Il-Kristjani Jirriflettu l-Glorja taʼ Ġeħova
“Henjin għajnejkom għax jaraw, u widnejkom għax jisimgħu.” —MATTEW 13:16.
1. Liema mistoqsija tqum rigward ir-reazzjoni taʼ l-Iżraelin għal Mosè ħdejn il-Muntanja Sinaj?
L-IŻRAELIN li kienu miġburin ħdejn il-Muntanja Sinaj kellhom kull raġun biex jersqu qrib lejn Ġeħova. Wara kollox, hu kien ħelishom mill-Eġittu b’id setgħana. Hu ħa ħsieb il-bżonnijiet tagħhom, ipprovdielhom ikel u ilma fix-xagħri. Imbagħad, tahom rebħa fuq l-armata taʼ l-Għamalekin li kienu qed jattakkawhom. (Eżodu 14:26-31; 16:2–17:13) Hekk kif ikkampjaw fit-tined fix-xagħri ħdejn il-Muntanja Sinaj, in-nies tant kienu beżgħanin minħabba r-ragħad u s-sajjetti li bdew jirtogħdu bil-biżaʼ. Iktar tard, raw lil Mosè nieżel mill-Muntanja Sinaj b’wiċċu jirrifletti l-glorja taʼ Ġeħova. Madankollu, minflok ma wieġbu bi stagħġib u apprezzament, huma tbiegħdu. “Beżgħu jersqu [lejn Mosè].” (Eżodu 19:1-19; 34:30) Għala beżgħu jaraw din ir-riflessjoni tal-glorja taʼ Ġeħova, il-wieħed li kien għamel tant għalihom?
2. X’għandha mnejn kienet ir-raġuni għala l-Iżraelin beżgħu meta raw il-glorja t’Alla li rrifletta Mosè?
2 X’aktarx, ħafna mill-biżaʼ taʼ l-Iżraelin f’din l-okkażjoni kellu x’jaqsam maʼ dak li ġara qabel. Meta minn jeddhom kienu diżubbidjenti lejn Ġeħova billi għamlu għoġol tad-deheb, hu ddixxiplinahom. (Eżodu 32:4, 35) Tgħallmu u apprezzaw huma d-dixxiplina taʼ Ġeħova? Il-maġġuranza minnhom le. Lejn tmiem ħajtu, Mosè fakkarhom dwar il-ġrajja taʼ l-għoġol tad-deheb flimkien m’okkażjonijiet oħra fejn l-Iżraelin urew diżubbidjenza. Hu qal lill-poplu: “Intom merejtu l-kelma tal-Mulej, Alla tagħkom, u ma fdajtuhx, u ma smajtux minn kliemu. Kontu dejjem stinati mal-Mulej, sa minn mindu għaraftkom.”—Dewteronomju 9:15-24.
3. Mosè meta kien jilbes il-velu u meta kien ineħħih?
3 Ikkunsidra kif irreaġixxa Mosè għall-biżaʼ li wrew l-Iżraelin. Ir-rakkont jgħid: “Meta Mosè temm jitkellem magħhom, għatta wiċċu b’velu. Imma meta kien jidħol quddiem il-Mulej [fit-tabernaklu] biex jitkellem miegħu, Mosè kien ineħħi l-velu sa ma kien joħroġ. Meta mbagħad kien joħroġ, kien jgħid lil ulied Iżrael kull ma kien ordnalu l-Mulej. Meta wlied Iżrael kienu jħarsu lejn Mosè, kienu jarawlu l-ġilda taʼ wiċċu tiddi, u Mosè kien jerġaʼ jqiegħed il-velu fuq wiċċu sa ma jerġaʼ jidħol jitkellem [maʼ Ġeħova].” (Eżodu 34:33-35) Mosè għala kultant għatta wiċċu b’velu? X’nistgħu nitgħallmu minn dan? It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet jistgħu jgħinuna neżaminaw ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova.
Opportunitajiet Mitlufin
4. L-appostlu Pawlu liema tifsir kixef dwar il-fatt li Mosè libes il-velu?
4 L-appostlu Pawlu spjega li l-fatt li Mosè libes il-velu kellu x’jaqsam maʼ l-imħuħ u l-kundizzjoni tal-qalb taʼ l-Iżraelin infushom. Pawlu kiteb: “Ulied Iżrael ma setgħux iħarsu fiss lejn wiċċ Mosè minħabba l-glorja taʼ wiċċu . . . Il-qawwa mentali tagħhom kienet imdallma.” (2 Korintin 3:7, 14) X’sitwazzjoni tal-biki! L-Iżraelin kienu l-ġens magħżul taʼ Ġeħova, u hu riedhom jersqu qrib lejh. (Eżodu 19:4-6) Però, huma żammew lura milli jħarsu bir-reqqa lejn ir-riflessjoni tal-glorja t’Alla. Minflok ma dawru qalbhom u moħħhom lejn Ġeħova f’devozzjoni kollha mħabba, huma f’ċertu sens tawh daharhom.
5, 6. (a) Liema parallel kien hemm bejn il-Lhud taʼ l-ewwel seklu u l-Iżraelin fi żmien Mosè? (b) Liema kuntrast kien hemm bejn dawk li semgħu lil Ġesù u dawk li ma tawx kas?
5 F’dan l-aspett, naraw parallel fl-ewwel seklu E.K. Sakemm Pawlu kkonverta għall-Kristjanità, il-patt tal-Liġi kien ġie mibdul mal-patt il-ġdid, permezz taʼ Ġesù Kristu, Mosè Akbar. Ġesù rrifletta l-glorja taʼ Ġeħova b’mod perfett kemm fil-kliem u kemm fl-għemil. Pawlu kiteb dan dwar Ġesù rxoxtat: “Hu r-riflessjoni tal-glorja [t’Alla] u r-rappreżentazzjoni eżatta taʼ l-istess natura tiegħu.” (Ebrej 1:3) X’opportunità taʼ l-għaġeb kellhom il-Lhud! Huma setgħu jisimgħu l-kliem tal-ħajja taʼ dejjem mingħand l-Iben t’Alla nnifsu! B’dispjaċir, il-maġġuranza minn dawk li Ġesù ppridkalhom ma tawx kas. Rigward dawn, Ġesù kkwota l-profezija taʼ Ġeħova permezz taʼ Isaija: “Għax qalb dan il-poplu bbieset; saru tqal biex jisimgħu b’widnejhom, u għalqu għajnejhom; hekk qatt ma se jaraw b’għajnejhom u jisimgħu b’widnejhom u jifhmu dan bi qlubhom u jduru lura, u jien infejjaqhom.”—Mattew 13:15; Isaija 6:9, 10.
6 Kien hemm kuntrast kbir bejn il-Lhud u d-dixxipli taʼ Ġesù, li dwarhom Ġesù qal: “Henjin għajnejkom għax jaraw, u widnejkom għax jisimgħu.” (Mattew 13:16) Il-Kristjani veri jixxennqu li jsiru jafu u jaqdu lil Ġeħova. Huma jitgħaxxqu f’li jwettqu r-rieda tiegħu, kif inhi miktuba fil-paġni tal-Bibbja. B’riżultat taʼ dan, il-Kristjani midlukin jirriflettu l-glorja taʼ Ġeħova fil-ministeru tagħhom tal-patt il-ġdid, u dawk tan-nagħaġ oħra jagħmlu l-istess.—2 Korintin 3:6, 18.
Għala l-Aħbar Tajba Hija Moħbija b’Velu
7. Għala mhix sorpriża li l-maġġuranza jiċħdu l-aħbar tajba?
7 Bħalma rajna, kemm fi żmien Ġesù u kemm fi żmien Mosè, il-maġġuranza mill-Iżraelin ċaħdu l-opportunità unika li kien hemm quddiemhom. Huwa simili fi żmienna. Il-maġġuranza min-nies jiċħdu l-aħbar tajba li nippridkaw. Dan ma jissorprendiniex. Pawlu kiteb: “Issa, jekk l-aħbar tajba li nxandru hi tassew moħbija b’velu, hi moħbija għal dawk li qed jinqerdu, li fosthom l-alla taʼ din is-sistema għema l-imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux.” (2 Korintin 4:3, 4) Flimkien maʼ l-isforzi taʼ Satana biex jaħbi l-aħbar tajba, ħafna nies jaħbu wiċċhom stess b’velu għaliex ma jridux jaraw.
