanin meta ma jkollniex paċi ġewwinija? Id-​daħq u d-​divertiment se jtaffu l-​uġigħ kbir li jistaʼ jkollna? Huwa għaqli li taħbi dawn is-​sentimenti taʼ dipressjoni bl-​alkoħol, bl-​abbuż tad-​drogi, jew tipprova tneħħi dawn is-​sentimenti billi tadotta stil taʼ ħajja immorali? It-​tweġiba hi le. Is-​sultan għaref qal: “Mqar fid-​daħk titnikket il-​qalb.”—Proverbji 14:13a.

Id-daħq għandu mnejn jaħbi l-​uġigħ, imma ma jirnexxilux jeliminah. “Kollox għandu żmienu,” tgħid il-​Bibbja. Tabilħaqq, hemm “żmien li tibki, u żmien li tidħak; żmien li tagħli, u żmien li tiżfen.” (Koħèlet 3:​1, 4) Meta d-​dipressjoni tibqaʼ tippersisti, irridu nieħdu passi biex negħlbuha, billi nfittxu “tmexxija għaqlija” meta jkun hemm bżonn. (Proverbji 24:6)b Id-​daħq u d-​divertiment għandhom l-​importanza tagħhom, imma meta tqis kollox, il-​ġid li jagħmlu huwa ftit. Meta kien qed iwissi kontra d-​divertiment mhux xieraq u kontra l-​ħafna xalar, Salamun qal: “Il-​ferħ jintemm fin-​niket.”—Proverbji 14:13b.

Dawk bla Fidi u t-​Tajbin —Kif Jiġu Sodisfati?

“[“Il-​wieħed li m’għandux fidi,” “NW”] jixbaʼ bi frott għemilu,” ikompli jgħid is-​sultan taʼ Iżrael, “u t-​tajjeb jiekol minn għemejjel idejh.” (Proverbji 14:14) Dawk li m’għandhomx fidi u t-​tajbin x’riżultati se jiksbu mill-​għemejjel tagħhom?

Individwu bla fidi m’huwiex konċernat dwar li jrid jagħti kont lil Alla. Għalhekk, il-​fatt li jagħmel dak li hu sew f’għajnejn Ġeħova m’huwiex importanti għal raġel bla fidi. (1 Pietru 4:​3-5) Individwu bħal dan huwa sodisfatt bir-​riżultati li jiġu minn ħajja materjalistika. (Salm 144:​11-15a) Min-​naħa l-​oħra, dak li hu tajjeb huwa interessat li jagħmel dak li hu sew f’għajnejn Alla. Fl-​attivitajiet kollha tiegħu, hu jżomm mal-​prinċipji ġusti t’Alla. Individwu bħal dan huwa sodisfatt bir-​riżultati għax Ġeħova hu Alla tiegħu u hu jikseb ferħ li ma jitqabbilx mill-​fatt li jaqdi lill-​Iktar Għoli.—Salm 144:15b.

‘Temminx Kollox’

Meta qabbel il-​modi taʼ dawk li huma bla esperjenza mal-​modi taʼ dawk li huma prudenti, Salamun qal: “Min hu [“bla esperjenza,” “NW”] jemmen kollox, min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen.” (Proverbji 14:15) L-​għaqli ma jiblax kollox. Minflok ma jemmen dak kollu li jismaʼ jew iħalli lil oħrajn jaħsbu għalih, hu jqis il-​passi tiegħu bl-​għaqal. Wara li jiġbor il-​fatti kollha, hu jaġixxi skond dak li tgħallem.

Per eżempju, ikkunsidra l-​mistoqsija, “Hemm Alla?” Dak li hu bla esperjenza għandu mnejn jitħajjar jemmen l-​opinjoni popolari jew dak li jemmnu n-​nies prominenti. Min-​naħa l-​oħra, l-​għaqli jieħu ż-​żmien sabiex jeżamina l-​fatti. Hu jirrifletti fuq skritturi bħalma huma Rumani 1:20 u Ebrej 3:4. Fejn jidħlu l-​affarijiet spiritwali, individwu prudenti ma jaqbadx u jemmen dak li jgħidu l-​mexxejja reliġjużi. Hu ‘jgħarbel l-​espressjonijiet imnebbħin biex jara jekk joriġinawx minn Alla.’—1 Ġwanni 4:1.

Kemm hu għaqli li nisimgħu mit-​twissija li m’għandniex ‘nemmnu kollox’! Dawk li ġew fdati bir-​responsabbiltà li jwiddbu lil oħrajn fil-​kongregazzjoni Kristjana b’mod speċjali għandhom bżonn jieħdu dan bis-​serjetà. Dak li jagħti l-​parir għandu jkollu stampa ċara taʼ dak li jkun ġara. Għandu jismaʼ sew u jiġbor il-​fatti minn kull naħa ħalli l-​parir li jagħti jkun f’loku u mhux jingħata wara li jkun semaʼ biss qanpiena waħda.—Proverbji 18:13; 29:20.

“Il-​Bniedem li Għandu Abbiltajiet taʼ Ħsieb Hu Mibgħud”

Billi jipponta lejn differenza oħra li hemm bejn l-​għaqlin u l-​boloh, is-​sultan taʼ Iżrael jgħid: “L-​għaref jaħsibha sewwa u jitbiegħed mid-​deni, imma l-​iblah jibqaʼ għaddej moħħu mistrieħ. Min hu bla sabar bluhat jagħmel, [“il-​bniedem li għandu abbiltajiet taʼ ħsieb hu mibgħud,” “NW”].”—Proverbji 14:​16, 17.

Min hu għaqli jibżaʼ mill-​konsegwenzi li jiġu minn triq ħażina. Għalhekk, hu joqgħod attent u japprezza kwalunkwe parir li jgħinu jevita dak li hu ħażin. L-​iblah m’għandux dan it-​tip taʼ biżaʼ. Peress li hu kunfidenti fih innifsu, hu b’mod arroganti jinjora l-​pariri t’oħrajn. Minħabba li jkollu t-​tendenza li jitlagħlu malajr, individwu bħal dan jaġixxi bi bluha. Imma l-​bniedem li għandu abbiltajiet taʼ ħsieb għala hu mibgħud?

L-espressjoni fil-​lingwa oriġinali li hi tradotta bħala “abbiltajiet taʼ ħsieb” għandha żewġ tifsiriet. F’sens pożittiv, din timplika dixxerniment jew għaqal. (Proverbji 1:4; 2:11; 3:21) U f’sens negattiv, din il-​frażi tistaʼ tirreferi għal ħsibijiet mill-​agħar jew malizzjużi.—Salm 37:7; Proverbji 12:2; 24:8.

Jekk l-​espressjoni “l-​bniedem li għandu abbiltajiet taʼ ħsieb” tirreferi għal wieħed li jippjana affarijiet mill-​agħar, m’huwiex diffiċli naraw għala individwu bħal dan huwa mibgħud. Madankollu, m’huwiex tassew minnu li raġel li jkollu d-​dixxerniment jistaʼ wkoll ikun mibgħud minn dawk li ma jkollhomx din il-​kwalità? Per eżempju, dawk li jeżerċitaw il-​fakultajiet mentali tagħhom u jagħżlu li ma jkunu ebda “parti mid-​dinja” huma mibgħudin mid-​dinja. (Ġwanni 15:19) Xi żgħażagħ Kristjani jiġu ridikolati minħabba li jħarrġu l-​abbiltajiet tagħhom taʼ ħsieb u jirreżistu l-​pressjoni ħażina minn dawk taʼ mparhom sabiex jevitaw kondotta mhix xierqa. Il-​fatt hu li l-​aduraturi veri huma mibgħudin mid-​dinja, li qiegħda taħt il-​qawwa taʼ Satana x-​Xitan.—1 Ġwanni 5:19.

