LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 9/1 pp. 4-7
  • Jinkisbu Benefiċċji Meta Wieħed Ikun Leali

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jinkisbu Benefiċċji Meta Wieħed Ikun Leali
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Lealtà fiż-​Żwieġ—Ħtieġa Bażika
  • Il-​Lealtà Żżomm iż-​Żwieġ
  • Il-​Lealtà bejn il-​Ġenituri u l-​Ulied
  • Il-​Lealtà Hija Vitali għall-​Ħbiberija
  • Il-​Lealtà Tistaʼ Titgħallimha
  • Nilqgħu l-Isfida tal-Lealtà
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Ara l-Leali!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • “Int Biss Leali”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Lejn Min Għandek Tkun Leali?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 9/1 pp. 4-7

Jinkisbu Benefiċċji Meta Wieħed Ikun Leali

F’XI PAJJIŻI, it-​tfal iħobbu jinku lil sħabhom billi jwaħħlulhom żrieragħ tondi kollhom xewk mal-​flokkijiet tas-​suf tagħhom. Iż-​żrieragħ jeħlu mas-​suf, u minkejja dak li jagħmel l-​individwu​—kemm jekk jimxi, jiġri, jiċċaqlaq, jew jaqbeż—iż-​żrieragħ jibqgħu mwaħħlin. L-​uniku mod kif teħles minnhom huwa li taqlagħhom waħda waħda. It-​tfal jieħdu gost ħafna jagħmlu dan.

Ovvjament, mhux kulħadd jieħu pjaċir b’dawn iż-​żrieragħ maʼ ħwejġu, imma kulħadd jiskanta b’kemm għandhom ħila jżommu mal-​ħwejjeġ. Xi ħadd li jkun leali għandu kwalità simili. F’relazzjoni b’saħħitha, min ikun leali jibqaʼ ‘jżomm’ maʼ dak li jkun. Hu jżomm lealment id-​dmirijiet u l-​obbligi taʼ dik ir-​relazzjoni anki meta ċ-​ċirkustanzi jkunu diffiċli. Il-​kelma “lealtà” ġġibilna f’moħħna virtujiet bħalma huma l-​verità, l-​appoġġ, u d-​devozzjoni. Madankollu, filwaqt li għandek mnejn tapprezza meta n-​nies ikunu leali lejk, għandek karattru b’saħħtu biżżejjed biex int tkun leali lejn oħrajn? Jekk iva, lejn min għandek tkun leali?

Lealtà fiż-​Żwieġ—Ħtieġa Bażika

Iż-​żwieġ huwa aspett wieħed fejn hija meħtieġa l-​lealtà, imma fejn b’dispjaċir ħafna drabi tkun nieqsa. Raġel u mara li jibqgħu leali lejn il-​wegħdi taż-​żwieġ​—jiġifieri li jibqgħu flimkien u jaħdmu għall-​ġid taʼ xulxin​—ikunu ħadu pass importanti biex isibu l-​ferħ u s-​sigurtà. Għala? Għaliex il-​bnedmin inħolqu bi bżonn li juru lealtà kif ukoll li jintwerew lealtà minn oħrajn. Meta sar iż-​żwieġ taʼ Adam u Eva fil-​ġnien taʼ l-​Għeden, Alla ddikjara: “Raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu.” L-​istess kellu japplika għall-​mara; hi kellha tingħaqad maʼ żewġha. Ir-​raġel u l-​mara kellhom ikunu leali u jikkooperaw flimkien.—Ġenesi 2:24; Mattew 19:​3-9.

Ovvjament dan ġara eluf taʼ snin ilu. Ifisser dan li l-​lealtà fiż-​żwieġ illum hija xi ħaġa antikwata? Ħafna jwieġbu le. Xi riċerkaturi fil-​Ġermanja sabu li 80 fil-​mija qiesu l-​lealtà fiż-​żwieġ bħala xi ħaġa importanti ħafna. Sar stħarriġ ieħor biex jiskopri l-​iktar karatteristiki mixtieqa mill-​irġiel u n-​nisa. Grupp taʼ rġiel ġew mitlubin iniżżlu bil-​miktub il-​ħames kwalitajiet li jammiraw l-​iktar fin-​nisa, u grupp taʼ nisa niżżlu l-​ħames kwalitajiet li jammiraw l-​iktar fl-​irġiel. L-​iktar virtù li kemm l-​irġiel kif ukoll in-​nisa tawha valur kienet il-​lealtà.

Iva, il-​lealtà hija parti minn pedament sod għal żwieġ taʼ suċċess. Madankollu, bħalma rajna fl-​artiklu taʼ qabel, il-​lealtà hija iktar imfaħħra milli prattikata. Per eżempju, ir-​rata għolja taʼ divorzju f’ħafna pajjiżi tagħti evidenza taʼ kemm hi mifruxa ż-​żlealtà. Kif jistgħu l-​imseħbin fiż-​żwieġ jirreżistu din it-​tendenza u jibqgħu leali lejn xulxin?

Il-​Lealtà Żżomm iż-​Żwieġ

Il-​lealtà tintwera meta l-​imseħbin fiż-​żwieġ ifittxu opportunitajiet biex jikkonfermaw id-​devozzjoni tagħhom lejn xulxin. Per eżempju, normalment ikun aħjar li tgħid “tagħna” minflok “tiegħi”​—“il-​ħbieb tagħna,” “it-​tfal tagħna,” “id-​dar tagħna,” “l-​esperjenzi tagħna,” u nibqgħu sejrin. Meta jagħmlu xi pjanijiet jew jieħdu xi deċiżjonijiet​—kemm jekk dwar id-​dar, ix-​xogħol, it-​trobbija tat-​tfal, id-​divertiment, il-​vaganzi, jew attivitajiet reliġjużi—ir-​raġel u l-​mara jagħmlu tajjeb jekk jikkunsidraw is-​sentimenti u l-​opinjonijiet taʼ xulxin.​—Proverbji 11:14; 15:22.

Il-lealtà tintwera meta kull parti fiż-​żwieġ tagħmel lill-​parti l-​oħra tħossha bżonnjuża u mixtieqa. Persuna miżżewġa ma tħosshiex ċerta minnha nfisha meta l-​parti l-​oħra taġixxi b’kunfidenza żejda maʼ xi ħadd tas-​sess oppost. Il-​Bibbja tagħti parir lill-​irġiel biex jibqgħu maʼ ‘mart żgħożithom.’ Raġel miżżewweġ qatt ma jrid iħalli lil qalbu tixxennaq għall-​attenzjoni kollha ammirazzjoni taʼ mara oħra ħlief taʼ martu. Żgur li jrid jevita li jinvolvi ruħu fiżikament maʼ mara oħra. Il-​Bibbja twissi: “Min jiżni hu bniedem bla moħħ, jeqred lilu nnifsu min jagħmel hekk.” L-​istess livell għoli taʼ lealtà huwa mistenni mill-​mara.​—Proverbji 5:18; 6:​32.

Hija taʼ siwi l-​lealtà fiż-​żwieġ? Dażgur li hi. Tagħmel iż-​żwieġ iktar stabbli u dejjiemi, u kull parti fiż-​żwieġ tibbenefika individwalment. Per eżempju, meta raġel jikkommetti ruħu lealment għall-​ġid taʼ martu, hi tant tħossha rassigurata li tkun tistaʼ turi l-​aħjar kwalitajiet li għandha. L-​istess jistaʼ jħossu r-​raġel. Id-​deċiżjoni tiegħu biex jibqaʼ leali lejn martu tgħinu jibqaʼ jikkommetti ruħu għal prinċipji ġusti fl-​aspetti kollha taʼ ħajtu.

Jekk raġel u mara jgħaddu minn perijodu diffiċli, il-​lealtà se tgħinhom iħossuhom rassigurati. Min-​naħa l-​oħra, jekk fiż-​żwieġ ma jkunx hemm lealtà, reazzjoni komuni għall-​problemi tkun li jisseparaw jew jiddivorzjaw. Pass bħal dan, minflok ma jsolvi l-​problemi, ħafna drabi jissarraf fi problemi oħra. Lura fl-​1980, wieħed disinjatur tal-​moda telaq lil martu u lil uliedu. Sab ferħ bħala raġel waħdu? Għoxrin sena wara, hu ammetta li dik is-​separazzjoni ħallietu “waħdu u inkwetat u mqajjem bil-​lejl, imxennaq li jgħid il-​lejl it-​tajjeb lil uliedu.”

Il-​Lealtà bejn il-​Ġenituri u l-​Ulied

Meta l-​ġenituri jkunu leali lejn xulxin, ikun hemm probabbiltà tajba li din il-​kwalità jitgħallmuha wliedhom ukoll. Iktar tard fil-​ħajja, it-​tfal li jkunu trabbew ġo familja leali u kollha mħabba se jsibuha iktar faċli li jaġixxu b’mod responsabbli lejn il-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ kif ukoll lejn il-​ġenituri tagħhom hekk kif dawn jibdew iħossu l-​piż tax-​xjuħija.​—1 Timotju 5:​4, 8.

M’għandniex xi ngħidu, m’humiex dejjem il-​ġenituri li tonqsilhom saħħithom l-​ewwel. Kultant xi tfal ikollhom bżonn li tingħatalhom kura b’mod leali. Din kienet is-​sitwazzjoni taʼ Herbert u Gertrud li ilhom Xhieda taʼ Ġeħova għal iktar minn 40 sena. Binhom, Dietmar, bata għal ħajtu kollha minn distrofija muskolari. Għall-​aħħar sebaʼ snin qabel mewtu f’Novembru tas-​sena 2002, Dietmar kellu bżonn il-​kura u l-​attenzjoni lejl u nhar. Il-​ġenituri tiegħu bi mħabba ħadu ħsieb il-​bżonnijiet tiegħu. Huma saħansitra installaw xi makkinarju mediku f’darhom u ħadu taħriġ mediku. Eżempju mill-​aħjar taʼ lealtà fil-​familja!

Il-​Lealtà Hija Vitali għall-​Ħbiberija

“Persuna tistaʼ tkun ferħana mingħajr sieħeb jew sieħba fiż-​żwieġ, imma diffiċli tkun ferħana mingħajr ħabib,” osservat Birgit. Forsi int taqbel maʼ dan. Kemm jekk int miżżewweġ jew le, il-​lealtà taʼ ħabib tajjeb tqawwilek qalbek u ssebbaħlek ħajtek. Ovvjament, jekk int miżżewweġ, il-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ għandha jew għandu jkun l-​iktar ħabib qrib tiegħek.

Ħabib m’huwiex sempliċement xi ħadd li tkun tafu biss. Nistgħu nkunu nafu ħafna nies​—ġirien, kollegi, u nies li niltaqgħu magħhom kultant żmien. Ħbiberija vera tirrikjedi investiment taʼ ħin, enerġija, u rabta emozzjonali. Huwa unur li tkun ħabib taʼ xi ħadd. Il-​ħbiberija ġġib magħha ċerti privileġġi, imma tinvolvi wkoll responsabbiltajiet.

Il-komunikazzjoni tajba hija ħtieġa fi ħbiberija. Komunikazzjoni bħal din tistaʼ ssir ukoll minħabba l-​bżonn. “Jekk xi ħadd minna jkollu problema, jien u l-​ħabiba tiegħi nċemplu lil xulxin darba jew darbtejn fil-​ġimgħa. Vera xi ħaġa sabiħa li nkun naf li hi qiegħda hemm u lesta biex tismagħni,” tispjega Birgit. Id-​distanza m’għandhiex għalfejn tkun ostaklu għall-​ħbiberija. Gerda u Helga jgħixu eluf taʼ kilometri ’l bogħod, imma ilhom ħbieb kbar għal iktar minn 35 sena. “Aħna niktbu lil xulxin regolarment,” tispjega Gerda, “nirrakkontaw l-​esperjenzi u niddeskrivu l-​iktar sentimenti profondi, kemm taʼ ferħ u kemm taʼ dwejjaq. L-​ittri mingħand Helga tgħidx kemm iferrħuni. Aħna sempliċement għandna l-​istess mod taʼ ħsieb.”