8. B’liema mod hemm ħafna għomja bl-injoranza, u kif nistgħu nevitaw li niġu effettwati bl-istess mod?
8 L-għajnejn figurattivi taʼ ħafna huma għomja bl-injoranza. Il-Bibbja titkellem dwar il-ġnus bħala li huma “fi dlam mentali u mbegħdin mill-ħajja li jagħti Alla, minħabba l-injoranza li tinsab fihom.” (Efesin 4:18) Qabel ma sar Kristjan, Pawlu, raġel mgħallem fil-Liġi, tant kien agħma bl-injoranza li ppersegwita lill-kongregazzjoni t’Alla. (1 Korintin 15:9) Madankollu, Ġeħova wrieh il-verità. Pawlu jispjega: “Ir-raġuni għala ntwerejt ħniena kienet li permezz tiegħi, bħala l-iktar midneb li jispikka, Kristu Ġesù juri l-paċenzja kollha tiegħu bħala mudell għal dawk li se jqiegħdu l-fidi tagħhom fih għall-ħajja taʼ dejjem.” (1 Timotju 1:16) Bħal Pawlu, ħafna li darba kienu jopponu l-verità t’Alla issa qed jaqdu Lilu. Din hija raġuni tajba biex nibqgħu nagħtu xiehda anki lil dawk li jopponuna. Sadanittant, billi nistudjaw il-Kelma t’Alla regolarment u nifhmuha, aħna niġu protetti milli naġixxu bl-injoranza b’mod li jġib id-diżapprovazzjoni taʼ Ġeħova.
9, 10. (a) Il-Lhud taʼ l-ewwel seklu kif urew li ma kinux lesti jitgħallmu u li kienu riġidi fl-opinjonijiet tagħhom? (b) Hemm xi xebh fil-Kristjaneżmu llum? Spjega.
9 Ħafna ma jistgħux jifhmu l-affarijiet spiritwali b’mod ċar minħabba li m’humiex lesti li jitgħallmu u huma riġidi fl-opinjonijiet tagħhom. Ħafna Lhud ċaħdu lil Ġesù u t-tagħlim tiegħu minħabba li żammew sod mal-Liġi Mosajka. M’għandniex xi ngħidu, kien hemm eċċezzjonijiet. Per eżempju, wara li Ġesù ġie rxoxtat, “folla kbira taʼ qassisin bdew jobdu l-fidi.” (Atti 6:7) Minkejja dan, rigward il-maġġuranza mil-Lhud, Pawlu kiteb: “Sa llum, kulmeta jinqara Mosè, ikollhom velu fuq qlubhom.” (2 Korintin 3:15) Pawlu x’aktarx kien jaf dak li Ġesù kien qal qabel lill-mexxejja reliġjużi Lhud: “Qed tfittxu fl-Iskrittura, għax taħsbu li permezz tagħha jkollkom il-ħajja taʼ dejjem; u din stess tixhed dwari.” (Ġwanni 5:39) It-tfittxija tant bir-reqqa li għamlu fl-Iskrittura jmissha għenithom jifhmu li Ġesù kien il-Messija. Però, il-Lhud kellhom l-ideat tagħhom, u lanqas l-Iben t’Alla li għamel tant mirakli ma setaʼ jipperswadihom ibiddlu ħsibijiethom.
10 L-istess huwa minnu għal ħafna minn dawk fil-Kristjaneżmu llum. Bħal-Lhud taʼ l-ewwel seklu, “għandhom żelu għal Alla, imma mhux skond l-għarfien eżatt.” (Rumani 10:2) Għalkemm xi wħud jistudjaw il-Bibbja, ma jridux jemmnu dak li tgħid. Huma jirrifjutaw li jaċċettaw li Ġeħova jgħallem lill-poplu tiegħu permezz tal-klassi taʼ l-ilsir leali u għaqli taʼ Kristjani midlukin. (Mattew 24:45) Però, aħna nifhmu li Ġeħova qed jgħallem lill-poplu tiegħu u li l-fehma tal-veritajiet t’Alla minn dejjem kienet progressiva. (Proverbji 4:18) Billi nħallu lilna nfusna niġu mgħallmin minn Ġeħova, aħna niġu mberkin bl-għarfien tar-rieda u l-iskop tiegħu.
11. Il-fatt li ħafna jemmnu dak li jridu jemmnu, xi rwol kellu biex il-verità tibqaʼ moħbija?
11 Oħrajn jagħmew minħabba li jemmnu biss dak li jridu jemmnu. Kien imbassar li xi wħud kienu se jwaqqgħu għaċ-ċajt lill-poplu t’Alla u l-messaġġ li jipproklamaw rigward il-preżenza taʼ Ġesù. L-appostlu Pietru kiteb: “Skond ix-xewqa tagħhom, huma jagħlqu għajnejhom għal dan il-fatt,” jiġifieri li Alla ġab dilluvju fuq id-dinja taʼ żmien Noè. (2 Pietru 3:3-6) B’mod simili, ħafna li jistqarru li huma Kristjani huma lesti biex jirrikonoxxu li Ġeħova juri ħniena, qalb tajba, u maħfra; madankollu, jinjoraw jew jiċħdu l-fatt li jikkastiga l-ħażen. (Eżodu 34:6, 7) Il-Kristjani veri jagħmlu sforzi sinċieri biex jifhmu dak li tgħallem verament il-Bibbja.
12. Xi wħud kif saru għomja minħabba t-tradizzjonijiet?
12 Ħafna wħud li jmorru l-knisja huma għomja minħabba t-tradizzjoni. Lill-mexxejja reliġjużi fi żmienu, Ġesù qal: “Il-kelma t’Alla ġibtuha fix-xejn minħabba t-tradizzjoni tagħkom.” (Mattew 15:6) B’żelu, il-Lhud reġgħu rrestawraw il-qima pura wara li rritornaw mill-eżilju f’Babilonja, però l-qassisin stess saru kburin u ġusti f’għajnejhom stess. Il-festi reliġjużi bdew isiru għal għajn in-nies, neqsin minn riverenza ġenwina għal Alla. (Malakija 1:6-8) Sa żmien Ġesù, l-iskribi u l-Fariżej kienu żiedu numru kbir taʼ tradizzjonijiet mal-Liġi Mosajka. Ġesù espona dawn l-irġiel minħabba li ma setgħux jagħrfu l-prinċipji ġusti li l-Liġi kienet ibbażata fuqhom. (Mattew 23:23, 24) Il-Kristjani veri għandhom jagħmlu ċert li ma jħallux tradizzjonijiet reliġjużi li vvintaw il-bnedmin ifixkluhom mill-qima pura.
“Qed Jara lil Dak li Hu Inviżibbli”
13. Mosè b’liema żewġ modi ra ftit mill-glorja t’Alla?
13 Mosè staqsa biex jara l-glorja t’Alla fuq il-muntanja, u ra r-raġġi taʼ wara tal-glorja taʼ Ġeħova. Meta kien jidħol fit-tabernaklu ma kienx jilbes il-velu. Mosè kien raġel taʼ fidi kbira li xtaq jagħmel ir-rieda t’Alla. Għalkemm ġie mbierek billi ra ftit mill-glorja taʼ Ġeħova b’għajnejh, f’ċertu sens kien diġà ra lil Alla bl-għajnejn tal-fidi. Il-Bibbja tgħid li Mosè “baqaʼ sod bħallikieku qed jara lil Dak li hu inviżibbli.” (Ebrej 11:27; Eżodu 34:5-7) U hu rrifletta l-glorja t’Alla mhux biss minn dawk ir-raġġi li kienu ħerġin minn wiċċu għal xi żmien imma wkoll permezz taʼ l-isforzi tiegħu biex jassisti lill-Iżraelin ħalli jsiru jafu u jaqdu lil Ġeħova.
14. Ġesù kif ra l-glorja t’Alla, u fiex kienet l-għaxqa tiegħu?
14 Fis-sema, Ġesù ra l-glorja t’Alla direttament għal żmien twil ħafna, qabel ma ġie maħluq l-univers. (Proverbji 8:22, 30) Matul dak iż-żmien kollu, żviluppat relazzjoni kollha mħabba u affezzjoni. Alla Ġeħova esprima l-iktar imħabba tenera u affezzjoni għall-ewwel imwieled tal-ħolqien kollu. Ġesù esprima lura l-imħabba kbira u l-affezzjoni li kellu għal Alla, il-Wieħed li tah il-ħajja. (Ġwanni 14:31; 17:24) L-imħabba tagħhom lejn xulxin kienet imħabba perfetta bejn Missier u Iben. Ġesù, bħal Mosè, tgħaxxaq f’li jirrifletti l-glorja taʼ Ġeħova f’dak li għallem.
15. Il-Kristjani b’liema modi jirriflettu l-glorja t’Alla?
15 Bħal Mosè u Ġesù, ix-Xhieda t’Alla llum fuq l-art huma ħerqanin biex jirriflettu l-glorja taʼ Ġeħova. Ma tawx daharhom għall-aħbar tajba glorjuża. L-appostlu Pawlu kiteb: “Meta jduru lejn Ġeħova [biex jagħmlu r-rieda tiegħu], il-velu jitneħħa.” (2 Korintin 3:16) Aħna nistudjaw l-Iskrittura għax nixtiequ nagħmlu r-rieda t’Alla. Nammiraw il-glorja li hi riflessa f’wiċċ Ġesù Kristu, l-Iben taʼ Ġeħova u s-Sultan midluk, u nimitaw l-eżempju tiegħu. Bħal Mosè u bħal Ġesù, aħna ġejna mberkin b’ministeru, jiġifieri li ngħallmu lil oħrajn dwar l-Alla glorjuż li aħna nqimu.
16. Għala aħna mberkin mill-fatt li nafu l-verità?
16 Ġesù talab: “Jien infaħħrek quddiem kulħadd, Missier, . . . għax int ħbejt dawn l-affarijiet mill-għorrief u l-intellettwali u kxifthom liċ-ċkejknin.” (Mattew 11:25) Ġesù jagħti fehma taʼ l-iskopijiet u l-personalità tiegħu lil dawk li huma sinċieri u umli f’qalbhom. (1 Korintin 1:26-28) Aħna ġejna taħt il-protezzjoni tiegħu, u hu jgħallimna għall-ġid tagħna—biex niksbu l-aħjar mill-ħajja. Jalla nieħdu vantaġġ minn kull opportunità biex nersqu qrib lejn Ġeħova, billi napprezzaw il-ħafna provvedimenti tiegħu biex insiru nafuh b’mod iktar mill-qrib.
17. Kif nistgħu nsiru nafu l-kwalitajiet taʼ Ġeħova iktar bis-sħiħ?
17 Lill-Kristjani midlukin Pawlu kiteb: “Waqt li b’wiċċna mingħajr velu nirriflettu bħall-mirja l-glorja taʼ Ġeħova [u] nitbiddlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja.” (2 Korintin 3:18) Kemm jekk it-tama tagħna hi għas-sema u kemm jekk hi għall-art, iktar kemm insiru nafu lil Ġeħova—il-kwalitajiet u l-personalità tiegħu kif jintwerew fil-Bibbja—iktar insiru bħalu. Jekk b’apprezzament nistudjaw u naħsbu dwar il-ħajja, il-ministeru, u t-tagħlim taʼ Ġesù Kristu, se nirriflettu l-kwalitajiet taʼ Ġeħova iktar bis-sħiħ. Kemm aħna ferħanin li nġibu tifħir lil Alla tagħna u li nipprovaw nirriflettu l-glorja tiegħu!
X’Tiftakar?
• L-Iżraelin għala beżgħu jaraw il-glorja t’Alla li kien qed jirrifletti Mosè?
• L-aħbar tajba b’liema modi kienet “moħbija b’velu” fl-ewwel seklu? u fi żmienna?
• Kif nirriflettu l-glorja t’Alla?
[Stampa f’paġna 19]
L-Iżraelin ma setgħux iħarsu lejn wiċċ Mosè
[Stampi f’paġna 21]
Bħal Pawlu, ħafna li darba opponew il-verità t’Alla issa qed jaqdu Lilu
[Stampi f’paġna 23]
Il-qaddejja taʼ Ġeħova jitgħaxxqu f’li jirriflettu l-glorja t’Alla