Il-Kristjanità Tinfirex Fost il-Lhud taʼ l-Ewwel Seklu
MADWAR is-sena 49 E.K., inżammet laqgħa importanti f’Ġerusalemm. Dawk “li kienu jidhru li huma kolonni” fil-kongregazzjoni Kristjana taʼ l-ewwel seklu—Ġwanni, Pietru, u Ġakbu, ħu Ġesù mill-omm—kienu preżenti. It-tnejn l-oħra msemmijin bħala li kienu hemm għal-laqgħa kienu l-appostlu Pawlu u sieħbu Barnaba. Fuq l-aġenda kien hemm kif setgħu jaqsmu t-territorju vast għax-xogħol taʼ l-ippridkar. Pawlu spjega: “Taw lili u lil Barnaba l-id il-leminija b’sinjal taʼ sħubija bejnietna, sabiex aħna mmorru għand il-ġnus, u huma għand iċ-ċirkonċiżi.”—Galatin 2:1, 9.a
Kif għandna nifhmuh dan il-ftehim? Kien it-territorju fejn kellha tiġi pridkata l-aħbar tajba maqsum naħa għal-Lhud u l-proseliti, u naħa għall-Ġentili? Jew kien ftehim dwar kif it-territorju kellu jinqasam b’mod ġeografiku? Sabiex insibu tweġiba raġunevoli, għandna bżonn ftit informazzjoni storika dwar id-Dijaspora, jiġifieri l-Lhud li kienu jgħixu barra l-Palestina.
Id-Dinja Lhudija fl-Ewwel Seklu
Kemm kien hemm Lhud fid-Dijaspora fl-ewwel seklu? Ħafna studjużi donnhom jaqblu mal-pubblikazzjoni Atlas of the Jewish World: “Huwa diffiċli biex niddeterminaw figura eżatta, imma ngħatat stima raġunevoli li ftit qabel is-sena 70 E.K., il-Lhud fil-Lhudija kienu żewġ miljuni u nofs u iktar minn erbaʼ miljuni fid-dijaspora Rumana. . . . X’aktarx li l-Lhud irrappreżentaw madwar għaxra fil-mija mill-popolazzjoni kollha taʼ l-imperu Ruman, u fil-postijiet fejn il-maġġuranza tal-Lhud għexu, fil-bliet tal-provinċji tal-lvant, għandu mnejn kienu jifformaw kwart jew iktar mill-abitanti.”
Iċ-ċentri prinċipali kienu fis-Sirja, fl-Asja Minuri, f’Babilonja, u fl-Eġittu, fil-Lvant, b’komunitajiet iżgħar fl-Ewropa. Xi wħud mill-Kristjani Lhud magħrufin ma kinux jgħixu f’Iżrael, bħal Barnaba li kien minn Ċipru, Priska u Akwila li kienu minn Pontu u mbagħad marru Ruma, Apollo li kien minn Lixandra, u Pawlu li kien minn Tarsu.—Atti 4:36; 18:2, 24; 22:3.
Il-komunitajiet tad-Dijaspora kellhom ħafna konnessjonijiet maʼ pajjiżhom. Waħda minnhom kienet it-taxxa li kienet tintbagħat lit-tempju f’Ġerusalemm kull sena, dan kien mod kif setgħu jipparteċipaw fil-ħajja tat-tempju u l-qima. Rigward dan, l-istudjuż John Barclay josserva: “Hemm evidenza biżżejjed li l-ġbir taʼ dawn il-flus, flimkien maʼ donazzjonijiet oħra mill-għonja, kien iseħħ b’mod skrupluż mill-komunitajiet fid-Dijaspora.”
Konnessjoni oħra kienet l-għaxriet t’eluf taʼ pellegrini li kienu jmorru Ġerusalemm kull sena għall-festi. Ir-rakkont f’Atti 2:9-11 dwar Pentekoste tas-sena 33 E.K. jagħti evidenza taʼ dan. Il-pellegrini Lhud li kienu preżenti kienu mill-Partija, il-Medja, l-Għelam, il-Mesopotamja, il-Kappadoċja, il-Pontu, l-Asja, il-Friġja, il-Pamfilja, l-Eġittu, il-Libja, Ruma, Kreta, u l-Għarabja.
L-amministrazzjoni tat-tempju f’Ġerusalemm kienet tikkomunika bil-kitba mal-Lhud fid-Dijaspora. Huwa magħruf li Gamaljel, l-għalliem tal-liġi msemmi f’Atti 5:34, bagħat ittri lejn Babilonja u partijiet oħra tad-dinja. Meta l-appostlu Pawlu wasal bħala priġunier f’Ruma madwar is-sena 59 E.K., “il-kbarat tal-Lhud” qalulu li “la rċivejna ittri dwarek mil-Lhudija, u lanqas ħadd mill-aħwa li wasal ma rrapporta jew qal xi ħaġa ħażina dwarek.” Dan jindika li ittri u rapporti spiss kienu jintbagħtu mil-Lhudija għal Ruma.—Atti 28:17, 21.
Il-Bibbja tal-Lhud fid-Dijaspora kienet traduzzjoni bil-Grieg taʼ l-Iskrittura Ebrajka magħrufa bħala s-Settanta. Xogħol taʼ referenza jgħid hekk: “Nistgħu nikkonkludu li s-LXX [is-Settanta] kienet tinqara u kienet aċċettata mid-Dijaspora bħala l-Bibbja Lhudija tad-Dijaspora jew l-Iskrittura Mqaddsa.” L-istess traduzzjoni ntużat ħafna mill-Kristjani tal-bidu fit-tagħlim tagħhom.
Il-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna Kristjana f’Ġerusalemm kienu familjari maʼ dawn iċ-ċirkustanzi. L-aħbar tajba kienet diġà laħqet il-Lhud tad-Dijaspora fis-Sirja u iktar ’il bogħod, inkluż id-Damasku u l-Antjokja. (Atti 9:19, 20; 11:19; 15:23, 41; Galatin 1:21) Fis-sena 49 E.K., dawk preżenti fil-laqgħa b’mod ċar kienu qed jippjanaw għal xogħol fil-futur. Ejja nikkunsidraw ir-referenzi Bibliċi għat-tkabbir fost il-Lhud u l-proseliti.
Il-Vjaġġi taʼ Pawlu u l-Lhud fid-Dijaspora
L-inkarigu oriġinali taʼ l-appostlu Pawlu kien ‘biex iwassal isem [Ġesù Kristu] quddiem il-ġnus kif ukoll quddiem slaten u wlied Iżrael.’b (Atti 9:15) Wara l-laqgħa f’Ġerusalemm, Pawlu kompla jfittex lil-Lhud tad-Dijaspora kulfejn ivvjaġġa. (Ara l-kaxxa f’paġna 14.) Dan jindika li l-ftehim tat-territorju kien wieħed ġeografiku. Pawlu u Barnaba żiedu x-xogħol missjunarju tagħhom lejn il-punent, u l-oħrajn qdew f’pajjiżhom il-Lhudija u l-komunitajiet kbar tal-Lhud fid-dinja tal-Lvant.
Meta Pawlu u dawk li vvjaġġaw miegħu bdew it-tieni vjaġġ missjunarju mill-Antjokja fis-Sirja, huma telgħu lejn il-punent u għaddew mill-Asja Minuri ’l fuq lejn Troas. Minn hemm qasmu għall-Maċedonja għaliex ikkonkludew li ‘Alla kien sejħilhom biex ixandru l-aħbar tajba [lil dawk fil-Maċedonja].’ Iktar tard, kongregazzjonijiet Kristjani fformaw fi bliet Ewropej oħra, inkluż f’Ateni u f’Korintu.—Atti 15:40, 41; 16:6-10; 17:1–18:18.
Madwar is-sena 56 E.K., fit-tmiem tat-tielet vjaġġ missjunarju, Pawlu ppjana li jmur saħansitra iktar lejn il-punent u jespandi t-territorju li hu ngħata fil-laqgħa f’Ġerusalemm. Hu kiteb: “Jien ħerqan li nxandar l-aħbar tajba lilkom ukoll li qegħdin Ruma,” u, “nitlaq lejn Spanja u fi triqti niġi għandkom.” (Rumani 1:15; 15:24, 28) Imma xi ngħidu dwar il-komunitajiet kbar tad-Dijaspora fil-Lvant?
Komunitajiet Lhud fil-Lvant
Matul l-ewwel seklu E.K., l-Eġittu kellu l-akbar komunità tad-Dijaspora, speċjalment fil-belt kapitali, Lixandra. Dan iċ-ċentru taʼ negozju u kultura kellu popolazzjoni Lhudija taʼ mijiet t’eluf, u kien hemm diversi sinagogi mifruxin madwar il-belt kollha. Filo, Lhudi minn Lixandra, stqarr li fl-Eġittu kollu, kien hemm minn taʼ l-inqas miljun Lhudi f’dak iż-żmien. Numru kbir kien issetilja fil-viċin fil-Libja, fil-belt taʼ Ċirene, u f’postijiet oħra fil-viċinanza.
Xi Lhud li saru Kristjani kienu minn dawn l-inħawi. Naqraw dwar “Apollo, imwieled Lixandra,” “xi rġiel minn Ċipru u Ċirene,” u “Luċju minn Ċirene,” li appoġġaw il-kongregazzjoni f’Antjokja tas-Sirja. (Atti 2:10; 11:19, 20; 13:1; 18:24) Ħlief għal din ir-referenza, il-Bibbja ma tgħid xejn iktar dwar ix-xogħol tal-Kristjani fl-ewwel seklu fl-Eġittu u l-viċinanzi, minbarra r-rakkont dwar l-evanġelizzatur Kristjan Filippu meta ta xiehda lill-Ewnuku Etjopjan.—Atti 8:26-39.
Babilonja, flimkien maʼ postijiet fil-Partija, il-Medja, u l-Għelam, kienet ċentru prinċipali ieħor. Wieħed storjografu qal li “kull territorju fil-pjanura taʼ Tigri u l-Ewfrat, mill-Armenja sal-golf Persjan, kif ukoll lejn il-grigal sal-Baħar Kaspju, u lejn il-lvant sal-Medja, kien hemm popolazzjonijiet Lhud.” L-Encyclopaedia Judaica tgħid li bejn wieħed u ieħor kien hemm 800,000 Lhudi jew iktar. L-istorjografu taʼ l-ewwel seklu Ġużeppi Flavju jgħidilna li għaxriet t’eluf taʼ Lhud Babiloniżi vvjaġġaw lejn Ġerusalemm għall-festi kull sena.
Kien hemm uħud mill-pellegrini Babiloniżi fost dawk li tgħammdu f’Pentekoste tas-sena 33 E.K.? Ma nafux, imma fost dawk li semgħu lill-appostlu Pietru dakinhar kien hemm uħud mill-Mesopotamja. (Atti 2:9) Nafu li l-appostlu Pietru kien f’Babilonja madwar is-sena 62-64 E.K. Meta kien hemm, hu kiteb l-ewwel ittra tiegħu u possibbilment it-tieni ittra wkoll. (1 Pietru 5:13) Minħabba l-popolazzjoni kbira taʼ Lhud f’Babilonja, ovvjament din kienet kunsidrata bħala parti mit-territorju assenjat lil Pietru, Ġwanni, u Ġakbu fil-laqgħa li hi msemmija fl-ittra lill-Galatin.
Il-Kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm u l-Lhud fid-Dijaspora
Ġakbu, li wkoll attenda l-laqgħa fejn ġie diskuss it-territorju, qeda bħala indokratur fil-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm. (Atti 12:12, 17; 15:13; Galatin 1:18, 19) Hu ra b’għajnejh dak li ġara f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. meta eluf taʼ Lhud li kienu qed iżuru mid-Dijaspora wieġbu għall-aħbar tajba u tgħammdu.—Atti 1:14; 2:1, 41.
Minn dakinhar ’il quddiem għaxriet t’eluf taʼ Lhud kienu jmorru għall-festi kull sena. Il-belt kienet timtela, u l-viżitaturi kellhom joqogħdu fl-irħula fil-viċin jew fit-tined. Minbarra li kienu jiltaqgħu mal-ħbieb, l-Encyclopaedia Judaica tispjega li l-pellegrini kienu jidħlu fit-tempju biex jagħtu qima, joffru sagrifiċċji, u jistudjaw it-Tora.
Bla dubju, Ġakbu u l-membri l-oħra tal-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm użaw dawn l-opportunitajiet biex jagħtu xiehda lil-Lhud tad-Dijaspora. Għandu mnejn li l-appostli għamlu dan b’attenzjoni kbira waqt il-perijodu meta “qamet persekuzzjoni kbira kontra l-kongregazzjoni li kienet f’Ġerusalemm” minħabba l-mewt taʼ Stiefnu. (Atti 8:1) Qabel u wara din il-ġrajja, dak li hemm miktub jindika li ż-żelu taʼ dawn il-Kristjani għall-ippridkar irriżulta fi żjieda kbira.—Atti 5:42; 8:4; 9:31.
X’Nistgħu Nitgħallmu?
Iva, il-Kristjani tal-bidu għamlu sforzi sinċieri biex jikkuntattjaw lil-Lhud kulfejn kienu jgħixu. Fl-istess ħin, Pawlu u oħrajn fittxew lill-Ġentili fl-artijiet Ewropej. Huma osservaw l-aħħar kmand li Ġesù ta lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli “min-nies tal-ġnus kollha.”—Mattew 28:19, 20.
Mill-eżempju tagħhom, nistgħu nitgħallmu l-importanza taʼ li nippridkaw b’mod organizzat sabiex ikollna l-appoġġ taʼ l-ispirtu taʼ Ġeħova. Nistgħu naraw ukoll il-vantaġġi taʼ li nikkuntattjaw lil dawk li għandhom rispett għall-Kelma t’Alla, speċjalment f’territorji fejn hemm ftit Xhieda taʼ Ġeħova. Hemm xi postijiet fit-territorju tal-kongregazzjoni tiegħek li huma iktar produttivi minn oħrajn? Forsi jkun taʼ benefiċċju jekk taħdem dawn iktar spiss. Hemm xi okkażjonijiet pubbliċi fit-territorju li jkun xieraq li tagħmlu sforzi speċjali biex tagħtu xiehda informali jew għoti taʼ xiehda fit-toroq?
Aħna nibbenefikaw mhux biss milli naqraw dwar il-Kristjani tal-bidu fil-Bibbja imma wkoll milli nsiru nafu dwar ftit mid-dettalji storiċi u ġeografiċi. Għodda waħda li nistgħu nużaw biex nifhmu iktar hi l-browxer “See the Good Land,” (“Ara l-Art Tajba”) li fih ħafna mapep u ritratti.
[Noti taʼ taħt]
a Din il-laqgħa x’aktarx inżammet fiż-żmien jew b’konnessjoni mad-diskussjoni tal-Ġemgħa li Tiggverna taʼ l-ewwel seklu dwar il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni.—Atti 15:6-29.
b Dan l-artiklu jiffoka fuq l-ippridkar taʼ Pawlu lil-Lhud, mhux fuq l-attivitajiet tiegħu bħala “appostlu tal-ġnus.”—Rumani 11:13.
[Tabella f’paġna 14]
IT-TĦASSIB TAʼ L-APPOSTLU PAWLU GĦAL-LHUD FID-DIJASPORA
QABEL IL-LAQGĦA F’ĠERUSALEMM FIS-SENA 49 E.K.
Atti 9:19, 20 Damasku — “beda jippriedka fis-sinagogi”
Atti 9:29 Ġerusalemm — “jitkellem . . . mal-Lhud li kienu jitkellmu bil-Grieg”
Atti 13:5 Salamina, Ċipru — “ixandru l-kelma t’Alla fis-sinagogi tal-Lhud”
Atti 13:14 Antjokja fil-Pisidja — “daħlu fis-sinagoga”
Atti 14:1 Ikonju — “daħlu . . . fis-sinagoga tal-Lhud”
WARA L-LAQGĦA F’ĠERUSALEMM FIS-SENA 49 E.K.
Atti 16:14 Filippi — “Lidja, . . . aduratriċi t’Alla”
Atti 17:1 Tessalonika — “sinagoga tal-Lhud”
Atti 17:10 Berea — “is-sinagoga tal-Lhud”
Atti 17:17 Ateni — “jirraġuna fis-sinagoga mal-Lhud”
Atti 18:4 Korintu — “jagħti taħdita fis-sinagoga”
Atti 18:19 Efesu — “daħal fis-sinagoga u rraġuna mal-Lhud”
Atti 19:8 Efesu — “imur fis-sinagoga u għamel tliet xhur jitkellem bil-qlubija”
Atti 28:17 Ruma — “sejjaħ flimkien lill-kbarat tal-Lhud”
[Mappa f’paġna 15]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test,ara pubblikazzjoni)
Dawk li semgħu l-aħbar tajba f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. ġew minn diversi postijiet
ILLIRJA
ITALJA
Ruma
MAĊEDONJA
GREĊJA
Ateni
KRETA
Ċirene
LIBJA
BITINJA
GALAZJA
ASJA
FRIĠJA
PAMFILJA
ĊIPRU
EĠITTU
ETJOPJA
PONTU
KAPPADOĊJA
ĊILIĊJA
MESOPOTAMJA
SIRJA
SAMARIJA
Ġerusalemm
LHUDIJA
MEDJA
Babilonja
GĦELAM
GĦARABJA
PARTIJA
[Kotra taʼilmijiet]
Il-Baħar Mediterran
Il-Baħar l-Iswed
Il-Baħar l-Aħmar
Il-Golf Persjan