Il-lealtà hija vitali għal ħbiberija. Att wieħed taʼ żlealtà jistaʼ jfarrak relazzjonijiet li jkunu ilhom żmien twil. Hija xi ħaġa komuni għall-​ħbieb li jagħtu pariri lil xulxin, anki dwar affarijiet kunfidenzjali. Il-​ħbieb jitkellmu minn qalbhom mingħajr ma jibżgħu li se jiġu mmaqdrin, b’fiduċja li dak li jgħidu se jibqaʼ bejniethom. Il-​Bibbja tistqarr: “Il-​ħabib iħobbok kull ħin, bħal ħuk imwieled għal żmien l-​hemm.”​—Proverbji 17:17.

Ladarba l-​ħbieb tagħna jinfluwenzaw il-​mod kif naħsbu, inħossuna, u naġixxu, huwa importanti li nagħmlu ħbieb maʼ nies li l-​mod taʼ ħajja tagħhom ikun jaqbel maʼ tagħna. Per eżempju, oqgħod attent li tagħmel ħbieb li jkollhom l-​istess twemmin, l-​istess ħarsa morali, u l-​istess livell taʼ x’inhu tajjeb u ħażin. Ħbieb bħal dawn se jgħinuk tilħaq il-​miri tiegħek. Barra minn hekk, għalfejn għandek titħabbeb maʼ xi ħadd li m’għandux livelli u morali bħal tiegħek? Il-​Bibbja turi l-​importanza dwar l-​għażla taʼ ħbieb tajbin meta tgħid: “Min jagħmilha maʼ l-​għaref, isir għaref, min imur mal-​boloh, jaqaʼ fl-​hemm.”​—Proverbji 13:20.

Il-​Lealtà Tistaʼ Titgħallimha

Meta t-​tfal jitgħallmu jwaħħlu ż-​żrieragħ kollhom xewk mal-​ħwejjeġ taʼ xi ħadd, wisq probabbli se jkunu jridu jilagħbu din il-​logħba darba wara l-​oħra. L-​istess jistaʼ jintqal dwar persuna li hi leali. Għala? Għaliex iktar ma nuru lealtà, dan dejjem se jsir iktar faċli. Jekk persuna titgħallem tkun leali fil-​familja kmieni fil-​ħajja, din se ssibha iktar faċli li tiżviluppa ħbiberiji bbażati fuq il-​lealtà. Maż-​żmien, ħbiberiji b’saħħithom u dejjiema bħal dawn jistgħu jwittu t-​triq għal-​lealtà fiż-​żwieġ. Dan se jgħin iktar lil dak li jkun sabiex jibqaʼ leali fl-​iktar ħbiberija importanti minn kollha.

Ġesù qal li l-​akbar kmandament huwa li nħobbu lil Alla Ġeħova b’qalbna, ruħna, moħħna, u saħħitna kollha. (Marku 12:30) Dan ifisser li aħna għandna nuru lealtà sħiħa lejn Alla. Il-​lealtà lejn Alla Ġeħova ġġib ħlas kbir. Hu qatt m’hu se jiddiżappuntana, għaliex hu stess qal: “Jien leali.” (Ġeremija 3:​12, NW) Tabilħaqq, il-​lealtà lejn Alla ġġib ħlas dejjiemi.​—1 Ġwanni 2:​17.

[Kumment f’paġna 6]

Il-​lealtà taʼ ħabib tajjeb tqawwilek qalbek

[Stampa f’paġna 5]

Membri leali taʼ familja jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ xulxin

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja