Se Tirrifletti Int il-Glorja t’Alla?
“Aħna . . . nirriflettu bħall-mirja l-glorja taʼ Ġeħova.”—2 KORINTIN 3:18.
1. Mosè x’ra, u x’ġara wara dan?
KIENET waħda mill-iktar viżjonijiet taʼ l-għaġeb li ebda bniedem qatt kien esperjenza. Waħdu, fuq il-Muntanja Sinaj, Mosè tħalla jesperjenza xi ħaġa mhix tas-soltu. Tħalla jara dak li ebda bniedem ma qatt kien ra—il-glorja taʼ Ġeħova. M’għandniex xi ngħidu, Mosè ma rax lil Ġeħova direttament. Tant hija meraviljuża l-apparenza t’Alla li ebda bniedem ma jistaʼ jarah u jibqaʼ ħaj. Minflok, Ġeħova qiegħed ‘idu’ fuq Mosè bħala għata protettiva sakemm għadda minn ħdejh, u milli jidher uża rappreżentant anġeliku. Imbagħad Ġeħova ħalla lil Mosè jara d-dija li ħalliet warajha t-turija tal-glorja Tiegħu. Ġeħova wkoll tkellem maʼ Mosè permezz t’anġlu. Il-Bibbja tiddeskrivi dak li ġara wara: “Ġara li, meta niżel minn fuq il-muntanja tas-Sinaj . . . il-ġilda taʼ wiċċu kienet tiddi billi kien [‘tkellem maʼ,’ NW] [Ġeħova].”—Eżodu 33:18–34:7, 29.
2. L-appostlu Pawlu x’kiteb dwar il-glorja li l-Kristjani jirriflettu?
2 Immaġina lilek innifsek fuq dik il-muntanja maʼ Mosè. Kemm ikun kommoventi li tara l-ġmiel meraviljuż taʼ Dak li jistaʼ kollox u tismaʼ kliemu! Xi privileġġ ikun li tinżel il-Muntanja Sinaj flimkien maʼ Mosè, il-medjatur tal-patt tal-Liġi! Però, kont taf li l-Kristjani veri jistgħu jirriflettu l-glorja t’Alla b’mod li jisboq anki l-mod li rriflettieha Mosè? Dan il-fatt li jqanqal il-ħsieb jinsab fl-ittra miktuba mill-appostlu Pawlu. Hu kiteb li l-Kristjani midlukin ‘jirriflettu bħall-mirja l-glorja taʼ Ġeħova.’ (2 Korintin 3:7, 8, 18) F’ċertu sens, Kristjani b’tama għall-art ukoll jirriflettu l-glorja t’Alla.
Kif il-Kristjani Jirriflettu l-Glorja t’Alla
3. Kif sirna nafu lil Ġeħova b’modi li Mosè ma setax isir jafu?
3 Kif inhu possibbli li nirriflettu l-glorja t’Alla? Aħna ma rajniex jew ma smajniex lil Ġeħova bħal Mosè. Madankollu, aħna sirna nafu lil Ġeħova b’modi li Mosè ma setax isir jafu. Ġesù ma ġiex bħala l-Messija sa kważi 1,500 sena wara l-mewt taʼ Mosè. Għalhekk, Mosè ma setax ikun jaf kif il-Liġi kellha titwettaq permezz taʼ Ġesù, li miet biex jixtri lura l-bnedmin mill-oppressjoni terribbli tad-dnub u l-mewt. (Rumani 5:20, 21; Galatin 3:19) Iżjed minn hekk, Mosè setaʼ jifhem biss b’mod limitat il-maestà taʼ l-iskop taʼ Ġeħova, relatat mill-qrib mas-Saltna Messjanika, u l-Ġenna taʼ l-art li din se ġġib. Għalhekk, aħna nagħrfu l-glorja taʼ Ġeħova, mhux b’għajnejna letterali, imma bl-għajnejn tal-fidi bbażati fuq it-tagħlim tal-Bibbja. Barra minn hekk, aħna smajna l-leħen taʼ Ġeħova, mhux permezz t’anġlu, imma permezz tal-Bibbja, partikolarment l-Evanġelji, li b’mod mill-isbaħ jiddeskrivu t-tagħlim u l-ministeru taʼ Ġesù.
4. (a) Il-Kristjani midlukin kif jirriflettu l-glorja t’Alla? (b) Dawk li għandhom it-tama għall-art b’liema modi jistgħu jirriflettu l-glorja t’Alla?
4 Għalkemm il-Kristjani ma jirriflettux il-glorja t’Alla permezz taʼ raġġi li jleqqu ħerġin minn wiċċhom, hekk kif huma jgħidu lil oħrajn dwar il-personalità glorjuża u l-iskopijiet taʼ Ġeħova wiċċhom jixgħel. Rigward żminijietna, il-profeta Isaija bassar li l-poplu t’Alla ċertament kien se ‘jxandar is-sebħ [taʼ Ġeħova] qalb il-ġnus.’ (Isaija 66:19) Iżjed minn hekk, fit-2 Korintin 4:1, 2, naqraw: “Ladarba għandna dan il-ministeru . . . , warrabna kulma jsir minn taħt li hu taʼ mistħija, ma nimxux bil-makakkerija, lanqas inniġġsu l-kelma t’Alla, imma billi nuru l-verità, nirrikkmandaw lilna nfusna lill-kuxjenza taʼ kull bniedem quddiem Alla.” Pawlu kien qed jirreferi partikolarment għall-Kristjani midlukin, li huma “ministri taʼ patt ġdid.” (2 Korintin 3:6) Imma l-ministeru tagħhom kellu effett fuq ħafna oħra li kisbu t-tama għal ħajja taʼ dejjem fuq l-art. Il-ministeru taż-żewġ gruppi jinvolvi li jirriflettu l-glorja taʼ Ġeħova mhux biss f’dak li jgħallmu imma wkoll fil-mod kif jgħixu. Hija r-responsabbiltà u l-privileġġ tagħna li nirriflettu bħal mirja l-glorja taʼ l-Alla l-Iktar Għoli!
5. Il-prosperità spiritwali tagħna taʼ xiex tagħti evidenza?
5 Illum, l-aħbar tajba glorjuża dwar is-Saltna t’Alla qed tiġi pridkata fl-art abitata kollha, bħalma bassar Ġesù. (Mattew 24:14) Individwi minn kull ġens, tribù, poplu, u lsien wieġbu b’entużjażmu għall-aħbar tajba u bidlu ħajjithom biex jagħmlu r-rieda t’Alla. (Rumani 12:2; Rivelazzjoni 7:9) Bħall-Kristjani tal-bidu, ma jistgħux jieqfu jitkellmu dwar l-affarijiet li raw u semgħu. (Atti 4:20) Iktar minn sitt miljun ruħ, iktar milli kien hemm fi kwalunkwe perijodu ieħor fl-istorja tal-bniedem, qed jirriflettu l-glorja t’Alla llum. Tinsab int fosthom? Il-prosperità spiritwali tal-poplu t’Alla tagħti evidenza konvinċenti tal-barka u l-protezzjoni taʼ Ġeħova. Il-fatt li l-ispirtu taʼ Ġeħova qiegħed fuqna huwa iktar evidenti ladarba hemm forzi qawwijin jaħdmu kontrina. Issa ejja nikkunsidraw għala dan huwa minnu.
Il-Poplu t’Alla Mhux Se Jiġi Msikket
6. Għala għandna bżonn il-fidi u l-kuraġġ sabiex nieħdu waqfa favur Ġeħova?
6 Immaġina li jsejħulek biex tixhed kontra kriminal kiefer fil-qorti. Int taf li l-kriminal għandu organizzazzjoni setgħana u lest li juża kull mezz biex iwaqqfek milli tikxfu. Sabiex int tixhed kontra kriminal bħal dan jirrikjedi kuraġġ kif ukoll fiduċja li l-awtoritajiet se jipproteġuk minnu. Aħna ninsabu f’sitwazzjoni simili. Meta nagħtu xiehda dwar Ġeħova u l-iskopijiet tiegħu, aħna nixhdu kontra Satana x-Xitan, billi nesponuh bħala qattiel u giddieb li qed iqarraq bl-art abitata kollha. (Ġwanni 8:44; Rivelazzjoni 12:9) Biex tieħu l-waqfa tiegħek favur Ġeħova u kontra x-Xitan jirrikjedi kemm fidi u kemm kuraġġ.
7. Kemm għandu influwenza Satana, u x’jipprova jagħmel?
7 M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova huwa l-Wieħed Suprem. Il-qawwa tiegħu hija ħafna iktar superjuri minn dik taʼ Satana. Aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova mhux biss hu kapaċi imma wkoll hu ħerqan biex jipproteġina hekk kif naqduh lealment. (2 Kronaki 16:9) Minkejja dan, Satana huwa l-ħakkiem kemm tad-demonji u kemm tad-dinja tal-bnedmin li huma tant imbegħdin minn Alla. (Mattew 12:24, 26; Ġwanni 14:30) Minħabba li hu limitat għall-viċinanza taʼ l-art u “għandu rabja kbira,” Satana jopponi bl-aħrax lill-qaddejja taʼ Ġeħova u juża d-dinja fil-kontroll tiegħu biex jipprova jsikket lil dawk kollha li jippridkaw l-aħbar tajba. (Rivelazzjoni 12:7-9, 12, 17) Dan kif jagħmlu? Minn taʼ l-inqas bi tliet modi.
8, 9. Satana kif juża mħabba qarrieqa, u għala għandna nagħżlu l-ħbieb tagħna bil-għaqal?
8 Mod wieħed li bih Satana jipprova jtellifna hu permezz tal-ħsibijiet tal-ħajja. F’dawn l-aħħar jiem, ħafna nies iħobbu l-flus, lilhom infushom, u l-pjaċiri tal-ħajja. Ma jħobbux lil Alla. (2 Timotju 3:1-4) Medhijin bl-affarijiet taʼ kuljum, il-maġġuranza min-nies ‘ma jagħtux kas’ l-aħbar tajba li nagħtuhom. Sempliċement m’humiex interessati li jitgħallmu l-veritajiet tal-Bibbja. (Mattew 24:37-39) Attitudni bħal din tistaʼ tittieħed, u tiġbidna fi stat t’apatija spiritwali. Jekk inħallu lilna nfusna nikkultivaw l-imħabba għall-affarijiet materjali u l-pjaċiri tal-ħajja, l-imħabba tagħna għal Alla se tibred.—Mattew 24:12.
9 Għal din ir-raġuni, il-Kristjani joqogħdu attenti maʼ min jagħżlu li jassoċjaw. Is-Sultan Salamun kiteb: “Min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref, min imur mal-boloh, jaqaʼ fl-hemm.” (Proverbji 13:20) Jalla ‘nagħmluha’ maʼ dawk li jirriflettu l-glorja t’Alla. Tassew hija xi ħaġa sabiħa meta nagħmlu dan! Hekk kif ninġabru flimkien maʼ ħutna spiritwali fil-laqgħat tagħna u f’ħinijiet oħra, insibu inkuraġġiment fl-imħabba, il-fidi, il-ferħ, u l-għerf tagħhom. Sħubija bnina bħal din issaħħaħ id-determinazzjoni tagħna biex nipperseveraw fil-ministeru tagħna.
10. Satana b’liema modi uża t-twaqqigħ għaċ-ċajt kontra dawk li jirriflettu l-glorja t’Alla?
10 It-tieni mod li bih Satana jipprova jwaqqaf lill-Kristjani kollha milli jirriflettu l-glorja t’Alla hu bit-twaqqigħ għaċ-ċajt. Din it-tattika m’għandhiex tissorprendina. Waqt il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù Kristu ġie ridikolat—daħqu bih, kasbruh, waqqgħuh għaċ-ċajt, żebilħuh, u saħansitra beżqulu. (Marku 5:40; Luqa 16:14; 18:32) Il-Kristjani tal-bidu wkoll ġew imwaqqgħin għaċ-ċajt. (Atti 2:13; 17:32) Qaddejja taʼ Ġeħova llum jiffaċċjaw abbuż simili. Skond l-appostlu Pietru, kellhom fil-fatt jissejħu “profeti foloz.” Pietru bassar: “Fl-aħħar jiem jiġu nies li jwaqqgħu kollox għaċ-ċajt u jieħdu kollox biż-żuffjett, u jimxu skond ix-xewqat tagħhom stess u jgħidu: ‘Fejn hi din il-preżenza mwiegħda tiegħu? Għax . . . kollox għadu għaddej eżatt bħalma kien sa mill-bidu tal-ħolqien.’” (2 Pietru 3:3, 4) Il-qaddejja t’Alla jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt għax uħud jgħidu li m’humiex realistiċi. Il-livelli morali tal-Bibbja huma meqjusin bħala antikwati. Għal ħafna, il-messaġġ li aħna nippridkaw huwa bluha. (1 Korintin 1:18, 19) Bħala Kristjani, nistgħu niġu mwaqqgħin għaċ-ċajt fl-iskola, fuq ix-xogħol, u kultant anki mill-membri tal-familja tagħna. Mingħajr ma naqtgħu qalbna, aħna nkomplu nirriflettu l-glorja t’Alla permezz taʼ l-ippridkar tagħna, billi nafu bħalma kien jaf Ġesù li l-Kelma t’Alla hija verità.—Ġwanni 17:17.
11. Satana kif uża l-persekuzzjoni biex jipprova jsikket lill-Kristjani?
11 It-tielet tattika li x-Xitan juża biex jipprova jsikkitna hi l-oppożizzjoni jew il-persekuzzjoni. Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Jagħtukom f’idejn min iġagħalkom issofru u joqtlukom, u tkunu mibgħudin mill-ġnus kollha minħabba ismi.” (Mattew 24:9) Tabilħaqq, bħala x-Xhieda taʼ Ġeħova, aħna ffaċċjajna persekuzzjoni ħarxa f’ħafna postijiet madwar id-dinja. Aħna konxji li Ġeħova ħafna żmien ilu bassar li l-mibegħda, jew l-ostilità, kienet se tiżviluppa bejn dawk li jaqdu lil Alla u dawk li jaqdu lil Satana x-Xitan. (Ġenesi 3:15) Nafu wkoll li jekk inżommu l-integrità waqt it-tiġrib, nagħtu prova li Ġeħova għandu d-dritt ikun is-sovran universali. Il-fatt li nafu dan jistaʼ jsaħħaħna anki waqt l-iktar ċirkustanzi diffiċli. Ebda persekuzzjoni m’hi se ssikkitna għal dejjem jekk nibqgħu determinati li nirriflettu l-glorja t’Alla.
12. Għala għandna nifirħu hekk kif nibqgħu leali minkejja l-oppożizzjoni taʼ Satana?
12 Tirreżisti int il-ġibda tad-dinja u turi li int leali minkejja t-twaqqigħ għaċ-ċajt u l-oppożizzjoni? Allura għandek għalfejn tifraħ. Ġesù assigura lil dawk li kienu se jimxu warajh: “Henjin intom meta n-nies iżebilħukom u jippersegwitawkom u bil-gideb jgħidu kull xorta taʼ ħażen kontrikom minħabba fija. Thennew u aqbżu bil-ferħ, għax il-premju tagħkom hu kbir fis-smewwiet; għax hekk kienu jippersegwitawhom lill-profeti li ġew qabilkom.” (Mattew 5:11, 12) Is-sabar tiegħek jagħti prova li l-ispirtu qaddis setgħan taʼ Ġeħova qiegħed fuqek, u qed jagħtik is-saħħa biex tirrifletti l-glorja tiegħu.—2 Korintin 12:9.
Is-Sabar Jiġi Mingħand Ġeħova
13. Liema hi raġuni prinċipali għala nistinkaw fil-ministeru Kristjan tagħna?
13 Raġuni prinċipali għala nistinkaw fil-ministeru hi l-imħabba li għandna għal Ġeħova u l-għaxqa li nirriflettu l-glorja tiegħu. Il-bnedmin għandhom it-tendenza li jimitaw lil dawk li jħobbu u jirrispettaw, u m’hemm ħadd li jistħoqqlu li nimitawh daqs Alla Ġeħova. Minħabba l-imħabba kbira tiegħu, hu bagħat lil Ibnu fuq l-art biex jixhed għall-verità u jifdi lill-umanità ubbidjenti. (Ġwanni 3:16; 18:37) Bħal Alla, aħna nixtiequ li kull tip taʼ nies jindmu u jiksbu s-salvazzjoni; aħna għalhekk nippridkawlhom. (2 Pietru 3:9) Din ix-xewqa, flimkien mad-determinazzjoni tagħna li nimitaw lil Alla, tqanqalna biex nipperseveraw f’li nirriflettu l-glorja tiegħu permezz tal-ministeru tagħna.
14. Ġeħova kif isaħħaħna biex nissaportu fil-ministeru tagħna?
14 Però, fl-aħħar mill-aħħar, is-saħħa tagħna biex nipperseveraw fil-ministeru Kristjan tiġi mingħand Ġeħova. Hu jsostnina u jsaħħaħna permezz taʼ l-ispirtu, l-organizzazzjoni, u l-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Ġeħova “jipprovdi s-sabar” lil dawk li minn jeddhom jirriflettu l-glorja tiegħu. Hu jwieġeb it-talb tagħna u jagħtina l-għerf biex inkampaw mal-provi. (Rumani 15:5; Ġakbu 1:5) Iżjed minn hekk, Ġeħova ma jħalliniex ngħaddu minn xi prova li hija impossibbli biex nissaportuha. Jekk nafdaw f’Ġeħova, hu se jiftħilna t-triq sabiex nibqgħu nirriflettu l-glorja tiegħu.—1 Korintin 10:13.
15. X’jgħinna nissaportu?
15 Is-sabar fil-ministeru tagħna jagħti evidenza li l-ispirtu t’Alla hu fuqna. Biex nagħtu tixbiha: Immaġina li xi ħadd jistaqsik biex tqassam ċertu tip taʼ ħobż minn bieb għal bieb, mingħajr ħlas. Jgħidulek biex tagħmel dan bl-ispejjeż tiegħek u fil-ħin tiegħek. Iżjed minn hekk, malajr issir taf li ftit nies biss iridu mill-ħobż li qed tqassam; xi wħud jistgħu saħansitra jopponu l-isforzi tiegħek biex tqassmu. Taħseb li se tkompli taħdem f’dan l-inkarigu xahar wara xahar, sena wara sena? Probabbilment le. Madankollu, forsi stinkajt ħafna fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba fil-ħin tiegħek u bl-ispejjeż tiegħek għal snin sħaħ, forsi anki għexur taʼ snin. Għala? Mhux għax tħobb lil Ġeħova u għax permezz taʼ l-ispirtu tiegħu hu bierek l-isforzi tiegħek billi għenek tkompli tissaporti? Ċertament!
Xogħol li Għandna Nibqgħu Niftakruh
16. Is-sabar fil-ministeru tagħna xi jfisser għalina u għal dawk li jisimgħuna?
16 Il-ministeru tal-patt il-ġdid huwa rigal li ma jitqabbel maʼ xejn. (2 Korintin 4:7) B’mod simili, il-ministeru Kristjan li qed isir min-nagħaġ oħra madwar id-dinja huwa teżor. Hekk kif tkompli tissaporti fil-ministeru tiegħek, int tistaʼ, bħalma Pawlu kiteb lil Timotju, “issalva kemm lilek innifsek u kemm lil dawk li jisimgħuk.” (1 Timotju 4:16) Aħseb dwar xi jfisser dan. L-aħbar tajba li int tippriedka toffri lil oħrajn l-opportunità li jgħixu għal dejjem. Int tistaʼ tibni għaqda taʼ ħbiberija b’saħħitha maʼ dawk li tgħin spiritwalment. Immaġina kemm se jkun taʼ ferħ li tgħix għal dejjem f’Ġenna taʼ l-art maʼ dawk li int għent biex jitgħallmu dwar Alla! Żgur li qatt m’huma se jinsew l-isforzi tiegħek biex tgħinhom. Dan tassew se jġib sodisfazzjon!
17. Għala qed ngħixu f’perijodu uniku fl-istorja tal-bniedem?
17 Int tgħix f’perijodu uniku fl-istorja tal-bniedem. Qatt m’hu se jerġaʼ jsir l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba f’dinja mbiegħda minn Alla. Noè għex f’dinja simili, u raha tgħaddi. Min jaf kemm feraħ minħabba li hu wettaq bil-lealtà r-rieda t’Alla f’li jibni arka, li wasslet għas-salvazzjoni tiegħu u taʼ familtu! (Ebrej 11:7) Int ukoll jistaʼ jkollok l-istess ferħ. Aħseb dwar kif se tħossok fid-dinja l-ġdida hekk kif tħares lura fuq l-attività tiegħek waqt dawn l-aħħar jiem, billi taf li għamilt dak kollu li stajt biex tippromwovi l-interessi tas-Saltna.
18. Liema assiguranza u inkuraġġiment jagħti Ġeħova lill-qaddejja tiegħu?
18 Għalhekk, ejja nkomplu nirriflettu l-glorja t’Alla. Jekk nagħmlu dan se nibqgħu niftakruh għal dejjem. Ġeħova jiftakar fix-xogħlijiet tagħna wkoll. Il-Bibbja tagħtina dan l-inkuraġġiment: “Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-imħabba li wrejtu għal ismu, peress li qdejtu lill-qaddisin u għadkom taqduhom. Imma aħna nixtiequ li kull wieħed minnkom juri l-istess bżulija sabiex ikollu fiduċja sħiħa fit-tama sat-tmiem, biex ma titgħażżnux, imma timitaw lil dawk li bil-fidi u l-paċenzja jirtu l-wegħdi.”—Ebrej 6:10-12.
Tistaʼ Tispjega?
• Il-Kristjani kif jirriflettu l-glorja t’Alla?
• Liema huma xi tattiki li juża Satana fl-attentati tiegħu biex isikket lill-poplu t’Alla?
• Liema evidenza hemm li l-ispirtu t’Alla qiegħed fuqna?
[Stampa f’paġna 15]
Wiċċ Mosè rrifletta l-glorja
[Stampi f’paġna 16, 17]
Aħna nirriflettu l-glorja t’Alla fil-ministeru tagħna