Armageddon—Bidu taʼ Ferħ
IL-KELMA “Armageddon” ġejja mill-espressjoni Ebrajka “Ħar–Magedon,” jew “Muntanja taʼ Megiddu.” Tinsab f’Rivelazzjoni 16:16, fejn jgħid: “Ġabruhom flimkien lejn il-post li bl-Ebrajk jissejjaħ Ħar–Magedon.” Min se jinġabar f’Armageddon, u għala? Żewġ versi biss qabel, f’Rivelazzjoni 16:14, naqraw: “Is-slaten taʼ l-art abitata kollha” jinġabru flimkien “għall-gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.” Naturalment, dawn l-istqarrijiet iqajmu mistoqsijiet oħra interessanti ħafna. Dawn “is-slaten” fejn jiġġieldu? Minħabba liema kwistjoni qed jiġġieldu, u kontra min? Se jużaw dawn is-slaten, bħalma ħafna jemmnu, armi li jeqirdu bil-massa? Se jkun hemm min isalva f’Armageddon? Ħalli l-Bibbja tipprovdi t-tweġibiet.
Tfisser ir-referenza għall-“Muntanja taʼ Megiddu” li Armageddon se tiġi miġġielda ħdejn ċerta muntanja fil-Lvant Nofsani? Le. L-ewwelnett, din il-muntanja ma teżistix—fil-post taʼ Megiddu tal-qedem hemm biss għolja taʼ madwar 20 metru ’l fuq mill-pjanura tal-wied fil-qrib. Flimkien maʼ dan, il-post madwar Megiddu hu żgħir wisq biex jesaʼ “s-slaten taʼ l-art u l-armati tagħhom” kollha. (Rivelazzjoni 19:19) Madankollu, Megiddu kien il-post fejn saru wħud mill-iktar battalji ħorox u deċiżivi fl-istorja tal-Lvant Nofsani. B’hekk, l-isem Armageddon huwa simbolu taʼ konflitt deċiżiv, b’rebbieħ wieħed, li se jispikka b’mod ċar.—Ara l-kaxxa “Megiddu—Simbolu Adattat,” f’paġna 5.
Armageddon ma tistax tkun biss konflitt bejn in-nazzjonijiet taʼ l-art, ladarba Rivelazzjoni 16:14 jgħid li “s-slaten taʼ l-art abitata kollha” se jingħaqdu biex jifformaw grupp wieħed fil-“gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.” Fil-profezija ispirata tiegħu, Ġeremija stqarr li dawk “maqtulin mill-Mulej” se jkunu “minn tarf sa tarf taʼ l-art.” (Ġeremija 25:33) B’hekk, Armageddon m’hijiex gwerra umana f’post partikulari fil-Lvant Nofsani. Hija l-gwerra taʼ Ġeħova, u hija globali.
Però, innota li f’Rivelazzjoni 16:16, Armageddon tissejjaħ “post.” Fil-Bibbja “post” jistaʼ jissinifika kundizzjoni jew sitwazzjoni—f’dan il-każ, li d-dinja kollha kemm hi se tingħaqad kontra Ġeħova. (Rivelazzjoni 12:6, 14) F’Armageddon in-nazzjonijiet taʼ l-art kollha jingħaqdu flimkien kontra “l-armati li kienu fis-sema” taħt il-kmand militari tas-“Sultan tas-slaten u Sid tas-sidien,” Ġesù Kristu.—Rivelazzjoni 19:14, 16.
Xi ngħidu dwar l-istqarrija li Armageddon se tkun olokawst li jinvolvi armi li jeqirdu bil-massa jew kolliżjoni maʼ xi meteorita? Se jħalli Alla li hu kollu mħabba lill-umanità u d-dar tagħha, l-art, jintemmu b’mod daqshekk tal-waħx? Le. Hu jistqarr speċifikament li ma ħalaqx l-art “għall-baħħ” imma “sawwarha biex jgħammru fiha.” (Isaija 45:18; Salm 96:10) F’Armageddon, Ġeħova mhux se jeqred il-globu tagħna billi jaħarqu u jġibu fix-xejn. Minflok, hu se ‘jeqred lil dawk li qed jeqirdu l-art.’—Rivelazzjoni 11:18.
Armageddon—Meta?
Tul is-sekli, mistoqsija persistenti li qajmet ħafna spekulazzjoni kienet, Armageddon meta se tiġi? Eżami tal-ktieb tar-Rivelazzjoni flimkien maʼ partijiet oħra tal-Bibbja jistaʼ jgħinna niddeterminaw iż-żmien taʼ din il-battalja kruċjali. Rivelazzjoni 16:15 jorbot Armageddon mal-fatt li Ġesù se jiġi bħal ħalliel. Din l-illustrazzjoni tintuża wkoll minn Ġesù biex jiddeskrivi ż-żmien meta hu se jiġi biex jagħmel ġudizzju minn din is-sistema dinjija.—Mattew 24:43, 44; 1 Tessalonikin 5:2.
Bħalma jintwera mit-twettiq tal-profeziji Bibliċi, mill-1914 ’l hawn qegħdin ngħixu fl-aħħar jiem taʼ din is-sistema dinjija.a L-aħħar parti taʼ l-aħħar jiem se tkun immarkata mill-perijodu li Ġesù sejjaħlu t-“tribulazzjoni kbira.” Il-Bibbja ma tgħidx kemm se jdum dan il-perijodu, imma l-kalamitajiet assoċjati miegħu se jkunu l-agħar li qatt rat id-dinja. Din it-tribulazzjoni kbira se tilħaq il-quċċata tagħha f’Armageddon.—Mattew 24:21, 29.
Ladarba Armageddon hija l-“gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox,” il-bnedmin ma jistgħu jagħmlu xejn biex jipposponuha. Ġeħova għandu “żmien stabbilit” meta din il-gwerra se tibda. “Mhix se tittardja.”—Ħabakkuk 2:3, NW.
Alla taʼ Ġustizzja Jiġġieled Gwerra Ġusta
Però, Alla għala se jiġġieled fi gwerra globali? Armageddon hija marbuta mill-qrib maʼ waħda mill-kwalitajiet kardinali tiegħu, il-ġustizzja. Il-Bibbja tistqarr: “Il-Mulej iħobb is-sewwa [jew, il-ġustizzja].” (Salm 37:28) Hu ra l-atti kollha taʼ inġustizzja li saru waqt l-istorja tal-bniedem. Dan naturalment iqanqal ir-rabja ġusta tiegħu. B’hekk, hu ħatar lil Ibnu biex jiġġieled gwerra ġusta sabiex jeqred lil din is-sistema mill-agħar kompletament.
Ġeħova biss hu kapaċi jiġġieled gwerra li tassew hi ġusta u li se teqred biss lil dawk li jistħoqqilhom il-mewt, filwaqt li individwi li għandhom qalbhom tajba, ikunu fejn ikunu fuq l-art, se jibqgħu ħajjin. (Mattew 24:40, 41; Rivelazzjoni 7:9, 10, 13, 14) U hu biss għandu d-dritt li jimponi s-sovranità tiegħu fuq l-art kollha, għax hi l-ħolqien tiegħu.—Rivelazzjoni 4:11.
X’forzi se juża Ġeħova kontra l-għedewwa tiegħu? Fi ftit kliem ma nafux. Li nafu hu li għandu disponibbli l-mezzi biex jeqred kompletament lin-nazzjonijiet mill-agħar. (Ġob 38:22, 23; Sofonija 1:15-18) Madankollu, il-qaddejja t’Alla fuq l-art mhux se jieħdu sehem fil-battalja. Il-viżjoni f’Rivelazzjoni kapitlu 19 tindika li l-armati tas-sema biss se jissieħbu maʼ Ġesù Kristu fil-gwerra. Ħadd mill-qaddejja Kristjani taʼ Ġeħova fuq l-art m’hu se jieħu sehem.—2 Kronaki 20:15, 17.
Alla t’Għerf Jagħti Ħafna Twissijiet
Se jkun hemm min isalva? Tabilħaqq, kulħadd jistaʼ jsalva f’Armageddon. L-appostlu Pietru osserva: “Ġeħova . . . ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-indiema.” (2 Pietru 3:9) U l-appostlu Pawlu stqarr li Alla “jrid li bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.”—1 Timotju 2:4.
Sabiex jilħaq din il-mira, Ġeħova bl-għerf tiegħu għamel żgur li “l-aħbar tajba tas-saltna” tixxandar kullimkien, b’mijiet taʼ lingwi. In-nies kullimkien qed jingħataw l-opportunità li jsalvaw u jibqgħu jgħixu. (Mattew 24:14; Salm 37:34; Filippin 2:12) Dawk li jwieġbu b’mod favorevoli għall-aħbar tajba jistgħu jsalvaw f’Armageddon u jgħixu għal dejjem f’perfezzjoni fuq art magħmula ġenna. (Eżekjel 18:23, 32; Sofonija 2:3; Rumani 10:13) M’huwiex dan dak li wieħed jistenna minn Alla li hu mħabba?—1 Ġwanni 4:8.
Jistaʼ Alla taʼ Mħabba Jiġġieled?
Madankollu, ħafna jaħsbu għala Alla li hu l-personifikazzjoni taʼ l-imħabba se jġib mewt u qerda fuq ħafna mill-umanità. Is-sitwazzjoni tistaʼ titqabbel maʼ dik taʼ dar invażata b’insetti perikolużi. Ma taqbilx li sid id-dar li jagħti kas għandu jipproteġi s-saħħa u l-benesseri tal-familja tiegħu billi jeqred l-insetti?
B’mod simili, huwa minħabba l-affezzjoni kbira li Ġeħova għandu għall-bnedmin li l-gwerra t’Armageddon se sseħħ. L-iskop t’Alla hu li jagħmel l-art ġenna u li jwassal l-umanità għall-perfezzjoni u għall-paċi, “u ma jkunx hemm min iwerwirhom.” (Mikea 4:3, 4; Rivelazzjoni 21:4) Allura, x’se jsir minn dawk li jheddu l-paċi u s-sigurtà taʼ sħabhom il-bnedmin? Alla għandu jelimina dawn l-“insetti perikolużi”—dawk ħżiena għall-aħħar—għall-ġid taʼ dawk li huma ġusti.—2 Tessalonikin 1:8, 9; Rivelazzjoni 21:8.
Ħafna mit-taqbid u t-tixrid tad-demm illum hu kaġunat mill-ħakma taʼ bnedmin imperfetti u l-istinkar egoistiku għall-interessi nazzjonalistiċi. (Koħèlet 8:9) Minħabba li jixtiequ jkabbru l-influwenza tagħhom, il-gvernijiet umani jwarrbu għal kollox is-Saltna stabbilita t’Alla. M’hemm l-ebda indikazzjoni li se jabbandunaw is-sovranità tagħhom biex jagħtuha lil Alla u lil Kristu. (Salm 2:1-9) Għalhekk, dawn il-gvernijiet iridu jitneħħew biex jagħmlu post għall-ħakma ġusta tas-Saltna taʼ Ġeħova taħt Kristu. (Danjel 2:44) Armageddon trid tiġi miġġielda sabiex issolvi l-kwistjoni taʼ min għandu d-dritt li jaħkem din il-pjaneta u l-umanità darba għal dejjem.
L-intervent attiv taʼ Ġeħova f’Armageddon se jkun għall-ġid taʼ l-umanità. Meta naraw il-kundizzjonijiet tad-dinja li qed jiħraxu, il-ħakma perfetta t’Alla biss se tissodisfa kompletament il-bżonnijiet taʼ l-umanità. Permezz tas-Saltna tiegħu biss se jkun hawn paċi u prosperità vera. Kieku Alla qatt ma jieħu azzjoni, kif ikunu l-kundizzjonijiet tad-dinja? Ma jkomplux il-mibegħda, il-vjolenza, u l-gwerer inikktu l-umanità bħalma għamlu matul is-sekli taʼ ħakma umana? Il-gwerra t’Armageddon hija waħda mill-aqwa affarijiet li tistaʼ sseħħ għall-benefiċċju tagħna!—Luqa 18:7, 8; 2 Pietru 3:13.
Il-Gwerra li Se Ttemm il-Gwerer Kollha
Armageddon se twettaq xi ħaġa li l-ebda gwerra oħra ma qatt wettqet—it-tmiem tal-gwerer kollha. Min ma jixxennaqx għal dak iż-żmien meta l-gwerer ikunu xi ħaġa tal-passat? Però, l-isforzi kollha tal-bnedmin ma rnexxewx biex iġibu tmiem għall-gwerer. Il-fatt li l-attentati tal-bnedmin biex iġibu tmiem għall-gwerer kollha spiċċaw fix-xejn jenfasizza l-verità tal-kliem taʼ Ġeremija: “Jien naf, Mulej, triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Rigward dak li se jwettaq Ġeħova, il-Bibbja twiegħed: “Iwaqqaf il-gwerer sa truf l-art; l-ark jaqsam u l-lanza jkisser, jaħraq it-tarka bin-nar.”—Salm 46:9, 10 (46:8, 9, NW).
Hekk kif in-nazzjonijiet jużaw l-armi qattiela tagħhom fuq xulxin u jheddu li jeqirdu l-ambjent, il-Ħallieq taʼ l-art se jieħu azzjoni—f’Armageddon li hi msemmija fil-Bibbja! (Rivelazzjoni 11:18) Għalhekk, din il-gwerra se twettaq dak li wħud li għandhom il-biżaʼ t’Alla setgħu biss jittamaw għalih tul is-sekli. Se tivvindika l-ħakma li tistħoqq lil Sid l-art, Alla Ġeħova, fuq il-ħolqien tiegħu.
B’hekk, Armageddon mhix tal-biżaʼ għal dawk li jħobbu s-sewwa. Minflok, tipprovdi bażi għal tama. Il-gwerra t’Armageddon se tnaddaf l-art mill-korruzzjoni u l-ħażen kollu u se tiftaħ it-triq għal sistema ġdida taʼ ġustizzja taħt il-ħakma tas-Saltna Messjanika t’Alla. (Isaija 11:4, 5) Minflok ma tkun tmiem katastrofiku tal-biżaʼ, Armageddon se tkun sinjal għall-bidu taʼ ferħ għal dawk l-uħud ġusti, li se jgħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna.—Salm 37:29.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, kapitlu 11, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 5]
MEGIDDU—SIMBOLU ADATTAT
Megiddu tal-qedem kienet f’lokazzjoni importanti ħafna, taħtha kien hemm in-naħa tal-punent tal-wied fertili taʼ Ġeżragħel, fit-tramuntana taʼ Iżrael. Kellha kontroll fuq il-kummerċ internazzjonali u r-rotot militari li kienu jgħaddu minn hemm. B’hekk, Megiddu saret post taʼ battalji deċiżivi. Il-professur Graham Davies kiteb fil-ktieb tiegħu Cities of the Biblical World—Megiddo: “Il-belt taʼ Megiddu . . . kienet aċċessibbli ħafna għal negozjanti u emigranti minn kull direzzjoni; imma fl-istess ħin setgħet, li kieku kienet qawwija biżżejjed, tikkontrolla l-aċċess għal dawn ir-rotot, u b’hekk tidderieġi l-iżvilupp kemm tal-kummerċ u kemm tal-gwerra. Għalhekk, mhux sorprendenti li kienet . . . priża li kienu jiġġieldu għaliha u li meta kienet tintrebaħ kienu jiddefenduha sew.”
L-istorja twila taʼ Megiddu bdiet fit-tieni millennju Q.E.K. meta l-ħakkiem Eġizzjan Thutmose III għeleb lill-mexxejja Kangħanin hemmhekk. Kompliet matul is-sekli sa l-1918 meta l-Ġeneral Britanniku Edmund Allenby kiseb rebħa kbira fuq l-armata Torka. Kien f’Megiddu li Alla ħalla lill-Imħallef Barak jikseb rebħa devastanti fuq is-Sultan Ġabin minn Kangħan. (Mħallfin 4:12-24; 5:19, 20) Fl-istess post l-Imħallef Gidgħon rebaħ lill-Midjanin. (Mħallfin 7:1-22) Kien hemmhekk ukoll li s-Slaten Aħażija u Ġosija nqatlu.—2 Slaten 9:27; 23:29, 30.
B’hekk, il-fatt li Armageddon hija assoċjata maʼ dan il-post hu xieraq, ladarba kien il-post taʼ diversi battalji deċiżivi. Huwa simbolu adattat għar-rebħa totali t’Alla fuq dawk kollha li jopponuh.
[Sors]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.
[Stampi f’paġna 7]
Madwar id-dinja, in-nies qed jingħataw twissija u opportunità li jsalvaw f’Armageddon
[Stampa f’paġna 7]
Armageddon se tkun sinjal għall-bidu taʼ ferħ