L-Effetti Devastanti tal-Mewt
“TIFLA TAʼ SITT SNIN TIKKOMMETTI SUWIĊIDJU.” Din l-aħbar xokkanti kienet qed tirreferi għall-mewta traġika taʼ tifla żgħira jisimha Jackie. Ommha kienet mietet ftit qabel minn marda terminali. Qabel ma Jackie ntefgħet quddiem ferrovija, qalet lil ħutha li riedet ‘issir anġlu u tkun m’ommha.’
Ian kellu 18-il sena meta talab bil-ħrara lill-qassis tiegħu biex jispjegalu għala missier Ian kien miet bil-kanċer. Il-qassis stqarr li missier Ian kien raġel twajjeb, u għalhekk Alla riedu miegħu fis-sema. Wara li semaʼ dik l-ispjegazzjoni, Ian ikkonkluda li ma riedx isir jaf dwar Alla daqstant kattiv. Ladarba l-ħajja dehret tant bla skop, Ian iddeċieda li jaqbad ħajja taʼ divertiment. Minħabba dan, hu waqaʼ għall-alkoħol, id-drogi, u l-immoralità. Ħajtu saret bla kontroll.
“Il-Ħajjin, Għallinqas, Jafu li Għad Imutu”
Dawn iż-żewġ inċidenti taʼ niket juru kemm il-mewt tistaʼ tkun devastanti għall-ħajjiet tan-nies, speċjalment jekk din tiġri ħabta u sabta. Irridu nammettu li kulħadd hu konxju taʼ dan il-fatt li nsibu fil-Bibbja: “Il-ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu.” (Koħèlet 9:5) Iżda ħafna jippreferu li jinjoraw din ir-realtà hekk kerha. Xi ngħidu dwarek? Il-ħajja tant titlob mill-ħin u l-attenzjoni tagħna li forsi nispiċċaw nevitaw li naħsbu dwar il-mewt bħallikieku kienet xi ħaġa remota.
“Ħafna nies jibżgħu mill-mewt u jipprovaw jevitaw li jaħsbu dwarha,” tinnota The World Book Encyclopedia. Madankollu, aċċident fatali jew marda li tistaʼ tkun taʼ periklu kbir għall-ħajja tistaʼ ġġagħalna niffaċċjaw ir-realtà tal-mewt. Jew forsi l-funeral taʼ ħabib jew taʼ xi ħadd li jiġi minna jfakkarna bi swied taʼ qalb f’dak li hemm jistenna lill-bnedmin kollha.
Madankollu, waqt xi funeral, dawk li jkunu qegħdin jitnikktu jgħidu xi ħaġa bħal, “Il-ħajja tkompli.” U tassew hekk hu. Fil-fatt, il-ħajja tant tidher li tgħaddi malajr li ma ndumux ma nesperjenzaw l-effetti koroh tax-xjuħija. Meta jasal dan iż-żmien, ma nibqgħux naraw il-mewt bħala xi ħaġa daqstant ’il bogħod. Hemm wisq funerali x’tattendi, u huwa diffiċli tkampa mal-fatt li daqstant ħbieb ħallewna fil-mewt. Spiss, il-mistoqsija inkwetanti, “Meta se jmiss lili?” tiddomina lil ħafna xjuħ.
Il-Misteru Kbir
Għalkemm ħadd ma jiċħad iċ-ċertezza tal-mewt, dak li jiġri wara l-mewt jistaʼ jkun bħal misteru kbir. Il-bosta spjegazzjonijiet kontradittorji jistgħu jwasslu lil dawk li huma xettiċi biex iħarsu lejn dawn l-ispjegazzjonijiet bħala dibattitu bla siwi dwar dak li ma nafux. Il-persuna prattika tistaʼ tasal għall-konklużjoni li la “darba ngħixu,” għandna nieħdu gost kemm jistaʼ jkun bl-affarijiet tajbin tal-ħajja.
B’kuntrast, oħrajn jirrifjutaw li jemmnu li l-mewt hija t-tmiem taʼ kollox. Madankollu, huma m’għandhomx idea ċara dwar dak li jiġri wara. Xi wħud jassumu li l-ħajja se tkompli f’post t’hena etern, waqt li oħrajn jaħsbu li se nerġgħu ngħixu f’xi żmien fil-futur, forsi bħala persuni differenti.
Familjari mnikktin spiss jistaqsu lilhom infushom, “Fejn huma l-mejtin?” Bosta snin ilu, membri taʼ klabb tal-futbol kienu qegħdin fi triqithom għal avveniment sportiv meta f’daqqa waħda trakk baqaʼ dieħel fuq il-minibus tagħhom u spiċċa nqaleb taʼ taħt fuq barra t-triq. Ħames membri tat-tim mietu. Minn meta t-tifel tagħha miet f’dak l-aċċident, ommu ma setgħetx tkompli tgħix ħajjitha bħal qabel. Hi titħasseb dwar fejn qiegħed binha. Tmur iżżur il-qabar tiegħu regolarment u toqgħod titkellem miegħu b’leħen għoli għal sigħat sħaħ. “Ma nistax nemmen li m’hemm xejn wara l-mewt,” tgħid hi, “iżda miniex ċerta.”
Bla dubju, l-attitudni tagħna lejn il-mewt tistaʼ teffettwalna ħajjitna issa. Meta tqis ir-reazzjonijiet tan-nies għat-traġedja tal-mewt, iqumu ħafna mistoqsijiet. Ikkunsidra kif kont tweġibhom int. Għandna ninsew il-mewt u nikkonċentraw fuq il-ħajja? Għandna nħallu l-biżaʼ mill-mewt ineħħilna l-gost tal-ħajja? Għandu xi ħadd mill-familjari jitħalla jitħasseb fejn jistaʼ jkun il-maħbub mejjet tiegħu? Għandha l-mewt tibqaʼ misteru?