“Jeħtieġ li Aħna Nobdu lil Alla Bħala Ħakkiem Iktar Milli lill-Bnedmin”
“Il-Gwerra f’Idejn il-Mulej”
ŻEWĠ armati rivali jinsabu weqfin faċċata taʼ xulxin b’wied jifridhom. L-irġiel taʼ Iżrael issa kienu ilhom 40 jum imwerwrin minħabba li Gulija, il-kampjun Filisti, kien qiegħed jibbombardjahom b’insulti.—1 Samwel 17:1-4, 16.
B’leħen għoli, Gulija sfida lil Iżraelin b’dan il-kliem: “Agħżlu issa bniedem u jinżel għalija. Jekk għandu l-ħila jitqabad miegħi u joqtolni, aħna nsiru lsiera tagħkom, imma jekk negħlbu jien u noqtlu, intom tkunu lsiera tagħna u intom taqduna. . . . Hawn jien illum nisfida l-qtajjaʼ taʼ Iżrael! Agħtuni raġel u nitqabdu flimkien.”—1 Samwel 17:8-10.
Fi żmien l-antik kienet xi ħaġa komuni għall-gwerriera li jirrappreżentaw l-armati tagħhom fi ġlieda taʼ raġel kontra ieħor. Ir-rebbieħ kien jagħti vittorja lill-armata tiegħu. Però, dan l-isfidant kontra l-poplu Iżraeli ma kienx xi suldat komuni. Hu kien ġgant twil b’mod esaġerat—avversarju feroċi u li jbeżżaʼ. Madankollu, Gulija wasal biex jissiġilla d-destin tiegħu minħabba li waqqaʼ lill-armata taʼ Ġeħova għaċ-ċajt.
Din ma kinitx xi ġlieda militari bħall-oħrajn. Dan il-konflitt kien bejn Ġeħova u l-allat tal-Filistin. Minflok ma wera kuraġġ u mexxa lill-armata tiegħu kontra l-għedewwa t’Alla, is-Sultan Sawl taʼ Iżrael spiċċa paralizzat bil-biżaʼ.—1 Samwel 17:11.
Raġel Żagħżugħ Juri Fiduċja f’Ġeħova
Sadanittant, raġel żagħżugħ li diġà kien midluk biex ikun is-Sultan taʼ Iżrael mar biex iżur lil ħutu li kienu fl-armata taʼ Sawl. Iż-żagħżugħ kien jismu David. Meta semaʼ dak li qal Gulija, hu staqsa: “Min hu dan il-Filisti bla ħtin, biex jisfida lill-qtajjaʼ taʼ Alla l-ħaj?” (1 Samwel 17:26) Mill-ħarsa taʼ David, Gulija kien jirrappreżenta kemm lill-Filistin kif ukoll lill-allat tagħhom. Irrabjat b’mod ġust, David jixtieq jiddefendi l-isem taʼ Ġeħova u lill-Iżrael billi jiġġieled lill-ġgant pagan. Iżda s-Sultan Sawl qallu: “Int ma tistax tmur quddiem dan il-Filisti u tiġġieled miegħu, għax int għadek żagħżugħ.”—1 Samwel 17:33.
Kemm kienet differenti l-ħarsa taʼ David minn dik taʼ Sawl! Sawl kien biss qed jara tfajjel ragħaj li ried jiġġieled kontra ġgant krudil. Iżda David kien qed jara raġel li kien qed jisfida lill-Mulej Sovran Ġeħova. Il-kuraġġ taʼ David kien qed jistrieħ fuq il-konvinzjoni tiegħu li Alla mhux se jħalli l-isem Tiegħu u l-poplu Tiegħu jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt mingħajr ma jikkastiga. Filwaqt li Gulija kien qiegħed jiftaħar bis-saħħa tiegħu, David poġġa l-fiduċja tiegħu f’Ġeħova billi kkunsidra s-sitwazzjoni mill-ħarsa t’Alla.
“Jien Ġejt Għalik b’Isem” Ġeħova
Il-fidi taʼ David għandha bażi soda. Hu ftakar meta Alla għenu biex jeħles lin-nagħaġ tiegħu minn ors u ljun. Ir-ragħaj żagħżugħ kien ċert li Ġeħova kien se jgħinu issa wkoll biex jiħodha maʼ dan l-avversarju Filisti tal-biżaʼ. (1 Samwel 17:34-37) David, armat bi żbandola sempliċi u ħames ċagħqiet lixxi, mar biex jiltaqaʼ maʼ Gulija.
Iż-żagħżugħ David aċċetta din l-isfida, li kienet tidher impossibbli, permezz tal-qawwa li Ġeħova jipprovdi. Bil-kuraġġ, hu qal lill-Filisti: “Int ġejt lejja bix-xabla, bil-lanza u bil-vleġġa; iżda jien ġejt għalik b’isem [“Ġeħova,” NW] taʼ l-eżerċti, Alla taʼ l-armata taʼ Iżrael, li int sfidajt. Illum stess il-Mulej jagħtik f’idejja . . . Kulħadd isir jaf li hemm Alla f’Iżrael. U din il-kotra tagħraf illi l-Mulej ma jsalvax bix-xabla jew bil-lanza; għax il-gwerra f’idejn il-Mulej.”—1 Samwel 17:45-47.
X’kien ir-riżultat? Ir-rakkont ispirat ikompli jgħid: “Hekk David rebaħ lill-Filisti bi żbandola u b’ċagħqa; laqtu u qatlu, bla xabla f’idu.” (1 Samwel 17:50) Ma kellux xabla f’idejh, iżda kellu l-appoġġ qawwi t’Alla Ġeħova.a
Kemm ġiet premjata l-fidi taʼ David f’Ġeħova f’din it-taqbida! Meta aħna niġu biex nagħżlu bejn il-biżaʼ mill-bniedem u l-fiduċja tagħna fil-qawwa li ssalva taʼ Ġeħova, l-għażla hija ovvja: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin.” (Atti 5:29) Iktar minn hekk, meta nħarsu lejn sitwazzjonijiet diffiċli bil-mod li jħares lejhom Alla Ġeħova, se jkun possibbli li jkollna ħarsa bilanċjata lejn problemi li jistgħu jaqtgħulna qalbna.
[Nota taʼ taħt]
a Ara t-2006 Calendar of Jehovah’s Witnesses, Mejju/Ġunju.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]
DAQSIEX KIEN FIH GULIJA?
Ir-rakkont fl-1 Samwel 17:4-7 jgħidilna li Gulija kien twil iktar minn sitt idriegħ—iktar minn disaʼ piedi. Is-saħħa li kellu dan il-Filisti kienet tidher mill-kurazza taʼ l-azzar li kien jilbes. Din kienet tiżen 57 kilo! Il-lasta tal-lanza kienet qisha serratizz u x-xafra tal-lanza kienet tiżen 7 kilojiet. Wisq probabbli li l-armatura taʼ Gulija kienet tiżen iktar minn David innifsu!