Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Ladarba s-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem ma baqax leali lejn Alla fi xjuħitu, nistgħu nikkonkludu li hu mhux se jiġi rxoxtat?—1 Slaten 11:3-9.
Filwaqt li l-Bibbja tagħti lista taʼ ismijiet taʼ xi rġiel u nisa li wrew fidi u li se jiġu rxoxtati, din ma titkellimx speċifikament dwar il-prospetti taʼ rxoxt taʼ kull persuna individwali li ssemmi. (Ebrej 11:1-40) Madankollu, fil-każ taʼ Salamun nistgħu nieħdu idea tal-ġudizzju t’Alla billi nqabblu dak li ġralu fil-mewt maʼ dak li ġara lil xi wħud leali meta mietu.
L-Iskrittura titkellem dwar żewġ possibbiltajiet għal dawk li mietu—l-istat temporanju taʼ ineżistenza u l-istat taʼ mewt eterna. Dawk li huma ġudikati bħala li ma jistħoqqilhomx jiġu rxoxtati huma mitfugħin f’“Geħenna,” jew “l-għadira tan-nar.” (Mattew 5:22; Marku 9:47, 48; Rivelazzjoni 20:14) Fost dawn se jkun hemm l-ewwel koppja umana, Adam u Eva, it-traditur Ġuda l-Iskarjota, u xi wħud minn dawk li mietu meta Alla esegwixxa ġudizzju fuqhom, bħan-nies taʼ żmien Noè u l-abitanti taʼ Sodoma u Gomorra.a Malli jmutu, dawk li se jiġu rxoxtati jmorru fil-qabar komuni taʼ l-umanità—Xeol, jew Ħades. Meta titkellem dwar il-futur tagħhom, il-Bibbja tgħid: “U l-baħar radd il-mejtin li kienu fih, u l-mewt u Ħades raddew il-mejtin li kienu fihom, u ġew ġudikati individwalment skond l-għemejjel tagħhom.”—Rivelazzjoni 20:13.
Mela l-uħud leali li jirreferi għalihom Ebrej kapitlu 11 jinsabu f’Xeol, jew Ħades, jistennew l-irxoxt. Fost dawn hemm il-qaddejja leali t’Alla Abraham, Mosè, u David. Issa ikkunsidra x’tgħid il-Bibbja dwar il-mewt tagħhom. “Int,” qal Ġeħova lil Abraham, “tmur bis-sliema għand missirijietek u tindifen meta tkun xjeħt sewwa.” (Ġenesi 15:15) Ġeħova qal lil Mosè: “Ara, int se tistrieħ maʼ missirijietek.” (Dewteronomju 31:16) Rigward David, missier Salamun, il-Bibbja tgħid: “David strieħ maʼ missirijietu, u difnuh fil-belt taʼ David.” (1 Slaten 2:10) Għalhekk, li tgħid ‘li dak li jkun straħ maʼ missirijietu’ huwa mod ieħor kif tgħid li l-individwu mar f’Xeol.
X’ġara minn Salamun meta miet? Il-Bibbja twieġeb: “U ż-żmien li dam isaltan f’Ġerusalemm u fuq Iżrael kollu kien taʼ erbgħin sena. U Salamun strieħ maʼ missirijietu, u difnuh fil-belt taʼ David missieru.” (1 Slaten 11:42, 43) Għalhekk, jidher raġunevoli li nikkonkludu li Salamun huwa f’Xeol, jew Ħades, li minnu hu se jiġi rxoxtat.
Din il-konklużjoni timplika li l-possibbiltà taʼ l-irxoxt hija miftuħa għal oħrajn li dwarhom l-Iskrittura tgħid speċifikament, ‘strieħu maʼ missirijiethom.’ Fil-fatt, l-istess jingħad dwar ħafna mis-slaten li ġew wara Salamun, għalkemm ma kinux leali. Dan m’huwiex diffiċli biex nifhmuh ladarba “se jkun hemm irxoxt kemm tan-nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) M’għandniex xi ngħidu, huwa biss wara li “dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira” se jiġu rxoxtati li se nkunu nafu fiċ-ċert min kellu l-privileġġ li jiġi rxoxtat. (Ġwanni 5:28, 29) Mela minflok ma nkunu dommatiċi dwar l-irxoxt taʼ xi ħadd partikulari li kien jgħix fi żmien il-qedem, aħna nistennew, filwaqt li nafdaw fid-deċiżjoni perfetta taʼ Ġeħova.
[Nota taʼ taħt]
a Ara paġni 30-1 fil-ħarġa taʼ The Watchtower taʼ l-1 taʼ Ġunju, 1988.