Nikkwalifikaw għall-Magħmudija Kristjana
“X’qed iżommni milli nitgħammed?”—ATTI 8:36.
1, 2. Filippu kif beda konversazzjoni m’uffiċjal Etjopjan, u x’juri li dan ir-raġel kien jinteressah fil-qima vera?
SENA jew tnejn wara l-mewt taʼ Ġesù, uffiċjal tal-gvern kien qed jivvjaġġa lejn in-nofsinhar fit-triq li minn Ġerusalemm tinżel għal Gaża. Quddiemu kellu vjaġġ tedjanti taʼ xi 1,500 kilometru. Dan ir-raġel devot kien ivvjaġġa t-triq kollha mill-Etjopja sa Ġerusalemm biex iqim lil Ġeħova. Fil-vjaġġ twil biex imur lura, hu kien qed juża l-ħin tiegħu bil-għaqal billi jaqra l-Kelma t’Alla—din kienet evidenza tal-fidi tiegħu. Ġeħova nnotah lil dan ir-raġel sinċier, u permezz t’anġlu, Hu dderieġa lid-dixxiplu Filippu biex jippridkalu.—Atti 8:26-28.
2 Ladarba l-uffiċjal Etjopjan kien qed jaqra b’leħen għoli, bħalma kienet id-drawwa dak iż-żmien, kien faċli għal Filippu biex jibda konversazzjoni miegħu. Għalhekk, Filippu setaʼ jismaʼ li kien qed jaqra mill-iskroll taʼ Isaija. Mistoqsija sempliċi li għamel Filippu qajmet l-interess taʼ dan ir-raġel: “Qed tifhem verament x’qed taqra?” Dan wassal għal diskussjoni dwar Isaija 53:7, 8. Wara dan, Filippu beda “jxandarlu l-aħbar tajba dwar Ġesù.”—Atti 8:29-35.
3, 4. (a) Filippu għala għammed lill-Etjopjan mingħajr dewmien? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw issa?
3 F’qasir żmien, l-Etjopjan fehem l-irwol taʼ Ġesù fl-iskop t’Alla flimkien mal-bżonn li jsir dixxiplu mgħammed taʼ Kristu. “X’qed iżommni milli nitgħammed?” hu staqsa lil Filippu meta lemaħ post bl-ilma fil-qrib li setgħu jużawh. M’għandniex xi ngħidu, dawn kienu ċirkustanzi speċjali. Dan kien raġel li kellu l-fidi u li kien diġà jqim lil Alla bħala proselit Lhudi. Probabbilment kien se jdum ħafna qabel ma jkollu opportunità oħra biex jitgħammed. Iktar importanti minn hekk, dan ir-raġel fehem x’kien jeħtieġ Alla minnu, u ried iwieġeb b’qalbu kollha. Filippu aċċetta bil-ferħ ir-rikjesta tiegħu, u l-Etjopjan, wara li tgħammed, “baqaʼ sejjer ferħan fi triqtu.” X’aktarx li f’pajjiżu sar predikatur taʼ l-aħbar tajba mimli entużjażmu.—Atti 8:36-39.
4 Għalkemm il-passi tad-dedikazzjoni u l-magħmudija m’għandhomx jittieħdu qabel il-waqt u mingħajr ħsieb, l-eżempju taʼ l-uffiċjal Etjopjan juri li kien hemm okkażjonijiet meta xi individwi tgħammdu ftit wara li semgħu l-verità tal-Kelma t’Alla.a Għalhekk, huwa xieraq li nikkunsidraw il-mistoqsijiet li ġejjin: Liema tip taʼ preparazzjoni għandha tiġi qabel il-magħmudija? Meta għandha tiġi kunsidrata l-età taʼ l-individwu? Liema progress spiritwali għandu jidher ċar qabel ma individwu jitgħammed? Fuq kollox, Ġeħova għala jeħtieġ li l-qaddejja tiegħu jieħdu dan il-pass?
Wegħda Solenni
5, 6.(a) Il-poplu t’Alla fil-passat kif wieġeb għall-imħabba taʼ Ġeħova? (b) Liema relazzjoni mill-qrib m’Alla nistgħu ngawdu ladarba nitgħammdu?
5 Wara li ħeles lill-Iżraelin mill-Eġittu, Ġeħova kien lest li jaċċettahom bħala ‘l-wirt tiegħu,’ biex iħobbhom u jipproteġihom u jagħmilhom “ġens qaddis.” Madankollu, biex jirċievi dawn il-barkiet il-poplu kellu jwieġeb għall-imħabba t’Alla b’mod determinat u speċifiku. Dan għamlu billi aċċetta li jagħmel “kulma qal il-Mulej” u daħal f’patt miegħu. (Eżodu 19:4-9) Fl-ewwel seklu, Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, u dawk li ħaddnu t-tagħlim tiegħu tgħammdu. Relazzjoni tajba m’Alla kienet tiddependi mill-fidi f’Ġesù Kristu segwita mill-magħmudija.—Mattew 28:19, 20; Atti 2:38, 41.
6 Dawn ir-rakkonti Skritturali juru li Ġeħova jbierek lil dawk li jagħmlu u jżommu wegħda solenni biex jaqduh. Għall-Kristjani, id-dedikazzjoni u l-magħmudija huma passi neċessarji li jwasslu għall-barka taʼ Ġeħova. Aħna determinati li nsegwu l-mogħdijiet tiegħu u nfittxu l-gwida tiegħu. (Salm 48:15 [48:14, NW]) Mill-banda l-oħra, Ġeħova, b’mod figurattiv jaqbadna minn idejna u jmexxina fit-triq li minnha għandna ngħaddu.—Salm 73:23; Isaija 30:21; 41:10, 13.
7. Id-dedikazzjoni u l-magħmudija għala għandhom ikunu deċiżjoni persunali?
7 L-imħabba għal Ġeħova u x-xewqa li naqduh għandhom jimmotivawna biex nieħdu dawn il-passi. Ħadd m’għandu jitgħammed sempliċement għax xi ħadd jgħidlu li issa studja biżżejjed jew għax sħabu se jitgħammdu. Naturalment, il-ġenituri u Kristjani maturi oħrajn jistgħu jinkuraġġixxu lil individwu biex jaħseb dwar id-dedikazzjoni u l-magħmudija. L-appostlu Pietru ħeġġeġ lil dawk li semgħuh f’Pentekoste biex ‘jitgħammdu.’ (Atti 2:38) Minkejja dan, id-dedikazzjoni tagħna hija kwistjoni persunali, u ħadd ma jistaʼ jagħmilha għalina. Id-deċiżjoni biex nagħmlu r-rieda t’Alla għandha tkun tagħna stess.—Salm 40:9 (40:8, NW).
Preparazzjoni Tajba għall-Magħmudija
8, 9. (a) Il-magħmudija tat-tfal żgħar għala m’hijiex aċċettabbli Skritturalment? (b) Liema progress spiritwali għandhom jagħmlu ż-żgħażagħ qabel il-magħmudija?
8 Jistgħu t-tfal jieħdu deċiżjoni informata sew biex jitgħammdu? L-Iskrittura ma tagħtix età meħtieġa għall-magħmudija. Xorta waħda, it-tfal żgħar żgur li ma jistgħux isiru wħud li jemmnu, jeżerċitaw fidi, jew jagħmlu dedikazzjoni lil Alla. (Atti 8:12) Dwar il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu, l-istorjografu Augustus Neander jgħid fil-ktieb tiegħu General History of the Christian Religion and Church: “Għall-ewwel il-magħmudija kienet issir biss lill-adulti, minħabba li n-nies kienu mdorrijin bl-idea li l-magħmudija hija marbuta ħafna mal-fidi.”
9 Fejn jidħlu ż-żgħażagħ, xi wħud minnhom jiżviluppaw ammont taʼ spiritwalità minn età relattivament żgħira, waqt li oħrajn jieħdu iktar żmien. Però, qabel ma jitgħammed, żagħżugħ irid ikollu relazzjoni persunali maʼ Ġeħova, fehma ċara tal-prinċipji bażiċi taʼ l-Iskrittura, u jrid jifhem sew x’tinvolvi d-dedikazzjoni, kif inhu meħtieġ mill-adulti.
10. Liema passi għandhom jittieħdu qabel id-dedikazzjoni u l-magħmudija?
10 Ġesù istruwixxa lid-dixxipli tiegħu biex jgħallmu lill-ġodda l-affarijiet kollha li ordnalhom. (Mattew 28:20) Allura, l-ewwelnett, il-ġodda jridu jiksbu għarfien eżatt dwar il-verità, li mill-banda l-oħra se jgħinhom jiżviluppaw il-fidi f’Ġeħova u fil-Kelma tiegħu. (Rumani 10:17; 1 Timotju 2:4; Ebrej 11:6) Imbagħad, meta l-verità Skritturali tmiss il-qalb taʼ l-individwu, din tqanqlu jindem u jdur lura mill-mod taʼ ħajja li kellu qabel. (Atti 3:19) Fl-aħħar, individwu jasal sal-punt li jkun jixtieq jiddedika lilu nnifsu lil Ġeħova u jitgħammed, bħalma kkmanda Ġesù.
11. Għala hu importanti li nieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar b’mod regulari qabel il-magħmudija?
11 Pass importanti ieħor li jgħinna navanzaw għall-magħmudija hu l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna. Dan hu x-xogħol prinċipali li Ġeħova inkariga lill-poplu tiegħu biex jagħmel f’dawn l-aħħar jiem. (Mattew 24:14) Għalhekk, il-pubblikaturi mhux mgħammdin jistgħu jesperjenzaw il-ferħ li jiġi meta jitkellmu m’oħrajn dwar il-fidi tagħhom. Is-sehem li jieħdu f’dan ix-xogħol iħejjihom ukoll għal sehem regulari u żeluż fil-ministeru taʼ l-għalqa wara l-magħmudija.—Rumani 10:9, 10, 14, 15.
Hemm Xi Ħaġa li Żżommok Milli Titgħammed?
12. X’jistaʼ jżomm lil xi wħud milli jitgħammdu?
12 Xi wħud għandhom mnejn iżommu lura mill-magħmudija minħabba li m’humiex lesti jaċċettaw ir-responsabbiltà li ġġib magħha. Huma jirrealizzaw li biex jilħqu l-livelli taʼ Ġeħova, se jkollhom jagħmlu bidliet sinifikanti f’ħajjithom. Jew jistgħu jibżgħu li se jsibuha diffiċli biex jgħixu skond il-ħtiġijiet t’Alla wara l-magħmudija. Xi wħud jistgħu saħansitra jirraġunaw, “Forsi xi darba nagħmel xi ħaġa ħażina u jkolli ninqataʼ mis-sħubija tal-kongregazzjoni.”
13. Fi żmien Ġesù, x’żamm lil ċerti wħud milli jsiru segwaċi taʼ Ġesù?
13 Fi żmien Ġesù, xi wħud ippermettew l-interessi persunali u r-rabtiet tal-familja jżommuhom lura milli jsiru dixxipli tiegħu. Wieħed skriba ddikjara li hu kien se jsegwi lil Ġesù kulfejn imur. Imma Ġesù wrieh li f’ħafna okkażjonijiet, hu lanqas biss kellu post fejn iqattaʼ l-lejl. Meta Ġesù stieden lil semmiegħ ieħor biex ikun segwaċi tiegħu, dan ir-raġel wieġbu li l-ewwel ried ‘jidfen’ lil missieru. X’aktarx li hu kien jippreferi joqgħod id-dar u jistenna sakemm imut missieru minflok ma jsegwi lil Ġesù u jieħu ħsieb ir-responsabbiltà tal-familja meta tasal. Finalment, it-tielet wieħed qal li qabel ma jsegwi lil Ġesù, kellu bżonn ‘isellem’ lil taʼ daru. Ġesù spjega li min joqgħod lura b’dan il-mod ikun qed “iħares lejn dak li hemm warajh.” Għalhekk, jidher ċar li dawk li jixtiequ jagħmlu dan, dejjem se jirnexxilhom isibu l-iskużi biex jevitaw ir-responsabbiltà Kristjana tagħhom.—Luqa 9:57-62.
14. (a) Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni kif wieġbu meta Ġesù stidinhom isiru sajjieda tal-bnedmin? (b) Għala m’għandniex noqogħdu lura milli naċċettaw il-madmad taʼ Ġesù?
14 L-eżempju taʼ Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni huwa eżattament l-oppost. Meta Ġesù stidinhom biex isegwuh u jsiru sajjieda tal-bnedmin, il-Bibbja tgħid: “Mill-ewwel abbandunaw ix-xbieki, u marru warajh.” (Mattew 4:19-22) Minħabba li ħadu din id-deċiżjoni mill-ewwel, huma personalment esperjenzaw dak li qalilhom iktar tard Ġesù: “Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-tagħbija tiegħi ħafifa.” (Mattew 11:29, 30) Waqt li l-magħmudija ġġib magħha madmad taʼ responsabbiltà, Ġesù jiżgurana li dan huwa madmad ħelu u ħafif li jserraħna bil-kbir.
15. L-eżempji taʼ Mosè u Ġeremija kif juru li nistgħu nistrieħu fuq Alla għall-appoġġ tiegħu?
15 M’għandniex xi ngħidu, huwa normali li kultant inħossu li m’aħniex kapaċi nwettqu r-responsabbiltajiet li ġġib magħha l-magħmudija. Kemm Mosè u kemm Ġeremija għall-ewwel ħassew li m’humiex kapaċi jieħdu ħsieb l-inkarigi li tahom Ġeħova. (Eżodu 3:11; Ġeremija 1:6) Alla kif serrħilhom moħħhom? Lil Mosè qallu: “Jiena nkun miegħek.” U lil Ġeremija wiegħdu: “Jien miegħek biex neħilsek.” (Eżodu 3:12; Ġeremija 1:8) Aħna wkoll nistgħu nkunu fiduċjużi li Alla se jappoġġana. L-imħabba għal Alla u l-fiduċja fih jistgħu jgħinuna negħlbu dubji persistenti dwar jekk aħniex kapaċi ngħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħna. “M’hemm ebda biżaʼ fl-imħabba,” kiteb l-appostlu Ġwanni, “imma l-imħabba perfetta tkeċċi l-biżaʼ ’l barra.” (1 Ġwanni 4:18) Tifel żgħir jistaʼ jibżaʼ meta jkollu jimxi waħdu, imma hu jħossu kunfidenti meta jimxi id f’id maʼ missieru. Bl-istess mod, jekk nafdaw f’Ġeħova b’qalbna kollha, hu jwegħedna li se ‘jwittilna triqatna’ hekk kif nimxu maġenbu.—Proverbji 3:5, 6.
Okkażjoni Dinjituża
16. Il-magħmudija għala tinvolvi tgħaddis komplet fl-ilma?
16 Qabel il-magħmudija nfisha ġeneralment ikun hemm taħdita Skritturali li tispjega ttifsir tal-magħmudija Kristjana. Fil-konklużjoni taʼ din it-taħdita, il-kandidati jiġu mitluba jagħmlu dikjarazzjoni pubblika tal-fidi tagħhom billi jwieġbu għaż-żewġ mistoqsijiet tal-magħmudija. (Rumani 10:10; ara l-kaxxa f’paġna 22.) Imbagħad, il-kandidati jiġu mgħaddsin fl-ilma, skond l-eżempju li ħalla Ġesù nnifsu. Il-Bibbja turi li wara li tgħammed, Ġesù “telaʼ mill-ilma.” (Mattew 3:16; Marku 1:10) Jidher ċar li Ġwanni l-Għammied għaddas lil Ġesù kompletament.b Dan it-tgħaddis komplet b’mod xieraq jissimbolizza l-bidla drammatika li għamilna f’ħajjitna—b’mod figurattiv immutu għall-ħajja li konna ngħixu qabel u nibdew ħajja ġdida f’servizz lil Alla.
17. Kif jistgħu kemm il-kandidati tal-magħmudija kif ukoll dawk li josservawhom jikkontribwixxu għad-dinjità taʼ l-okkażjoni?
17 Il-magħmudija hija okkażjoni kemm serja u kemm ferriħija. Il-Bibbja tindika li Ġesù kien qed jitlob meta Ġwanni għaddsu fix-Xmara Ġordan. (Luqa 3:21, 22) Fi qbil maʼ dan l-eżempju, il-kandidati tal-magħmudija llum għandhom iġibu ruħhom b’mod dinjituż. U ladarba l-Bibbja tħeġġiġna biex nilbsu b’mod modest fil-ħajja tagħna taʼ kuljum, kemm iktar għandna nagħtu kas dan il-parir fil-jum tal-magħmudija tagħna! (1 Timotju 2:9) Min josserva jistaʼ wkoll juri r-rispett xieraq billi jismaʼ b’attenzjoni t-taħdita tal-magħmudija u josserva l-ġrajja bl-ordni.—1 Korintin 14:40.
Barkiet li Jgawdu d-Dixxipli Mgħammdin
18, 19. Liema privileġġi u barkiet iġġib magħha l-magħmudija?
18 Ladarba nkunu ddedikajna ruħna lil Alla u tgħammidna, aħna nsiru parti minn familja speċjali. L-ewwel u qabel kollox, Ġeħova jsir Missierna u l-Ħabib tagħna. Aħna konna ’l bogħod minn Alla qabel il-magħmudija, imma tħabbibna miegħu. (2 Korintin 5:19; Kolossin 1:20) Permezz tas-sagrifiċċju taʼ Kristu, aħna ersaqna qrib lejn Alla u hu resaq qrib lejna. (Ġakbu 4:8) Il-profeta Malakija jiddeskrivi kif Ġeħova jagħti kas u jismaʼ lil dawk li jużaw u jġorru ismu, u Hu jniżżel isimhom fi ktieb it-tifkiriet tiegħu. “U ċertament li se jsiru tiegħi,” (NW) jgħid Alla, “u nagħdirhom kif raġel jagħder lil ibnu li jaqdih.”—Malakija 3:16-18.
19 Il-magħmudija tippermettilna wkoll li nsiru parti minn fratellanza globali. Meta l-appostlu Pietru staqsa dwar liema barkiet kienu se jirċievu d-dixxipli taʼ Kristu għas-sagrifiċċji li jagħmlu, Ġesù wiegħed: “Kulmin telaq id-djar tiegħu jew lil ħutu subien jew bniet jew lil missieru jew lil ommu jew lit-tfal jew l-artijiet minħabba ismi jingħata ħafna iktar u jiret il-ħajja taʼ dejjem.” (Mattew 19:29) Ħafna snin wara, Pietru kiteb dwar “il-fratellanza kollha” li żviluppat “fid-dinja.” Pietru kien esperjenza personalment l-appoġġ u l-barkiet taʼ fratellanza kollha mħabba, u anki aħna nistgħu nagħmlu dan.—1 Pietru 2:17; 5:9.
20. Liema prospett imbierek toffri l-magħmudija?
20 Iktar minn hekk, Ġesù indika li kulmin isegwih se “jiret il-ħajja taʼ dejjem.” Iva, id-dedikazzjoni u l-magħmudija joffrulna l-prospett li niksbu “qabda soda mal-ħajja vera”—ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida t’Alla. (1 Timotju 6:19) Liema bażi aqwa jistaʼ jkollna għall-futur tagħna u tal-familja tagħna? Dan il-prospett imbierek se jippermettilna “nimxu f’isem [“Ġeħova,” NW], Alla tagħna, għal dejjem taʼ dejjem.”—Mikea 4:5.
[Noti taʼ taħt]
a It-tlett elef Lhudi u proselit li semgħu t-taħdita taʼ Pietru f’Pentekoste bl-istess mod tgħammdu mingħajr dewmien. M’għandniex xi ngħidu, bħall-ewnuku Etjopjan, huma kienu diġà familjari mat-tagħlim u l-prinċipji bażiċi tal-Kelma t’Alla.—Atti 2:37-41.
b Il-kelma Griega baptisma (magħmudija) tfisser “il-proċess tat-tgħaddis, li wieħed jinżel taħt l-ilma u jerġaʼ jitlaʼ,” skond l-Expository Dictionary of New Testament Words taʼ Vine.
Tistaʼ Tispjega?
• Kif għandna nwieġbu għall-imħabba taʼ Ġeħova, u għala?
• Liema progress spiritwali għandu jsir qabel il-magħmudija?
• Għala m’għandniex inħallu l-biżaʼ li ma nirnexxux jew il-fatt li ma nkunux lesti li naċċettaw ir-responsabbiltà jżommna lura milli nitgħammdu?
• Liema barkiet speċjali jistgħu jgawdu d-dixxipli mgħammdin taʼ Ġesù Kristu?
[Stampa f’paġna 26]
“X’qed iżommni milli nitgħammed?”
[Stampi f’paġna 29]
Il-magħmudija hija okkażjoni kemm serja kif ukoll taʼ ferħ