Bijografija
Ġeħova Għenni Nsibu
KIF RAKKONTATA MINN FLORENCE CLARK
Żammejt id żewġi li kien marid serjament. Bħala Anglikana, jien tlabt lil Alla biex żewġi jirkupra, u għamilt wegħda li jekk jibqaʼ ħaj, kont se nfittex lil Alla sakemm insibu. Imbagħad kont se nkun tiegħu.
JIEN twilidt bħala Florence Chulung fit-18 taʼ Settembru, 1937, fil-Komunità Oombulgurri taʼ l-Aboriġini fir-reġjun imwarrab tal-Pjanura Kimberley, fil-punent taʼ l-Awstralja.
Għandi ħafna memorji sbieħ tat-tfulija tiegħi lura f’dawk il-jiem taʼ ferħ u bla responsabbiltajiet. Mix-xogħol tal-missjoni tal-knisja tgħallimt xi affarijiet bażiċi dwar Alla u l-Bibbja, imma kienet ommi li għallmitni prinċipji Kristjani. Hi kienet taqrali l-Bibbja b’mod regulari, u minn età żgħira żviluppajt imħabba għall-affarijiet spiritwali. Ukoll, kont nammira lil waħda miz-zijiet tiegħi li kienet missjunarja tal-knisja tagħha. F’qalbi kont naf li ridt nimxi fil-passi tagħha.
Il-komunità tagħna, li qabel kienet magħrufa bħala l-Forrest River Mission, kienet tipprovdi l-edukazzjoni mill-ewwel sal-ħames sena skolastika. Jien kont nattendi l-iskola għal sagħtejn biss kull fil-għodu. Dan kien ifisser li l-edukazzjoni tiegħi kienet daqsxejn limitata u dan inkwieta lil missieri. Hu xtaq li t-tfal tiegħu jkollhom edukazzjoni aħjar, allura ddeċieda li jitlaq minn Oombulgurri u jieħu lill-familja fil-belt taʼ Wyndham. Kont qalbi sewda l-ġurnata li tlaqna, imma f’Wyndham stajt nattendi l-iskola kuljum għall-erbaʼ snin taʼ wara, mill-1949 sa l-1952. Jien grata ħafna li missieri għamilha possibbli għalija li nikseb dik l-edukazzjoni.
Ommi kienet taħdem għat-tabib lokali, u meta taʼ 15-il sena tlaqt mill-iskola, dan it-tabib offrieli xogħol bħala infermiera fl-isptar taʼ Wyndham. Jien aċċettajt bil-ferħ għax f’dak iż-żmien kien diffiċli biex issib xogħol.
Xi snin wara ltqajt m’Alec, bidwi taʼ karnaġġjon bajda li jieħu ħsieb il-bhejjem. Iżżewwiġna fl-1964 fil-belt taʼ Derby, fejn b’mod regulari kont nattendi l-knisja Anglikana. Ġurnata waħda x-Xhieda taʼ Ġeħova ħabbtuli l-bieb. Jien għedtilhom li żgur ma kontx interessata u staqsejthom biex ma jerġgħux iħabbtuli. Iżda, xi ħaġa li qaluli tassew laqtitni—Alla għandu isem persunali, Ġeħova.
“Ma Tafx Titlob Għalik Innifsek?”
Fl-1965, ħajjitna bdiet issir diffiċli ħafna. Żewġi kellu tliet aċċidenti kemxejn serji—tnejn biż-żiemel tiegħu u wieħed bil-karozza tiegħu. Fortunatament, hu rkupra minn dawn il-feriti u rritorna għax-xogħol. Madankollu, ftit wara, reġaʼ kellu aċċident ieħor biż-żiemel. Din id-darba, hu ġarrab ħsara kbira f’rasu. Hekk kif wasalt l-isptar, it-tabib qalli li żewġi kien se jmut. Kont qalbi maqsuma. Infermiera staqsiet lill-qassis lokali biex jiġi jarani, imma hu qalilha: “Mhux issa. Niġi għada!”
Ridt li jkolli qassis ħdejja biex jitlob miegħi u tkellimt dwar dan maʼ soru. Hi qaltli: “Xi ġralek int? Ma tafx titlob għalik innifsek?” Allura bdejt nitlob lill-istatwi tal-knisja għall-għajnuna—imma kien kollu għal xejn. Żewġi deher li kien qed imut. Bdejt naħseb, ‘Kif se nkampa jekk żewġi jmut?’ Ukoll kont inkwetata dwar it-tlett itfal tagħna—Christine, Nanette, u Geoffrey. X’tip taʼ ħajja kien se jkollhom mingħajr missier? B’ferħ, tlett ijiem wara, żewġi ġie f’sensih u ħallewh joħroġ fis-6 taʼ Diċembru, 1966.
Għalkemm b’mod ġenerali rkupra sew, żewġi kellu inkapaċità mentali. Hu beda jitlef il-memorja u issa kellu t-tendenza li jkun vjolenti u beda jbati minn bidliet fil-burdata. Sabha diffiċli biex ikampa mat-tfal u kien aggressiv ħafna meta ma kinux iwieġbu bħalma jagħmlu l-adulti. Kien diffiċli li nieħu ħsiebu. Kelli nagħmel kważi kollox għalih. Saħansitra, erġajt għallimtu kif jikteb u jaqra. L-istress minħabba li bdejt nieħu ħsiebu waqt li fl-istess ħin ħadt ħsieb ix-xogħol domestiku l-ieħor ħadli saħħti u qabadni breakdown. Sebaʼ snin wara l-aċċident tar-raġel, aħna qbilna li ninfirdu għal xi żmien sabiex inkun nistaʼ nerġaʼ nikseb saħħti.
Ħadt it-tfal miegħi u mort noqgħod lejn in-nofsinhar fil-belt taʼ Perth. Qabel ma tlaqna, oħti kienet bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova f’Kununurra, raħal żgħir fil-punent taʼ l-Awstralja. Hi wrietni stampa mill-ktieb Il-Verità li Twassal għal Ħajja Eterna,a li kienet turi l-wegħda tal-Bibbja t’art magħmula ġenna. Minn dan il-ktieb urietni wkoll li Alla għandu isem, Ġeħova, u dan il-fatt għoġobni. Peress li qatt ma qaluli dawn l-affarijiet fil-knisja tiegħi, iddeċidejt li nċempel lix-Xhieda taʼ Ġeħova hekk kif nissetilja f’Perth.
Però, żammejt daqsxejn lura milli nikkuntattjahom. Imbagħad, darba fil-għaxija, daqqet il-qanpiena. It-tifel mar jiftaħ il-bieb u ġie jiġri lura għandi, u qalli: “Ma, dawk in-nies li għedt li se ċċemplilhom qegħdin hawn.” Kont daqsxejn sorpriża u għedtlu, “Għidilhom li m’iniex hawn!” Imma hu wiġibni, “Taf li mhux suppost nigdeb, Ma.” Irrealizzajt l-iżball tiegħi, u mort inkellimhom. Hekk kif ilqajt il-viżitaturi, indunajt li dehru xi ftit imħawdin. Kienu ġew biex jaraw persuna oħra, li ma kinitx għadha tgħix hawn. Stidinthom jidħlu ġewwa u staqsejthom ħafna mistoqsijiet u rċivejt tweġibiet sodisfaċenti mill-Bibbja.
Il-ġimgħa taʼ wara bdejt nistudja l-Bibbja regolarment max-Xhieda, bil-ktieb Il-Verità li Twassal għal Ħajja Eterna. L-istudju reġaʼ qajjem fija l-imħabba għall-affarijiet spiritwali. Ħmistax wara attendejt it-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù Kristu. Bdejt nattendi l-laqgħat kull nhar taʼ Ħadd, u wara ftit bdejt nattendi wkoll il-laqgħat taʼ matul il-ġimgħa. Ukoll, bdejt naqsam dak li kont qed nitgħallem m’oħrajn. Skoprejt li meta bdejt ngħin lil oħrajn jitgħallmu veritajiet mill-Bibbja, is-saħħa mentali u emozzjonali tiegħi bdew imorru għall-aħjar. Sitt xhur wara tgħammidt f’konvenzjoni distrettwali f’Perth.
Hekk kif għamilt progress spiritwali, sirt nifhem kif Ġeħova jħares lejn il-qdusija taż-żwieġ, inkluż il-prinċipju Bibliku li jinsab fl-1 Korintin 7:13, li jgħid: “Il-mara li għandha żewġha li ma jemminx, iżda dan jaqbel li jgħammar magħha, ħa ma titlaqx lil żewġha.” Din l-iskrittura qanqlitni mmur lura għand Alec.
Nirritorna Derby
Wasalt lura f’Derby fil-21 taʼ Ġunju, 1979, wara li kont ili iktar minn ħames snin ’il bogħod mir-raġel. Ovvjament, kont inċerta u mħassba fuq kif kien se jirreaġixxi ladarba mmur lura. B’sorpriża għalija, kien ferħan li rritornajt għandu, avolja wera ftit diżappunt minħabba li kont sirt waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Hu immedjatament issuġġerixxa li nattendi l-knisja tiegħu, dik li kont nattendi qabel ma tlaqt lejn Perth. Spjegajtlu li ma stajtx nagħmel hekk. Għamilt sforz biex nirrispetta l-istat taʼ kap tiegħu u għamilt l-aħjar li stajt bħala mara Kristjana miżżewġa. Ipprovajt inkellmu dwar Ġeħova u l-wegħdi meraviljużi Tiegħu għall-futur, imma hu ma riedx jismaʼ.
Iżda, maż-żmien Alec mhux biss aċċetta l-mod tal-ħajja tiegħi imma wkoll beda jgħinni finanzjarjament sabiex inkun nistaʼ nattendi l-konvenzjonijiet u l-assembleat, kif ukoll il-laqgħat taʼ matul il-ġimgħa. Kont grata ħafna meta xtara karozza—xi ħaġa taʼ valur f’din il-parti mwarrba taʼ l-Awstralja—biex nużaha fil-ministeru Kristjan. Ħuti rġiel u nisa, inkluż l-indokratur tas-circuit, spiss kienu jorqdu għandna għal diversi ljieli. Dan għen lil Alec isir jaf lil diversi Xhieda, u kien jidher li jieħu pjaċir bil-kumpanija tagħhom.
Ħassejtni bħal Eżekjel
Kont nieħu gost biż-żjajjar taʼ l-aħwa, imma ffaċċjajt sfida. Jien kont l-unika Xhud fir-raħal taʼ Derby. L-iktar kongregazzjoni viċin kienet fi Broome, 220 kilometru ’l bogħod. Allura ddeċidejt li nagħmel l-aħjar li nistaʼ biex naqsam l-aħbar tajba m’oħrajn. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova organizzajt ruħi u bdejt nagħti xiehda minn dar għal dar. Ħassejt li dan l-inkarigu kien diffiċli, imma bqajt infakkar lili nnifsi dwar il-kliem taʼ l-appostlu Pawlu: “Għal kollox għandi s-saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-qawwa.”—Filippin 4:13.
Il-membri tal-kleru lokali ma ħadux pjaċir bl-attività tiegħi, speċjalment meta ppridkajt m’Aboriġini oħrajn. Huma pprovaw jintimidawni u jwaqqfu l-attività taʼ l-ippridkar tiegħi. L-oppożizzjoni tagħhom sempliċement saħħet id-determinazzjoni tiegħi biex ma naqtax qalbi, u tlabt lil Ġeħova regolarment biex jgħinni. Spiss kont niftakar fil-kliem taʼ inkuraġġiment li ngħata lil Eżekjel: “Ara, jien nagħmlek wiċċek sfiq bħalhom, rasek iebsa daqs tagħhom, u nagħmillek fehemtek aktar iebsa mid-djamant, aktar iebsa miż-żnied. La tibżax minnhom u la titwerwirx quddiemhom.”—Eżekjel 3:8, 9.
F’diversi okkażjonijiet, żewġt irġiel minn grupp tal-knisja kienu javviċinawni hekk kif kont inkun qed nixtri. Huma kienu jwaqqgħuni għaċ-ċajt b’leħen għoli, biex jipprovaw jiġbdu l-attenzjoni tan-nies l-oħra li jkunu qed jixtru. Jien ma kontx nagħti kashom. Darba, waqt li kont qed nagħmel żjara lura għand persuna interessata, ġie l-ministru tal-knisja lokali u akkużani li ma nemminx f’Ġesù. Ħatafli l-Bibbja minn idi u xejjirha quddiem wiċċi, imbagħad tefagħha lura f’idi bil-goff. Bil-ħlewwa imma b’mod sod, ħarist dritt f’għajnejh, ikkwotajtlu Ġwanni 3:16 u assigurajtu li jien kelli fidi f’Ġesù. Ma kienx jaf kif se jaqbad jirreaġixxi għar-risposta kunfidenti tiegħi u telaq ’l hemm mingħajr ma qal kelma oħra.
Kont nieħu gost nippriedka lill-Aboriġini fl-inħawi taʼ Derby. Qassis lokali pprova jwaqqafni milli nilħaq komunità partikulari, imma hu ġie trasferit. B’hekk, stajt inwasslilhom il-messaġġ tal-Bibbja. Dejjem xtaqt inkun missjunarja bħal ziti, u issa kont qed nagħmel xogħol missjunarju billi ngħin lil oħrajn jitgħallmu dwar il-Kelma t’Alla. Ħafna mill-Aboriġini wieġbu għall-ippridkar tiegħi, u bdejt diversi studji tal-Bibbja.
Konxja tal-Bżonn Spiritwali Tiegħi
Għal ħames snin, kont l-unika Xhud taʼ Ġeħova f’Derby. Sibtha diffiċli biex nibqaʼ b’saħħti spiritwalment mingħajr l-inkuraġġiment tal-laqgħat regulari m’aduraturi sħabi. F’okkażjoni minnhom, ħassejtni skuraġġita ħafna u mort dawra bil-karozza. Meta rritornajt id-dar, tard wara nofsinhar, kien hemm oħt u s-sebat itfal tagħha jistennewni. Huma ġabu magħhom provvista taʼ letteratura għalija mill-kongregazzjoni fi Broome, li kienet tinsab ħafna kilometri ’l bogħod. Minn dakinhar ’il quddiem, din l-oħt, Betty Butterfield, irranġat biex darba fix-xahar tiġi Derby u toqgħod miegħi s-Sibt u l-Ħadd. Konna mmorru nippridkaw u mbagħad konna nistudjaw It-Torri taʼ l-Għassa flimkien f’dari. Mill-banda l-oħra, jien kont immur Broome darba fix-xahar.
L-aħwa fi Broome kienu t’għajnuna kbira u kultant kienu jagħmlu l-vjaġġ twil lejn Derby biex jassistuni fis-servizz taʼ l-għalqa. Huma kienu jħeġġu lill-aħwa kollha mill-irħula l-oħra li jkunu se jgħaddu minn Derby biex jiġu jżuruni u joħorġu miegħi fil-ministeru. Dawn il-viżitaturi kienu wkoll iġibuli tejps taʼ taħditiet pubbliċi. Xi wħud minnhom kienu jingħaqdu miegħi fl-istudju tat-Torri taʼ l-Għassa. Dawn iż-żjajjar qosra kienu taʼ inkuraġġiment kbir.
Tintbagħatli Iktar Għajnuna
Għal xi snin, irċivejt saħansitra iktar inkuraġġiment meta Arthur u Mary Willis, koppja rtirata mill-parti t’isfel tal-punent taʼ l-Awstralja, kienu jiġu jgħinuni għal tliet xhur kull sena fl-istaġun iktar frisk. Ħuna Willis kien jikkonduċi l-maġġuranza tal-laqgħat u kien jieħu t-tmexxija fis-servizz taʼ l-għalqa. Flimkien konna nivvjaġġaw lejn l-iktar partijiet imwarrbin tal-Pjanura Kimberley, fejn konna nżuru l-irziezet bl-annimali f’postijiet imbegħdin. Kull darba li ħuna u oħtna Willis kienu jitilqu, kont inħossni tassew vojta.
Finalment, lejn l-aħħar tas-sena 1983, irċivejt l-aħbar mill-isbaħ li kien hemm familja—Danny u Denise Sturgeon u l-erbaʼ subien tagħhom—li kienet ġejja toqgħod Derby. Mal-wasla tagħhom, stajna niltaqgħu regolarment għal-laqgħat taʼ matul il-ġimgħa u noħorġu flimkien fis-servizz taʼ l-għalqa. Fl-2001 ġiet ifformata kongregazzjoni. Illum, Derby għandha kongregazzjoni b’saħħitha t’24 pubblikatur tas-Saltna, b’żewġ anzjani u qaddej ministerjali li jieħdu ħsiebna sew spiritwalment. Kultant ikollna kważi 30 ruħ jattendu l-laqgħat tagħna.
Meta nħares lura lejn is-snin li għaddew, inħossni inkuraġġita meta nara kif Ġeħova għenni naqdih. Avolja żewġi għadu ma ngħaqadx miegħi fil-fidi, hu jkompli jappoġġani b’modi oħra. Ħames membri tal-familja immedjata tiegħi saru Xhieda mgħammdin—iż-żewġt ibniet tiegħi, tnejn minn ulied uliedi u neputija. Minbarra dawn, tliet qraba oħra qed jistudjaw il-Bibbja mal-poplu taʼ Ġeħova.
Jien verament grata li Ġeħova għenni nsibu. Jien determinata li nkun tiegħu għal dejjem.—Salm 65:3, 4a (65:2, NW).
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova imma issa m’għadux jiġi stampat.
[Mappa/Stampi f’paġna 15]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
AWSTRALJA
Wyndham
Il-Pjanura Kimberley
Derby
Broome
Perth
[Sorsi]
Kangarù u għasfur lira: Lydekker; koala: Meyers
[Stampa f’paġna 14]
Naħdem bħala infermiera fl-isptar taʼ Wyndham, 1953
[Stampa f’paġna 15]
Il-kongregazzjoni taʼ Derby, 2005