Il-Ferħ li Nesperjenzaw Meta Nimxu bl-Integrità
“Barket il-Mulej hi li tagħnina, u hu ma jżid l-ebda għali magħha.” —PROVERBJI 10:22, KŻ.
1, 2. Għala għandna noqogħdu attenti li ma nkunux imħassbin iżżejjed bil-futur?
“META ninkwetaw iżżejjed dwar il-futur . . . ma ngawdux dak li għandna issa,” innota filosfu Amerikan. Dan hu minnu dwar it-tfal, li tant moħħhom f’dak li jkunu jistgħu jagħmlu meta jikbru li jinsew il-benefiċċji tat-tfulija sakemm ikun tard wisq.
2 Saħansitra l-aduraturi taʼ Ġeħova jistgħu jiġu effettwati minn din l-attitudni. Ikkunsidra x’jistaʼ jiġri. Aħna tassew nixxennqu għat-twettiq tal-wegħda t’Alla li jġib ġenna fuq l-art. Nistennew bil-ħerqa ħajja bla mard, xjuħija, uġigħ, u tbatija. Għalkemm huwa tajjeb li nistennew dawn l-affarijiet, xi ngħidu jekk tant inkunu moħħna fil-barkiet fiżiċi tal-futur li ma nindunawx bil-barkiet spiritwali li għandna issa? X’ħasra tkun dik! Kieku malajr nistgħu naqtgħu qalbna u nħossu ‘l-qalb marida minħabba t-tama mtawla’ iktar milli nkunu immaġinajna. (Proverbji 13:12) Minħabba l-problemi u d-diffikultajiet tal-ħajja nistgħu ninħakmu mill-iskuraġġiment jew nibdew nitħassru lilna nfusna. Minflok ma nibdew inkampaw maʼ sitwazzjonijiet diffiċli, nistgħu niħduha drawwa li noqogħdu nilmentaw. Dan kollu nistgħu nevitawh jekk nimmeditaw b’apprezzament dwar il-barkiet li għandna issa.
3. Fuqiex se niffokaw l-attenzjoni tagħna f’dan l-artiklu?
3 “Barket il-Mulej hi li tagħnina, u hu ma jżid l-ebda għali magħha,” jgħid Proverbji 10:22, KŻ. M’hijiex il-kundizzjoni t’għana spiritwali tal-qaddejja taʼ Ġeħova llum barka li għandha ġġibilna l-ferħ? Ejja nikkunsidraw ftit aspetti taʼ l-għana spiritwali tagħna u naraw xi jfissru għalina personalment. Tabilħaqq, id-determinazzjoni tagħna biex inkomplu naqdu lil Missierna tas-sema bil-ferħ se tissaħħaħ jekk nieħdu l-ħin biex nimmeditaw dwar il-barkiet li Ġeħova ferraʼ fuq ‘il-ġust li jimxi bl-integrità.’—Proverbji 20:7, NW.
Barkiet li Jferrħuna Issa
4, 5. Int liema tagħlim tal-Bibbja tapprezza ħafna, u għala?
4 Għarfien eżatt tat-tagħlim Bibliku. Ir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu ġeneralment jgħidu li jemmnu fil-Bibbja. Madankollu, huma ma jaqblux maʼ dak li tgħallem. Saħansitra membri taʼ l-istess grupp reliġjuż spiss ikollhom ħarsa differenti dwar dak li tgħallem l-Iskrittura verament. Kemm hi differenti l-kundizzjoni tagħhom minn dik tal-qaddejja taʼ Ġeħova! Minkejja n-nazzjonalità, il-kultura, u l-isfond etniku tagħna, aħna nqimu lill-Alla li nafuh b’ismu. Hu m’huwiex xi Alla misterjuż maqsum fi tlieta. (Dewteronomju 6:4; Salm 83:19 [83:18, NW]; Marku 12:29) Nafu wkoll li l-kwistjoni primarja tas-sovranità universali t’Alla dalwaqt se tiġi setiljata u li aħna lkoll involuti personalment f’din il-kwistjoni minħabba li nżommu l-integrità tagħna lejh. Aħna nafu l-verità dwar il-mejtin u ninsabu meħlusin mill-biżaʼ li jwaħħax t’Alla li jingħad li jitturmenta l-bnedmin fin-nar taʼ l-infern jew li jitfagħhom fil-purgatorju.—Koħèlet 9:5, 10.
5 Iktar minn hekk, kemm nifirħu minħabba li nafu li aħna m’aħniex prodott aċċidentali taʼ l-evoluzzjoni li ma jikkontrollaha ħadd! Minflok, aħna l-ħolqien t’Alla, maħluqin fuq ix-xbieha tiegħu. (Ġenesi 1:26; Malakija 2:10) “Nroddlok ħajr, għax b’mod taʼ l-għaġeb għamiltni,” kanta s-salmista lil Alla tiegħu. “Taʼ l-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. U ’l ruħi inti tafha tajjeb.”—Salm 139:14.
6, 7. Liema bidliet f’ħajtek jew fil-ħajja t’oħrajn taf li rriżultaw f’barka?
6 Ħelsien minn drawwiet u prattiki taʼ ħsara. Il-mezzi tax-xandir huma invażati bi twissijiet dwar il-periklu tas-sigaretti, ix-xorb żejjed, u t-taħlit sesswali. Imma l-maġġorparti tan-nies ma jagħtux kas dawn it-twissijiet. Però, x’jiġri meta individwu sinċier jitgħallem li l-Alla l-veru jikkundanna dawn l-affarijiet u jiddispjaċih meta jara lil min jipprattikahom? Iva, dan l-individwu jitqanqal biex ineħħi għalkollox dawn il-prattiki minn ħajtu! (Isaija 63:10; 1 Korintin 6:9, 10; 2 Korintin 7:1; Efesin 4:30) Waqt li dan jagħmlu primarjament biex jogħġob lil Alla Ġeħova, hu jkollu wkoll iktar benefiċċji—saħħa aħjar u paċi tal-moħħ.
7 Għal ħafna wħud huwa tassew diffiċli li jwaqqfu l-vizzji ħżiena. Xorta waħda, kull sena għaxriet t’eluf taʼ wħud qed jagħmlu dan. Huma jiddedikaw ruħhom lil Ġeħova u jitgħammdu fl-ilma, u b’hekk juru lil kulħadd li eliminaw minn ħajjithom il-prattiki li ma jogħġbux lil Alla. Kemm jinkuraġġina lkoll dan il-fatt! Id-determinazzjoni tagħna tissaħħaħ biex nibqgħu ħelsin mill-jasar taʼ l-imġiba midinba li tagħmlilna l-ħsara.
8. Liema parir ibbażat fuq il-Bibbja jikkontribwixxi għall-hena fil-familja?
8 Ħajja tal-familja hienja. F’ħafna pajjiżi l-ħajja tal-familja qed tmur lura. Ħafna żwiġijiet jispiċċaw f’divorzju, u spiss iħallu warajhom l-ulied b’uġigħ emozzjonali kbir. F’xi pajjiżi Ewropej, 20 fil-mija mill-familji għandhom ġenitur wieħed. Ġeħova kif għenna nimxu bl-integrità f’dan ir-rigward? Jekk jogħġbok aqra Efesin 5:22–6:4, u innota l-parir mill-aqwa li tagħti l-Kelma t’Alla lill-irġiel u n-nisa miżżewġin u lit-tfal. Ir-rabta taż-żwieġ żgur li tissaħħaħ jekk il-membri japplikaw dak li hu mniżżel hawn u fi bnadi oħra fl-Iskrittura, jgħin ukoll biex il-ġenituri jrabbu t-tfal sewwa, u jikkontribwixxi biex il-ħajja tal-familja tkun hienja. M’hijiex din barka li għandha tferraħna?
9, 10. Il-ħarsa tagħna lejn il-futur kif inhi differenti minn dik tad-dinja?
9 Żgurati li l-problemi tad-dinja dalwaqt se jiġu solvuti. Minkejja l-għarfien xjentifiku u teknoloġiku u l-isforzi sinċieri taʼ ċerti mexxejja, il-problemi serji tal-ħajja llum għadhom ma ġewx solvuti. Klaus Schwab, li hu l-fundatur tal-Forum taʼ l-Ekonomija Dinjija, dan l-aħħar innota li “l-lista taʼ sfidi li tiffaċċja d-dinja qed tikber dejjem iktar u ż-żmien biex nieħdu ħsiebhom qed jiqsar.” Hu tkellem dwar il-“perikli li jistgħu jeffettwaw lill-ġnus kollha bħat-terroriżmu, il-ħsara lill-ambjent u n-nuqqas taʼ stabbiltà finanzjarja.” Schwab ikkonkluda: “Issa, iktar minn qatt qabel, id-dinja qed tiffaċċja r-realtajiet li għalihom hemm bżonn azzjoni kollettiva u deċiżiva.” Hekk kif qed nidħlu iktar fis-seklu 21, il-futur taʼ l-umanità in ġenerali jidher ikrah.
10 Kemm iferraħna l-fatt li nafu li Ġeħova għamel arranġament li jistaʼ jsolvi l-problemi kollha taʼ l-umanità—is-Saltna Messjanika t’Alla! Permezz tagħha, l-Alla l-veru se “jwaqqaf il-gwerer sa truf l-art” u se jġib “sliem kotran.” (Salm 46:10 [46:9, NW]; 72:7) Is-Sultan midluk, Ġesù Kristu, se ‘jeħles lill-fqir, lill-imsejken, u lid-dgħajjef, mill-qerq u mill-moħqrija.’ (Salm 72:12-14) Taħt il-ħakma tas-Saltna, mhux se jkun hemm nuqqas taʼ ikel. (Salm 72:16) Ġeħova se ‘jixxottalna kull demgħa minn għajnejna, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.’ (Rivelazzjoni 21:4) Is-Saltna diġà ġiet stabbilita fis-sema u dalwaqt se tieħu l-passi meħtieġa biex issolvi l-problemi kollha fuq l-art.—Danjel 2:44; Rivelazzjoni 11:15.
11, 12. (a) Jirnexxilu min ifittex il-pjaċiri jsib ferħ dejjiemi? Spjega. (b) Xi jġib ferħ veru?
11 Nafu xi jġib ferħ veru. Xi jġib ferħ veru? Wieħed psikologu qal li l-ferħ hu magħmul minn tliet affarijiet—il-pjaċiri, l-involviment (f’attivitajiet bħax-xogħol u l-familja), u s-sodisfazzjon (ħidma lejn skop jew mira akbar għall-benefiċċju t’oħrajn). Mit-tlieta li huma, hu semma l-pjaċiri bħala l-inqas li huma importanti u osserva: “Dan hu taʼ min jinnotah għaliex ħafna nies jibnu ħajjithom madwar il-pjaċiri.” X’inhi l-ħarsa tal-Bibbja dwar dan?
12 Is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem qal: “Għedt lili nnifsi: ‘Ejja, mela, ħa nippruvak bl-hena u ndewwqek il-pjaċir.’ Iżda hemm hi: frugħa mill-ġdid. ‘Dan id-daħk,’ għedt jien, ‘hu ġenn, u l-pjaċir x’ġid iħalli?’” (Koħèlet 2:1, 2) Skond l-Iskrittura, kwalunkwe ferħ li l-pjaċiri joffru huwa biss temporanju. Xi ngħidu dwar li ninvolvu ruħna fix-xogħol? Aħna għandna l-iktar xogħol sinifikanti li nistgħu ninvolvu ruħna fih—l-ippridkar tas-Saltna u x-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Meta naqsmu m’oħrajn il-messaġġ taʼ salvazzjoni spjegat fil-Bibbja, aħna nkunu qed nieħdu sehem f’xogħol li jistaʼ jwassal għas-salvazzjoni tagħna u taʼ dawk li jisimgħuna. (1 Timotju 4:16) Bħala “ħaddiema sħab m’Alla,” aħna nesperjenzaw li “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (1 Korintin 3:9; Atti 20:35) Dan ix-xogħol jagħti sinifikat akbar lil ħajjitna u jipprovdi lill-Ħallieq bi tweġiba għall-wieħed li jgħajru, Satana x-Xitan. (Proverbji 27:11) Tabilħaqq, Ġeħova wriena li d-devozzjoni lejn Alla ġġib ferħ ġenwin u dejjiemi.—1 Timotju 4:8.
13. (a) L-Iskola tal-Ministeru Teokratiku b’liema mod hija barka li nistgħu nifirħu biha? (b) Int kif ibbenefikajt mill-Iskola tal-Ministeru Teokratiku?
13 Programm taʼ taħriġ importanti u effettiv. Gerhard jaqdi bħala anzjan f’kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Meta jiftakar f’żgħożitu hu jgħid: “Bħala żagħżugħ, kelli problemi kbar biex nitkellem. Meta kont inkun taħt pressjoni, bilkemm kien jirnexxili nesprimi ruħi u kont nibda llaqlaq. Ħassejtni inferjuri u sirt imdejjaq ħafna. Il-ġenituri tiegħi rranġawli biex nieħu taħriġ ħalli nitgħallem nitkellem imma l-isforzi tagħhom kienu kollha għalxejn. Il-problema tiegħi kienet psikoloġika, mhux fiżika. Però, kien hemm provvediment meraviljuż minn Ġeħova—l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Minħabba li nktibt f’din l-iskola l-kuraġġ tiegħi ġie mġedded. Għamilt kulma stajt biex nipprattika dak li tgħallimt. U kienet effettiva! Sirt iktar fluwenti, ma bqajtx inħossni mdejjaq, u sirt iktar kuraġġuż fil-ministeru. Issa saħansitra nagħti t-taħditiet pubbliċi. Inħossni tassew grat lejn Ġeħova li tani ħajja ġdida permezz taʼ din l-iskola.” M’huwiex il-mod kif Ġeħova jħarriġna biex nagħmlu xogħlu raġuni biex nifirħu?
14, 15. Fi żmien taʼ inkwiet, liema għajnuna hija disponibbli mill-ewwel? Agħti eżempju.
14 Relazzjoni persunali maʼ Ġeħova u appoġġ mill-fratellanza magħquda globalment. Katrin, li tgħix il-Ġermanja, kienet inkwetata ferm meta semgħet ir-rapporti dwar it-terremot ikrah u t-tsunami li segwieh fix-xlokk taʼ l-Asja. Bintha kienet qed iżżur it-Tajlandja meta seħħ id-diżastru. Għal 32 siegħa din l-omm ma kinitx taf jekk bintha kinitx għadha ħajja jew jekk kinitx fost il-vittmi li bdew jiżdiedu kull siegħa. X’serħan esperjenzat Katrin meta finalment irċiviet telefonata li żguratha li bintha tinsab fis-sigurtà!
15 X’għen lil Katrin matul dawk is-sigħat t’ansjetà? Hi tikteb: “Qattajt kważi dan il-ħin kollu nitlob lil Ġeħova. Innotajt għal darba wara l-oħra kemm dan qawwieni u tani l-paċi tal-moħħ. Iktar minn hekk, aħwa spiritwali kollhom imħabba żaruni u inkuraġġewni.” (Filippin 4:6, 7) Kemm kienet tkun agħar is-sitwazzjoni tagħha li kieku kellha tqattaʼ dawk is-sigħat taʼ niket kbir mingħajr il-benefiċċju tat-talb lil Ġeħova u l-appoġġ tal-fratellanza spiritwali kollha mħabba! Ir-relazzjoni intima tagħna maʼ Ġeħova u maʼ Ibnu flimkien mas-sħubija mill-qrib tagħna mal-fratellanza Kristjana hija barka unika, prezzjuża wisq biex ma napprezzawhiex.
16. Semmi esperjenza li turi l-valur tat-tama taʼ l-irxoxt.
16 It-tama li nerġgħu naraw lill-maħbubin mejtin tagħna. (Ġwanni 5:28, 29) Raġel żagħżugħ li jismu Matthias trabba bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Però, minħabba li ma kienx attent għall-barkiet tiegħu, hu tbiegħed mill-kongregazzjoni Kristjana meta kien għadu adoloxxenti. Issa hu jikteb: “Tistaʼ tgħid li qatt ma kelli diskussjonijiet serji maʼ missieri. Tul is-snin, kellna ħafna argumenti. Xorta waħda, missieri dejjem ried l-aħjar għalija. Hu kien tassew iħobbni, xi ħaġa li ma rrealizzajtx dak iż-żmien. Fl-1996, hekk kif kont bil-qiegħda maġenbu fuq is-sodda, inżommlu idejh u nolfoq kemm niflaħ, għedtlu li ddispjaċieni għal dak kollu li għamilt u li kont inħobbu ħafna. Imma issa ma setax jismagħni. Hu kellu marda li ma damitx ma wasslitu għall-mewt. Jekk nibqaʼ ħaj biex nara lil missieri fl-irxoxt, żgur li se npattu għall-passat. U hu żgur li se jifraħ malli jismaʼ li issa qed naqdi bħala anzjan u li jien u marti għandna l-privileġġ li naqdu bħala pijunieri.” Kemm hi barka għalina t-tama taʼ l-irxoxt!
“Hu Ma Jżid l-Ebda Għali Magħha”
17. Kif niġu megħjunin meta nimmeditaw dwar il-barkiet taʼ Ġeħova?
17 Dwar Missieru tas-sema, Ġesù Kristu qal: “Hu jtellaʼ x-xemx tiegħu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin u jniżżel ix-xita fuq in-nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.” (Mattew 5:45) Jekk Alla Ġeħova jsawwab il-barkiet saħansitra fuq dawk li m’humiex sewwa u li huma ħżiena, kemm iktar se jagħmel dan fuq dawk li jimxu fit-triq taʼ l-integrità! “Ebda ġid ma jiċħad il-Mulej lil min jimxi bis-sewwa,” jgħid Salm 84:12 (84:11, NW). Meta nimmeditaw fuq l-attenzjoni speċjali u l-interess li juri lejn dawk li jħobbuh, kemm ifuru qlubna bil-gratitudni u l-ferħ!
18. (a) B’liema mod nistgħu ngħidu li Ġeħova ma jżid l-ebda għali mal-barka tiegħu? (b) Ħafna mill-uħud leali t’Alla għala jbatu?
18 “Barket il-Mulej”—din qed tagħti l-għana spiritwali lill-poplu tiegħu. U aħna żgurati li “hu ma jżid l-ebda għali magħha.” (Proverbji 10:22, KŻ ) Imma allura għala ħafna mill-uħud leali t’Alla jgħaddu minn dawn il-provi u t-tiġrib li jikkaġunawlhom ħafna wġigħ u tbatija? Aħna niffaċċjaw id-diffikultajiet u l-inkwiet minħabba tliet raġunijiet prinċipali. (1) L-inklinazzjoni midinba tagħna. (Ġenesi 6:5; 8:21; Ġakbu 1:14, 15) (2) Satana u d-demonji tiegħu. (Efesin 6:11, 12) (3) Id-dinja ħażina. (Ġwanni 15:19) Waqt li Ġeħova jippermetti li jiġrulna affarijiet ħżiena, dawn ma jiġux mingħandu. Fil-fatt, “kull għotja tajba u kull rigal perfett ġej minn fuq, għax jinżel mingħand il-Missier tad-dwal tas-sema.” (Ġakbu 1:17) Il-barkiet taʼ Ġeħova ma jġibux uġigħ magħhom.
19. X’hemm lest għal dawk li jkomplu jimxu bl-integrità?
19 Relazzjoni qrib m’Alla hija dejjem involuta biex ikollna l-għana spiritwali. Meta niżviluppaw relazzjoni intima miegħu, aħna ‘nqiegħdu fis-sigurtà għalina nfusna pedament tajjeb għall-futur, sabiex naqbdu qabda soda mal-ħajja vera.’ (1 Timotju 6:12, 17-19) Fid-dinja l-ġdida li se jġib Alla fil-futur, ir-rikkezzi spiritwali tagħna se jġibu magħhom barkiet fiżiċi. Il-ħajja vera mbagħad se tkun il-ħajja li jesperjenzaw dawk kollha li ‘jkunu semgħu l-leħen tal-Mulej.’ (Dewteronomju 28:2) B’determinazzjoni iktar qawwija, ejja lkoll nibqgħu ferħanin aħna u nimxu fl-integrità.
X’Tgħallimt?
• Għala m’huwiex għaqli li nitħassbu żżejjed dwar il-futur?
• Liema barkiet qed ingawdu issa?
• Il-qaddejja leali t’Alla għala jbatu?