“Il-​Ħżiena Jbaxxu Rashom”

Dawk li huma prudenti, jew għaqlin, jerġaʼ huma differenti b’mod ieħor minn dawk li huma bla esperjenza. “[“L-​uħud bla esperjenza,” “NW”] bluhat jirtu, imma l-​għaqlin jiżżejjnu bl-​għerf.” (Proverbji 14:18) Minħabba li ma jkollhomx dixxerniment, dawk li m’għandhomx esperjenza jagħżlu dak li hu taʼ bluha. Dan isir il-​mod taʼ ħajja tagħhom. Min-​naħa l-​oħra, l-​għarfien iżejjen lill-​għaqlin bħalma kuruna tonora sultan.

Is-​sultan għaqli jgħid: “Il-​ħżiena jbaxxu rashom quddiem it-​tajbin, u jitbaxxew il-​midinbin wara bieb il-​ġusti.” (Proverbji 14:19) Fi kliem ieħor, fl-​aħħar mill-​aħħar min hu tajjeb se jirbaħ fuq min hu ħażin. Ikkunsidra ż-​żjieda fin-​numru u l-​mod aħjar taʼ ħajja li jgawdi l-​poplu t’Alla llum. Meta jaraw dawn il-​barkiet li Ġeħova ferraʼ fuq il-​qaddejja tiegħu, xi wħud minn dawk li jopponu se “jbaxxu rashom” quddiem il-​mara figurattiva taʼ Ġeħova fis-​sema, li hi rappreżentata mill-​fdal li hawn fuq l-​art maħturin mill-​ispirtu. F’Armageddon, dawn l-​opponenti se jkollhom jirrikonoxxu li l-​parti taʼ l-​organizzazzjoni t’Alla fuq l-​art tirrappreżenta verament il-​parti tas-​sema.—Isaija 60:​1, 14; Galatin 6:16; Rivelazzjoni 16:​14, 16.

‘Ħenn għall-​Fqir’

Meta kkummenta dwar in-​natura umana, Salamun qal: “Lill-​fqir lanqas qrabatu ma jriduh, imma l-​għani għandu ħafna ħbieb.” (Proverbji 14:20) Kemm hu minnu dan dwar il-​bnedmin imperfetti! Peress li l-​bnedmin għandhom it-​tendenza li jkunu egoisti, għandhom mnejn jiffavorixxu l-​għonja minflok il-​fqar. Filwaqt li s-​sinjuri għandhom ħafna ħbieb, dawn jgħibu malajr daqs kemm jgħibu malajr il-​flus. Mela m’għandniex aħna nevitaw li nagħmlu ħbieb minħabba l-​flus jew minħabba ftaħir żejjed?

Xi ngħidu jekk eżami onest tagħna nfusna jikxef li qed ninħabbu maʼ min hu għani u fl-​istess ħin inċekknu lil dawk li ma tantx għandhom materjalment? Irridu nżommu f’moħħna li favoritiżmu bħal dan huwa kundannat fil-​Bibbja. Hi tgħid: “Ħażin jagħmel min imaqdar lil għajru, imma hieni hu min iħenn għall-​fqir.”—Proverbji 14:21.

Għandna nuru konsiderazzjoni lejn dawk li għandhom ċirkustanzi diffiċli. (Ġakbu 1:27) Kif nistgħu nagħmlu dan? Billi nipprovdu affarijiet biex ikunu jistgħu ‘jgħixu f’din id-​dinja,’ u dawn jistgħu jinkludu flus, ikel, kenn, ħwejjeġ, u attenzjoni persunali. (1 Ġwanni 3:17) Individwu li jħenn għal dawn l-​uħud ikun ferħan, ladarba “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.

Kif Se Jispiċċaw?

Il-​prinċipju “dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad” japplika kemm għal min hu għaqli u kemm għal min hu iblah. (Galatin 6:7) L-​għaqli jagħmel dak li hu tajjeb, filwaqt li l-​iblah jivvinta dak kollu li hu taʼ ħsara. “Ma jitilfux it-​triq dawk li jagħmlu l-​ħsara?” jistaqsi s-​sultan għaref. It-​tweġiba hija iva. “Iżda t-​tjieba u s-​sewwa għal min jaħseb il-​ġid.” (Proverbji 14:​22, KŻ) Dawk li jagħmlu dak li hu tajjeb se jibbenefikaw mit-​tjieba taʼ ħaddieħor u mill-​qalb tajba bl-​imħabba t’Alla.

Meta għaqqad is-​suċċess max-​xogħol iebes u rabat il-​falliment maʼ ħafna kliem u ftit azzjoni, Salamun qal: “Kull xogħol fih il-​qligħ, imma l-​kliem biss faqar iġib.” (Proverbji 14:23) Dan il-​prinċipju żgur li japplika għall-​isforzi spiritwali li nagħmlu. Meta naħdmu iebes fil-​ministeru Kristjan tagħna, naħsdu l-​benefiċċji li jiġu meta nuru lil ħafna oħrajn il-​verità li ssalva l-​ħajjiet li nsibu fil-​Kelma t’Alla. Jekk inwettqu lealment kwalunkwe inkarigu teokratiku li għandna mnejn ningħataw se nkunu ferħanin u sodisfatti.

“L-​għaqal hu ġieħ l-​għorrief, u l-​bluha tiżjin il-​boloh,” jgħid Proverbji 14:24. Dan jistaʼ jfisser li l-​għerf li l-​għorrief iħabirku li jiksbu huwa l-​għana tagħhom, u jżejjinhom bħal kuruna. Min-​naħa l-​oħra, l-​iblah jikseb biss bluha. Skond xogħol taʼ referenza, dan il-​proverbju jistaʼ jissuġġerixxi li “l-​għana huwa tiżjin għal dawk li jużawh sew . . . [filwaqt li] l-​boloh għandhom biss il-​bluha tagħhom.” Hu x’inhu l-​każ, ir-​riżultat taʼ l-​għaqli se jkun aħjar minn dak taʼ l-​iblah.

“Xhud veru qed jeħles lil erwieħ,” jgħid is-​sultan taʼ Iżrael, “imma wieħed qarrieq jgħid sempliċi gideb.” (Proverbji 14:25) Filwaqt li dan huwa minnu f’kuntest ġudizzjarju, ikkunsidra kif nistgħu napplikawh fil-​ministeru tagħna. L-​ippridkar tas-​Saltna u x-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli jinvolvu l-​għoti taʼ xiehda dwar il-​veritajiet tal-​Kelma t’Alla. Ix-​xiehda li nagħtu teħles lil uħud taʼ qalb onesta mir-​reliġjon falza u ssalva l-​ħajjiet. Billi noqogħdu attenti l-​ħin kollu għalina nfusna u għat-​tagħlim tagħna, insalvaw kemm lilna nfusna u kemm lil dawk li jisimgħuna. (1 Timotju 4:16) Hekk kif inkomplu nagħmlu dan, ejja noqogħdu għassa f’li nuru l-​għaqal f’kull aspett taʼ ħajjitna.

[Noti taʼ taħt]

a Għal diskussjoni taʼ Proverbji 14:​1-11, ara paġni 26-9 fil-​ħarġa tat-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Novembru, 2004.

b Ara paġni 11-16 fil-​ħarġa taʼ l-​Awake! tat-​22 t’Ottubru, 1987.

[Stampa f’paġna 18]

Studju diliġenti tal-​veritajiet profondi huwa importanti jekk irridu ‘nagħżlu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin’

[Stampa f’paġna 18]

Hija ħajja materjalistika verament sodisfaċenti?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja