LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 5/1 pp. 17-21
  • Rgħajja li Huma “Eżempji għall-Merħla”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Rgħajja li Huma “Eżempji għall-Merħla”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ħobb lill-​Merħla u lil Kull Nagħġa Individwali
  • Inkuraġġixxi l-​Ferħ u l-​Paċi Billi Tikkomunika
  • Uri s-​Sabar fit-​Tul u l-​Qalb Tajba
  • Għemejjel Tajbin Huma Mmotivati mill-​Fidi
  • Il-​Ħlewwa Teħtieġ ir-​Rażna
  • “Rgħajja li Jogħġbu lil Qalbi”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Ġeħova Jħarreġ lir-Rgħajja għall-Merħla Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Rgħajja, Imitaw lill-Aqwa Rgħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Rgħajja Kristjani, ‘Iftħu Qalbkom Beraħ’!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 5/1 pp. 17-21

Rgħajja li Huma “Eżempji għall-​Merħla”

“Irgħu l-​merħla t’Alla li hemm fil-​ħarsien tagħkom . . . minn jeddkom . . . , bil-​ħerqa . . . , billi ssiru eżempji għall-​merħla.”—1 PIETRU 5:​2, 3.

1, 2. (a) Ġesù liema privileġġ fdalu lill-​appostlu Pietru, u l-​fiduċja taʼ Ġesù għala kienet f’lokha? (b) Ġeħova kif iħossu dwar ir-​rgħajja maħturin?

FTIT qabel Pentekoste tas-​sena 33 E.K., Pietru u sitt dixxipli oħra kienu qed jieklu l-​kolazzjon li Ġesù kien ipprepara fuq ix-​xatt tal-​Baħar tal-​Galilija. Din ma kinitx l-​ewwel darba li Pietru kien ra lil Ġesù rxoxtat, u bla dubju kien ferħan ħafna li Ġesù kien ħaj. Imma Pietru setaʼ wkoll kien ansjuż. Wara kollox, ftit jiem biss qabel, hu kien ċaħad lil Ġesù pubblikament billi stqarr li qatt ma kien jafu. (Luqa 22:​55-60; 24:34; Ġwanni 18:​25-27; 21:​1-14) Ċanfar Ġesù lil Pietru li kien nidem għan-​nuqqas taʼ fidi tiegħu? Le. Minflok, hu fada lil Pietru bil-​privileġġ li jitmaʼ u jirgħa “n-​nagħaġ ċkejknin” taʼ Ġesù. (Ġwanni 21:​15-17) Bħalma juri r-​rakkont Bibliku taʼ l-​istorja tal-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu, Ġesù m’għamilx ħażin li wera fiduċja f’Pietru. Flimkien maʼ l-​appostli l-​oħra u l-​anzjani f’Ġerusalemm, Pietru kien jirgħa l-​kongregazzjoni Kristjana fi żmien taʼ provi kbar u taʼ tkabbir mgħaġġel.—Atti 1:​15-26; 2:14; 15:​6-9.

2 Illum, Ġeħova permezz taʼ Ġesù Kristu ħatar irġiel kwalifikati biex jaqdu bħala rgħajja spiritwali sabiex jiggwidaw lin-​nagħaġ Tiegħu fl-​iktar żmien kritiku taʼ l-​istorja tal-​bniedem. (Efesin 4:​11, 12; 2 Timotju 3:1) Hija fiduċja bħal din f’lokha? Il-​fratellanza Kristjana mimlija paċi li teżisti madwar id-​dinja tagħti prova li iva. Veru, dawn ir-​rgħajja huma umani li jagħmlu l-​iżbalji, bħalma kien Pietru. (Galatin 2:​11-14; Ġakbu 3:2) Minkejja dan, Ġeħova fdahom biex jieħdu ħsieb il-​merħla li “xtara bid-​demm taʼ Ibnu stess.” (Atti 20:28) Ġeħova għandu affezzjoni kbira lejn dawn l-​irġiel, u jqishom “denji t’unur doppju.”—1 Timotju 5:17.

3. Ir-​rgħajja spiritwali kif jibqgħu juru li huma lesti li jaqdu minn rajhom u jżommu spirtu mimli ħeġġa?

3 Ir-​rgħajja spiritwali kif jibqgħu juru li huma lesti li jaqdu minn rajhom u jżommu spirtu mimli ħeġġa, u b’hekk isiru eżempji għall-​merħla? Bħal Pietru u r-​rgħajja l-​oħra taʼ l-​ewwel seklu, huma jistrieħu fuq l-​ispirtu qaddis t’Alla, li jagħtihom is-​saħħa li għandhom bżonn sabiex ikunu jistgħu jġorru r-​responsabbiltà tagħhom. (2 Korintin 4:7) Ukoll, l-​ispirtu qaddis jipproduċi fihom il-​frott taʼ l-​ispirtu—l-​imħabba, il-​ferħ, il-​paċi, is-​sabar fit-​tul, il-​qalb tajba, it-​tjubija, il-​fidi, il-​ħlewwa, u r-​rażna. (Galatin 5:​22, 23) Ejja nikkunsidraw xi modi speċifiċi li bihom ir-​rgħajja jistgħu jagħtu eżempju f’li juru dan il-​frott hekk kif jirgħu l-​merħla t’Alla taħt il-​ħarsien tagħhom.

Ħobb lill-​Merħla u lil Kull Nagħġa Individwali

4, 5. (a) Ġeħova u Ġesù kif juru mħabba għall-​merħla? (b) Liema huma xi modi li bihom ir-​rgħajja spiritwali juru l-​imħabba għall-​merħla?

4 L-​iktar kwalità importanti li jipproduċi l-​ispirtu t’Alla hi l-​imħabba. Ġeħova juri l-​imħabba tiegħu għall-​merħla b’mod ġenerali billi jipprovdi abbundanza taʼ ikel spiritwali. (Isaija 65:​13, 14; Mattew 24:​45-47) Madankollu, hu jagħmel iktar milli sempliċement jitmaʼ lill-​merħla. Hu jħoss rabta persunali maʼ kull nagħġa individwali. (1 Pietru 5:6, 7) Ġesù wkoll iħobb lill-​merħla. Hu ta ħajtu għaliha, u hu jaf lil kull nagħġa personalment, ‘b’isimha.’—Ġwanni 10:​3, 14-16.

5 Ir-​rgħajja spiritwali jimitaw lil Ġeħova u lil Ġesù. Huma juru l-​imħabba għall-​merħla t’Alla b’mod ġenerali billi ‘jagħtu ruħhom għat-​tagħlim’ fil-​kongregazzjoni. It-​taħditiet tagħhom ibbażati fuq il-​Bibbja jgħinu biex jitimgħu u jipproteġu l-​merħla, u f’dan il-​qasam ix-​xogħol iebes tagħhom kulħadd jarah. (1 Timotju 4:​13, 16) Spiss, ħaddieħor ma jkunx jaf dwar il-​ħin li jqattgħu jżommu r-​rekords, jiktbu l-​ittri, jagħmlu l-​iskedi, u jieħdu ħsieb ħafna dettalji oħrajn sabiex ikunu ċerti li l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u attivitajiet oħrajn isiru “bid-​deċenza u bl-​ordni.” (1 Korintin 14:40) Ħafna minn dan ix-​xogħol isir wara l-​kwinti u wisq probabbli ftit jiġi rikonoxxut. Verament huwa xogħol imqanqal mill-​imħabba.—Galatin 5:13.

6, 7. (a) X’inhu mod wieħed kif ir-​rgħajja jsiru jafu aħjar lin-​nagħaġ? (b) Kultant għala hu taʼ benefiċċju li naqsmu s-​sentimenti tagħna maʼ xi anzjan?

6 Ir-​rgħajja Kristjani kollhom imħabba jistinkaw biex juru interess persunali f’kull nagħġa fil-​kongregazzjoni. (Filippin 2:4) Mod wieħed kif ir-​rgħajja jsiru jafu aħjar lin-​nagħaġ individwalment hu billi jaħdmu magħhom fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar pubbliku. Ġesù spiss kien ikollu s-​segwaċi tiegħu miegħu fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u kien juża dawn l-​okkażjonijiet biex jinkuraġġihom. (Luqa 8:1) Ragħaj Kristjan taʼ l-​esperjenza jgħid: “Insib li wieħed mill-​aqwa modi kif issir taf u tinkuraġġixxi lill-​aħwa hu billi taħdem magħhom fil-​ministeru taʼ l-​għalqa.” Jekk ilu ma jkollok l-​opportunità taħdem maʼ xi anzjan fil-​ministeru taʼ l-​għalqa, għala ma tagħmilx arranġament biex taħdmu flimkien?

7 L-​imħabba qanqlet lil Ġesù biex jaqsam il-​ferħ u n-​niket tas-​segwaċi tiegħu. Per eżempju, meta 70 mid-​dixxipli tiegħu ġew lura ferħanin mill-​ippridkar, Ġesù “ħass ferħ kbir.” (Luqa 10:​17-21) Madankollu, meta ra l-​effett li kellha l-​mewt taʼ Lazzru fuq Marija u fuq il-​membri tal-​familja tagħha u l-​ħbieb, “Ġesù qabiżlu d-​dmugħ.” (Ġwanni 11:​33-35) Bl-​istess mod, illum rgħajja li jimpurtahom m’humiex indifferenti għall-​emozzjonijiet tan-​nagħaġ. L-​imħabba tqanqalhom biex ‘jifirħu maʼ min jifraħ’ u ‘jibku maʼ min jibki.’ (Rumani 12:15) Kemm jekk tħossok ferħan u kemm jekk tħossok imnikket f’ħajtek, toqgħodx tiddejjaq taqsam is-​sentimenti tiegħek mar-​rgħajja Kristjani. Meta jisimgħu dwar il-​ferħ tiegħek huma se jħossuhom inkuraġġiti. (Rumani 1:​11, 12) Meta jsiru jafu dwar il-​provi li qed iġġarrab, huma se jkunu jistgħu jsaħħuk u jfarrġuk.—1 Tessalonikin 1:6; 3:​1-3.

8, 9. (a) Anzjan wieħed kif wera l-​imħabba lejn martu? (b) Kemm huwa importanti li ragħaj juri mħabba lejn familtu?

8 L-​imħabba li ragħaj għandu għall-​merħla hija partikolarment evidenti mill-​mod kif jittratta lil familtu. (1 Timotju 3:​1, 4) Jekk inhu miżżewweġ, bl-​imħabba u l-​unur li juri lil martu, hu jkun qed jagħti eżempju lill-​irġiel miżżewġin biex jimitawh. (Efesin 5:25; 1 Pietru 3:7) Ikkunsidra l-​kummenti taʼ mara Kristjana jisimha Linda. Ir-​raġel tagħha qeda bħala anzjan għal iktar minn 20 sena qabel ma miet. Hi tgħid: “Ir-​raġel tiegħi dejjem kien ikollu ħafna x’jagħmel biex jieħu ħsieb il-​kongregazzjoni. Imma hu dejjem ġagħalni nħossni li jien parti minn tim. Hu spiss kien jgħidli kemm kien japprezza l-​appoġġ tiegħi, u kien iqattaʼ l-​ħin liberu miegħi. B’hekk, kont inħossni maħbuba u ma kontx ngħir għall-​ħin li kien ikollu jqattaʼ jaqdi lill-​kongregazzjoni.”

9 Jekk ragħaj Kristjan għandu t-​tfal, il-​mod mimli mħabba li bih hu jiddixxiplina u jfaħħar regolarment lil dawn iċ-​ċkejknin jipprovdi eżempju għall-​ġenituri biex jimitawh. (Efesin 6:4) Fil-​fatt, l-​imħabba li hu juri maʼ familtu turi li hu jistħoqqlu jiġi fdat bl-​inkarigu li ngħatalu mill-​ispirtu qaddis.—1 Timotju 3:​4, 5.

Inkuraġġixxi l-​Ferħ u l-​Paċi Billi Tikkomunika

10. (a) X’jistaʼ jkollu impatt negattiv fuq il-​ferħ u l-​paċi tal-​kongregazzjoni? (b) Liema kwistjoni kienet qed thedded il-​paċi tal-​kongregazzjoni taʼ l-​ewwel seklu, u din il-​kwistjoni kif ġiet solvuta?

10 L-​ispirtu qaddis jistaʼ jipproduċi l-​ferħ u l-​paċi f’qalb kull Kristjan individwali, fost il-​ġemgħa taʼ l-​anzjani, u fil-​kongregazzjoni b’mod ġenerali. Madankollu, nuqqas taʼ komunikazzjoni onesta jistaʼ jkollu impatt negattiv fuq il-​ferħ u l-​paċi tal-​kongregazzjoni. Salamun taʼ l-​imgħoddi osserva: “Il-​ħsibijiet ifallu fejn mhemmx ftehim.” (Proverbji 15:​22, Karm Żammit) Min-​naħa l-​oħra, meta l-​individwi jikkomunikaw bl-​onestà u bir-​rispett se jkun hemm ferħ u paċi. Per eżempju, meta l-​kwistjoni taċ-​ċirkonċiżjoni kienet qed thedded il-​paċi tal-​kongregazzjoni taʼ l-​ewwel seklu, il-​ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm fittxet għad-​direzzjoni taʼ l-​ispirtu qaddis. Dawn l-​anzjani wkoll esprimew l-​opinjonijiet tagħhom dwar dan is-​suġġett. Wara ħafna dibattiti, huma waslu għal deċiżjoni. Meta qalu lill-​kongregazzjonijiet bid-​deċiżjoni li kienu ħadu b’fehma waħda, l-​aħwa “ferħu bl-​inkuraġġiment.” (Atti 15:​6-23, 25, 31; 16:​4, 5) Huma inkuraġġew il-​ferħ u l-​paċi.

11. L-​anzjani kif jistgħu jinkuraġġixxu l-​ferħ u l-​paċi fil-​kongregazzjoni?

11 L-​istess illum, ir-​rgħajja jinkuraġġixxu l-​ferħ u l-​paċi fil-​kongregazzjoni billi jkunu wħud li jikkomunikaw tajjeb. Meta l-​problemi jheddu l-​paċi tal-​kongregazzjoni, huma jiltaqgħu flimkien u jesprimu bil-​miftuħ dak li jkunu qed iħossu. Huma jisimgħu b’rispett dak li sħabhom ir-​rgħajja għandhom x’jgħidu. (Proverbji 13:10; 18:13) Wara li jitolbu għall-​ispirtu qaddis, huma jibbażaw id-​deċiżjonijiet tagħhom fuq il-​prinċipji tal-​Bibbja u fuq il-​gwidi pubblikati mill-​“ilsir leali u għaqli.” (Mattew 24:​45-47; 1 Korintin 4:6) Meta l-​ġemgħa taʼ l-​anzjani tieħu deċiżjoni bbażata fuq l-​Iskrittura, kull anzjan jissottometti ruħu għad-​direzzjoni taʼ l-​ispirtu qaddis billi jappoġġa dik id-​deċiżjoni anki jekk l-​opinjoni persunali tiegħu ma tkunx intlaqgħet mill-​maġġuranza. Modestja bħal din se tinkuraġġixxi l-​ferħ u l-​paċi u tagħti eżempju tajjeb għan-​nagħaġ għall-​mod kif għandhom jimxu m’Alla. (Mikea 6:8) Qiegħed int tikkoopera bil-​modestja mad-​deċiżjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja li jieħdu r-​rgħajja fil-​kongregazzjoni?

Uri s-​Sabar fit-​Tul u l-​Qalb Tajba

12. Ġesù għala kellu bżonn juri s-​sabar fit-​tul u l-​qalb tajba meta kien jittratta maʼ l-​appostli?

12 Ġesù kien juri s-​sabar fit-​tul u l-​qalb tajba meta kien jittratta maʼ l-​appostli tiegħu, avolja kienu jonqsu ripetutament. Per eżempju, darba wara l-​oħra Ġesù enfasizza l-​bżonn li jkunu umli. (Mattew 18:​1-4; 20:​25-27) Madankollu, fl-​aħħar lejl tal-​ħajja taʼ Ġesù fuq l-​art, wara li kien għadu kif tahom lezzjoni dwar l-​umiltà billi ħaslilhom saqajhom, “qam ukoll argument sħun fosthom dwar min minnhom kien jidher li hu l-​akbar.” (Luqa 22:24; Ġwanni 13:​1-5) Ċanfarhom Ġesù lill-​appostli? Le, hu b’qalb tajba rraġuna magħhom billi qal: “Min hu akbar, dak li jkun mal-​mejda jew dak li jaqdi? Mhux dak li jkun mal-​mejda? Imma jien ninsab f’nofskom bħala dak li jaqdi.” (Luqa 22:27) Is-​sabar fit-​tul u l-​qalb tajba li wera Ġesù—flimkien maʼ l-​eżempju tajjeb tiegħu —fl-​aħħar mill-​aħħar messew qalb l-​appostli.

13, 14. Ir-​rgħajja meta għandhom b’mod speċjali juru l-​qalb tajba?

13 B’mod simili, ragħaj spiritwali għandu mnejn ikollu bżonn joffri parir għal darba wara l-​oħra lil individwu minħabba xi nuqqas partikulari. Ir-​ragħaj jistaʼ juri li hu rritat maʼ l-​individwu. Madankollu, jekk iżomm f’moħħu n-​nuqqasijiet tiegħu stess hekk kif ikun qed ‘iwissi lil min ma jimxix bl-​ordni,’ hu jkun qed juri s-​sabar fit-​tul u l-​qalb tajba lejn ħuh. B’dan il-​mod ikun qed jimita lil Ġesù u Ġeħova, li juru dawn il-​kwalitajiet mal-​Kristjani kollha—inkluż mar-​rgħajja.—1 Tessalonikin 5:14; Ġakbu 2:13.

14 Kultant, ir-​rgħajja jkollhom bżonn jagħtu xi parir iebes lil xi ħadd li kkommetta dnub serju. Jekk l-​individwu ma jkunx nidem, ir-​rgħajja jkollhom ineħħu lill-​wieħed li jkun qed jidneb mill-​kongregazzjoni. (1 Korintin 5:​11-13) Anki jekk dan ikun il-​każ, il-​mod u l-​manjiera li bihom huma jittrattaw lill-​individwu juru li huma jobogħdu d-​dnub, mhux lill-​midneb. (Ġuda 23) Rgħajja li juru l-​qalb tajba se jagħmluha iktar faċli għan-​nagħaġ li jkunu qed jiżvijaw biex eventwalment jirritornaw lejn il-​merħla.—Luqa 15:​11-24.

Għemejjel Tajbin Huma Mmotivati mill-​Fidi

15. X’inhu mod wieħed li bih ir-​rgħajja jimitaw it-​tjieba taʼ Ġeħova, u xi jqanqalhom jagħmlu dan?

15 “Twajjeb maʼ kulħadd il-​Mulej,” anki maʼ dawk li ma japprezzawx dak li hu jagħmel magħhom. (Salm 145:9; Mattew 5:45) It-​tjieba taʼ Ġeħova hija speċjalment evidenti minħabba li hu jibgħat lill-​poplu tiegħu biex jippriedka “l-​aħbar tajba tas-​saltna.” (Mattew 24:14) Ir-​rgħajja jirriflettu t-​tjieba t’Alla billi jkunu minn taʼ quddiem f’dan ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Xi jqanqalhom jagħmlu l-​isforzi tagħhom mingħajr ma jaqtgħu qalbhom? Fidi soda f’Ġeħova u fil-​wegħdi tiegħu.—Rumani 10:​10, 13, 14.

16. Ir-​rgħajja kif jistgħu ‘jagħmlu t-​tajjeb’ man-​nagħaġ?

16 Minbarra li ‘jagħmlu t-​tajjeb maʼ kulħadd’ bl-​ippridkar, ir-​rgħajja għandhom ir-​responsabbiltà li jagħmlu t-​tajjeb ‘speċjalment maʼ min jiġi minnhom fil-​fidi.’ (Galatin 6:10) Mod wieħed kif jistgħu jagħmlu dan hu billi jagħmlu żjajjar pastorali inkuraġġanti. “Nieħu pjaċir nagħmel żjajjar pastorali,” jgħid wieħed anzjan. “Jagħtuni l-​opportunità biex infaħħar lill-​aħwa għall-​isforzi tagħhom u ngħinhom jirrealizzaw li x-​xogħol iebes tagħhom huwa apprezzat.” Kultant, ir-​rgħajja għandhom mnejn jissuġġerixxu xi aspetti li dak li jkun jistaʼ jitjieb fihom fis-​servizz tiegħu lil Ġeħova. Meta jagħmlu hekk, ir-​rgħajja għaqlin ikunu qed jimitaw lill-​appostlu Pawlu. Ikkunsidra l-​mod li bih hu appella lill-​aħwa f’Tessalonika: “Għandna fiduċja fikom fil-​Mulej, li qed tagħmlu u se tibqgħu tagħmlu dak li nordnawlkom.” (2 Tessalonikin 3:4) Espressjonijiet taʼ fiduċja bħal dawn jappellaw għall-​inklinazzjonijiet tajbin tan-​nagħaġ u jagħmluha iktar faċli għalihom biex ikunu “ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu.” (Ebrej 13:17) Għala ma tesprimix apprezzament meta ssirlek żjara pastorali inkuraġġanti?

Il-​Ħlewwa Teħtieġ ir-​Rażna

17. Pietru liema lezzjoni tgħallem minn Ġesù?

17 Ġesù kien ġwejjed, anki meta ġie provokat. (Mattew 11:29) Meta ġie tradut u arrestat, Ġesù wera ħlewwa u rażna kbira. Minħabba li aġixxa mingħajr ma qagħad jaħsibha, Pietru ħareġ is-​sejf u rritalja. Imma Ġesù fakkru: “Taħseb li ma nistax nitlob lil Missieri biex issa stess jipprovdili iktar minn tnax-il leġjun t’anġli?” (Mattew 26:​51-53; Ġwanni 18:10) Pietru tgħallimha sew il-​lezzjoni u iktar tard fakkar lill-​Kristjani: “Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu. . . . Meta kien mgħajjar, m’għajjarx lura. Meta kien qed isofri, m’heddidx.”—1 Pietru 2:​21-23.

18, 19. (a) Meta b’mod partikulari għandhom ir-​rgħajja juru l-​ħlewwa u r-​rażna? (b) Liema mistoqsijiet imiss li nikkunsidraw?

18 Bl-​istess mod, rgħajja effettivi huma ġwejdin anki meta jiġu trattati b’mod inġust. Per eżempju, xi wħud minn dawk li huma jipprovaw jgħinu fil-​kongregazzjoni għandhom mnejn ma jirreaġixxux b’mod favorevoli. Jekk l-​individwu li għandu bżonn l-​għajnuna huwa dgħajjef jew marid spiritwalment, hu forsi jwieġeb għall-​parir billi “jitkellem bla ma jaħsibha qisu b’daqqiet taʼ sejf.” (Proverbji 12:​18, NW) Madankollu, bħal Ġesù, ir-​rgħajja ma jirritaljawx bi kliem li jniggeż jew b’azzjonijiet taʼ vendetta. Minflok, huma jeżerċitaw ir-​rażna u xorta jibqgħu jħossu għall-​individwu, u dan għandu mnejn ikun taʼ barka għal dak li jkollu bżonn l-​għajnuna. (1 Pietru 3:​8, 9) Tgħallimt int mill-​eżempju taʼ l-​anzjani u turi l-​ħlewwa u r-​rażna meta tirċievi xi parir?

19 Mingħajr dubju taʼ xejn, Ġeħova u Ġesù japprezzaw ix-​xogħol iebes taʼ l-​eluf taʼ rgħajja li huma lesti li jieħdu ħsieb il-​merħla taʼ madwar id-​dinja. Ġeħova u Ibnu għandhom affezzjoni kbira wkoll lejn l-​eluf taʼ qaddejja ministerjali li jappoġġaw lill-​anzjani meta ‘jaqdu lill-​qaddisin.’ (Ebrej 6:10) Mela, xi aħwa rġiel mgħammdin għala jżommu lura milli jirsistu għal dan ix-​“xogħol tajjeb”? (1 Timotju 3:1) U Ġeħova kif iħarreġ lil dawk li hu jaħtar bħala rgħajja? Dawn il-​mistoqsijiet se jiġu kunsidrati fl-​artiklu li jmiss.

Tiftakar Int?

• X’inhuma xi modi li bihom ir-​rgħajja juru li jħobbu l-​merħla?

• Il-​kongregazzjoni kollha kif tistaʼ tinkuraġġixxi l-​ferħ u l-​paċi?

• Ir-​rgħajja għala juru s-​sabar fit-​tul u l-​qalb tajba meta jagħtu parir?

• L-​anzjani kif juru t-​tjieba u l-​fidi?

[Stampa f’paġna 18]

L-​anzjani huma motivati mill-​imħabba biex jaqdu lill-​kongregazzjoni

[Stampi f’paġna 18]

Huma wkoll iqattgħu ħin mal-​familji tagħhom kemm fir-​rikreazzjoni . . .

. . . u kemm fil-​ministeru

[Stampa f’paġna 20]

Komunikazzjoni tajba fost l-​anzjani tinkuraġġixxi l-​ferħ u l-​paċi fil-​kongregazzjoni

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja