LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 9/15 pp. 15-20
  • Il-Barka taʼ Jehovah Tagħmilna Għonja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Barka taʼ Jehovah Tagħmilna Għonja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Kelma t’Alla—Rigal Imprezzabbli
  • Grati għar-​Rigal taʼ l-​Ispirtu Qaddis
  • L-​Imħabba Kristjana —Rigal li Ngħożżu
  • “Għotjiet fi Rġiel”
  • Ir-​Rigal tal-​Ministeru taʼ l-​Għalqa
  • Ħajja tal-​Familja Ferħana —Rigal mill-​Isbaħ
  • L-​aqwa rigal mingħand Alla—Għala daqstant prezzjuż?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2017
  • Napprezzaw id-‘Doni fi Bnedmin’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Hena taʼ Dejjem Tistenna lil Donaturi Devoti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Kariżma—Tifħir lil Bniedem jew Glorja lil Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 9/15 pp. 15-20

Il-​Barka taʼ Jehovah Tagħmilna Għonja

‘Barket il-​Mulej hi li tagħmilna għonja, u hu ma jżid l-​ebda għali [“uġigħ,” “NW”] magħha.’—PROVERBJI 10:​22, KŻ.

1, 2. Il-ferħ għala m’huwiex marbut maʼ l-​għana materjali?

ILLUM, il-​ġiri wara l-​affarijiet materjali jikkontrolla l-​ħajja taʼ miljuni taʼ nies. Imma qegħdin l-​affarijiet materjali jagħmluhom ferħanin? “Ma nistax niftakar żmien meta n-​nies kienu daqshekk imdejqin bil-​qagħda tagħhom daqs kemm huma llum,” tgħid The Australian Women’s Weekly. Ir-​rivista tkompli: “Dan jistaʼ jidher li huwa kontradizzjoni. Jingħad li l-​Awstralja tinsab f’qagħda ekonomika eċċellenti, li l-​ħajja qatt ma kienet aħjar milli hi. . . . Minkejja dan, il-​pessimiżmu huwa mifrux man-​nazzjon kollu. L-​irġiel u n-​nisa bl-​istess mod iħossu li hemm xi ħaġa nieqsa f’ħajjithom imma m’humiex kapaċi jagħrfu x’inhi.” Kemm huwa minnu dak li tgħid l-​Iskrittura li la l-​ferħ u lanqas il-​ħajja ma tiddependi minn kemm ikollna affarijiet!—Koħèlet 5:9 [5:​10, NW]; Luqa 12:15.

2 II-Bibbja tgħallem li l-​akbar ferħ jiġi mill-​barka t’Alla. Dwar dan, Proverbji 10:22 (KŻ) jgħid: ‘Barket il-​Mulej hi li tagħmilna għonja, u hu ma jżid l-​ebda għali [“uġigħ,” NW] magħha.’ Taʼ spiss, li wieħed ikun moħħu x’se jakkwista jġiblu biss niket. Mela mhux taʼ b’xejn li l-​appostlu Pawlu wissa: “Imma dawk li jridu jistagħnu jaqgħu fit-​tiġrib u fix-​xibka u f’ħafna xewqat bla sens u taʼ ħsara li jitfgħu lill-​bnedmin fil-​qerda u t-​telfien. Għax ir-​regħba għall-​flus hi l-​għerq taʼ kull ħażen; kien ħtija taʼ din ir-​regħba li xi wħud ħarġu barra mit-​triq tal-​fidi u nfnew b’niket kbir.”—1 Timotju 6:​9, 10.

3. Il-​qaddejja t’Alla għala jgħaddu minn provi?

3 Min-​naħa l-​oħra, dawk li ‘jibqgħu jagħtu widen għal leħen Jehovah’ se jilħquhom barkiet li ma fihom ebda niket u wġigħ. (Dewteronomju 28:​2, NW) Madankollu, xi wħud għandhom mnejn jistaqsu, ‘Jekk m’hemm l-​ebda wġigħ miżjud mal-​barkiet taʼ Jehovah, għala ħafna mill-​qaddejja t’Alla jsofru?’ Il-​Bibbja turi li Alla jippermetti li aħna ngħaddu minn provi imma fil-​fatt dawn ġejjin minn Satana, mis-​sistema mill-​agħar tiegħu, u min-​natura imperfetta tagħna. (Ġenesi 6:5; Dewteronomju 32:​4, 5; Ġwann 15:19; Ġakbu 1:​14, 15) Jehovah huwa s-​sors taʼ “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett.” (Ġakbu 1:17) Għaldaqstant, il-​barkiet tiegħu qatt ma jġibu wġigħ. Għalhekk, ejja nikkunsidraw xi ftit mir-​rigali perfetti t’Alla.

Il-​Kelma t’Alla—Rigal Imprezzabbli

4. In-​nies taʼ Jehovah liema barka u rigal imprezzabbli qegħdin igawdu matul dan iż-​“żmien tat-​tmiem”?

4 Dwar iż-​“żmien tat-​tmiem,” il-​profezija taʼ Danjel tistqarr: “L-​għarfien veru se jsir abbundanti.” Iżda mbagħad intqal: “Ebda wħud mill-​agħar ma se jifhmu; imma dawk li għandhom id-​dehen se jifhmu.” (Danjel 12:​4, 10, NW) Aħseb ftit! Il-​Kelma t’Alla—b’mod partikulari l-​profeziji—tant hi miktuba b’għerf divin li l-​ħżiena ma jistgħux jifhmuha sew, imma n-​nies taʼ Jehovah jistgħu. “Nfaħħrek, Missier, Sid is-​sema u l-​art,” talab l-​Iben t’Alla, “għax int dawn il-​ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-​għerf u d-​dehen u wrejthom liċ-​ċkejknin.” (Luqa 10:21) X’barka hi li jkollok ir-​rigal imprezzabbli tal-​Kelma miktuba t’Alla, il-​Bibbja, u tkun fost dawk li Jehovah jagħtihom dehen spiritwali!—1 Korintin 1:​21, 27, 28; 2:​14, 15.

5. X’inhu l-​għerf, u kif nistgħu nakkwistawh?

5 Ma kien ikollna l-​ebda dehen spiritwali li kieku ma kienx għall-​“għerf li ġej mis-​sema.” (Ġakbu 3:17) L-​għerf huwa l-​abbiltà li nużaw l-​għarfien u l-​fehma biex insolvu l-​problemi, nevitaw jew nindunaw bil-​periklu, nilħqu miri, jew nagħtu pariri tajbin. Kif nakkwistawh dan l-​għerf divin? Proverbji 2:6 jistqarr: “Għax il-​Mulej jagħti l-​għerf, minn fommu ġej it-​tagħrif u d-​dehen.” Iva, Jehovah se jberikna bl-​għerf jekk aħna nkomplu nitolbu għalih, sewwa sew bħalma ta “moħħ għaref u għaqli” lis-​Sultan Salamun. (1 Slaten 3:​11, 12; Ġakbu 1:​5-8) Sabiex niksbu l-​għerf, irridu wkoll nibqgħu nisimgħu minn Jehovah billi nistudjaw u napplikaw il-​Kelma tiegħu regolarment.

6. Għala huwa għaqli li napplikaw il-​liġijiet u l-​prinċipji t’Alla f’ħajjitna?

6 Fil-​liġijiet u l-​prinċipji tal-​Bibbja nsibu eżempji eċċellenti taʼ l-​għerf t’Alla. Dawn huma taʼ benefiċċju għalina b’kull mod—fiżikament, mentalment, emozzjonalment, u spiritwalment. Is-​salmista b’mod xieraq kanta: “Il-​liġi tal-​Mulej perfetta, u tagħti l-​ħajja; ix-​xhieda tal-​Mulej hi sewwa, u tgħallem lil min ma jafx. Il-​preċetti tal-​Mulej dritti, u jferrħu l-qalb; il-kmandament tal-​Mulej safi, u jdawwal l-​għajnejn. Il-​biżaʼ tal-​Mulej sinċier, u jibqaʼ għal dejjem. Il-​ġudizzji tal-​Mulej sewwa, u mseddqa għalkollox; egħżeż mid-​deheb, mid-​deheb l-​aktar fin.”—Salm 19:​8-11 [19:​7-10, NW]; 119:72.

7. X’jiġri meta l-​livelli taʼ tjieba t’Alla jiġu injorati?

7 Mill-​banda l-​oħra, dawk li jinjoraw il-​livelli taʼ tjieba t’Alla la jsibu l-​ferħ u lanqas il-​ħelsien li qed ifittxu. Illum jew għada se jindunaw li Alla ma jidħaq bih ħadd, għax il-​bniedem se jaħsad dak li jiżraʼ. (Galatin 6:7) Il-​miljuni taʼ nies li qed jinjoraw il-​prinċipji Bibliċi qed jaħsdu konsegwenzi traġiċi, bħalma huma tqala mhux mixtieqa, mard li jqażżek, jew vizzji qattiela. Sakemm ma jindmux u jbiddlu l-​mod taʼ ħajja tagħhom, fl-​aħħar mill-​aħħar dan se jwassalhom għall-​mewt u forsi anki qerda minn Alla.—Mattew 7:​13, 14.

8. Dawk li jħobbu l-​Kelma t’Alla għala huma ferħanin?

8 Madankollu, dawk li jħobbu l-​Kelma t’Alla u japplikawha se jilħquhom barkiet għonja kemm issa kif ukoll fil-​futur. Bir-​raġun, huma jħossu li l-​liġi t’Alla għamlithom ħielsa, verament ferħanin, u qegħdin jistennew bil-​ħerqa ż-​żmien meta se jinħelsu mid-​dnub u l-​effetti fatali tiegħu. (Rumani 8:​20, 21, Saydon; Ġakbu 1:​25) Din it-​tama hija żgura għaliex hija bbażata fuq l-​aqwa rigal taʼ mħabba li Alla ta lill-​bnedmin—is-​sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ l-​Iben uniġenitu tiegħu, Ġesù Kristu. (Mattew 20:28; Ġwann 3:​16; Rumani 6:​23) Rigal mill-​aqwa bħal dan jikkonferma l-​imħabba profonda li Alla għandu għall-​bnedmin u jiggarantixxi barkiet bla għadd għal dawk kollha li jibqgħu jisimgħu minn Jehovah.—Rumani 8:32.

Grati għar-​Rigal taʼ l-​Ispirtu Qaddis

9, 10. Kif nibbenefikaw mir-​rigal taʼ Jehovah taʼ l-​ispirtu qaddis? Agħti eżempju.

9 Rigal ieħor taʼ mħabba mingħand Alla li għandna nkunu grati għalih huwa l-​ispirtu qaddis tiegħu. F’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., l-​appostlu Pietru ħeġġeġ lill-​ġemgħa li kien hemm preżenti f’Ġerusalemm: “Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-​isem taʼ Ġesù Kristu għall-​maħfra taʼ dnubietkom; u intom tirċievu d-​don taʼ l-​Ispirtu s-​Santu.” (Atti 2:38) Illum, Jehovah jagħti l-​ispirtu qaddis lill-​qaddejja dedikati tiegħu li jitolbuhulu u li jridu jagħmlu r-​rieda tiegħu. (Luqa 11:​9-​13) Fl-​imgħoddi, din il-​forza l-​iktar qawwija fl-​univers—l-​ispirtu qaddis jew il-​forza attiva t’Alla—tat is-​saħħa lil irġiel u nisa taʼ fidi, inkluż il-​Kristjani tal-​bidu. (Żakkarija 4:6; Atti 4:31) L-​istess tistaʼ tagħmel magħna, anki jekk bħala l-​poplu taʼ Jehovah jkollna nħabbtu wiċċna m’ostakli jew sfidi verament kbar.—Ġoel 3:​1, 2 [2:​28, 29, NW].

10 Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Laurel, li mardet bil-​poljo u għexet għal 37 sena bl-​għajnuna taʼ magna li tħaddem il-​pulmun.a Minkejja ċ-​ċirkustanzi estremi tagħha, hi qdiet lil Alla b’żelu sakemm mietet. Matul is-​snin, Jehovah bierek lil Laurel b’mod għani. Per eżempju, hi rnexxielha tgħin lil xi 17-il individwu jieħdu għarfien eżatt tal-​verità tal-​Bibbja, avolja kienet tiddependi mill-​magna 24 siegħa kuljum! Is-​sitwazzjoni tagħha tfakkarna fil-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu: “Meta nkun dgħajjef, nkun qawwi.” (2 Korintin 12:10) Iva, kwalunkwe suċċess li jistaʼ jkollna meta nippridkaw l-​aħbar tajba ma jiġix mill-​abbiltà jew mill-​qawwa tagħna, imma bl-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla, li hu jagħti lil dawk li jibqgħu jisimgħu leħnu.—Isaija 40:​29-​31.

11. Liema kwalitajiet jipproduċi l-​ispirtu t’Alla f’dawk li jilbsu l-​personalità l-​ġdida?

11 Jekk nisimgħu minn Alla u nobduh, l-​ispirtu tiegħu jipproduċi fina l-​kwalitajiet taʼ l-​imħabba, l-​hena, is-​sliem, is-​sabar, il-​ħniena, it-​tjieba, il-​fidi, il-​ħlewwa, u r-​rażan. (Galatin 5:​22, 23) Il-​“frott taʼ l-​Ispirtu” huwa parti mill-​personalità l-​ġdida li l-​Kristjani jilbsu minflok kwalunkwe tendenza rgħiba u salvaġġa li kienu juru qabel. (Efesin 4:​20-​24; Isaija 11:​6-9) L-​iktar frotta importanti minnhom kollha hi l-​imħabba, li hi rabta perfetta li tgħaqqad.—Kolossin 3:​14.

L-​Imħabba Kristjana —Rigal li Ngħożżu

12. Tabita u Kristjani oħrajn taʼ l-​ewwel seklu kif urew l-​imħabba?

12 L-​imħabba Kristjana hi rigal ieħor imbierek minn Jehovah—rigal li għandna raġun ngħożżuh. Din l-​imħabba hija kontrollata minn prinċipju, imma tant għandha affezzjoni li jirnexxilha tqarreb individwi taʼ l-​istess twemmin lejn xulxin iktar milli kieku kienu jiġu minn xulxin. (Ġwann 15:​12, 13; 1 Pietru 1:​22) Per eżempju, ikkunsidra lil Tabita, mara Kristjana mill-​aħjar li kienet tgħix fl-​ewwel seklu. “Kienet mara [li] tagħmel ħafna opri taʼ karità u għemejjel tajba,” speċjalment mar-​romol fil-​kongregazzjoni. (Atti 9:36) Dawn in-​nisa romol setaʼ kellhom xi qraba, imma Tabita riedet tagħmel dak kollu li setgħet biex tgħinhom u tinkuraġġihom. (1 Ġwann 3:​18) X’eżempju mill-​aqwa tat Tabita! L-​imħabba taʼ l-​aħwa qanqlet lil Priska u lil Akwila biex ‘jissograw ħajjithom’ għal Pawlu. L-​imħabba qanqlet ukoll lil Epafra, Luqa, Onesiforu, u oħrajn biex jgħinu lill-​appostlu meta dan kien il-​ħabs f’Ruma. (Rumani 16:​3, 4; 2 Timotju 1:​16; 4:​11; Filemon 23, 24) Iva, il-​Kristjani taʼ dan it-​tip fi żmienna ‘għandhom imħabba bejniethom,’ rigal imbierek mingħand Alla li jimmarkahom bħala dixxipli veri taʼ Ġesù.​—Ġwann 13:​34, 35.

13. Kif nistgħu nuru li aħna napprezzaw profondament il-​fratellanza Kristjana tagħna?

13 Ma tgħożżhiex int l-​imħabba li tintwera fil-​kongregazzjoni Kristjana? Grat int għall-​fratellanza spiritwali tagħna mifruxa mad-​dinja kollha? Dawn ukoll huma rigali mingħand Jehovah li jagħmluna għonja u jġibulna ħafna ferħ. Kif nistgħu nuru li napprezzawhom? Billi nagħtu servizz sagru lil Alla, nieħdu sehem fil-​laqgħat Kristjani, u nuru l-​imħabba u l-​frott l-​ieħor taʼ l-​ispirtu t’Alla.—Filippin 1:9; Lhud 10:​24, 25.

“Għotjiet fi Rġiel”

14. X’inhu meħtieġ minn Kristjan biex jaqdi bħala anzjan jew qaddej ministerjali?

14 L-​irġiel Kristjani li jixtiequ jaqdu lill-​adoraturi sħabhom bħala anzjani jew qaddejja ministerjali għandhom mira mill-​aqwa. (1 Timotju 3:​1, 8) Sabiex jikkwalifika għal dawn il-​privileġġi, il-​ħu jrid ikun raġel spiritwali, ikun midħla sew taʼ l-​Iskrittura, u jkun żeluż fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. (Atti 18:24; 1 Timotju 4:​15; 2 Timotju 4:5) Hu għandu jkun umli, modest, u paċenzjuż għax il-​barkiet divini m’humiex se jilħqu lil min hu prużuntuż, kburi, u ambizzjuż. (Proverbji 11:2; Lhud 6:​15; 3 Ġwann 9, 10) Jekk miżżewweġ, hu għandu jkun kap tal-​familja li jaf iħobb u kapaċi jmexxi ’l-familja tiegħu tajjeb. (1 Timotju 3:​4, 5, 12) Minħabba li japprezza l-​għana spiritwali, raġel bħal dan se jirċievi l-​barka taʼ Jehovah.​—Mattew 6:​19-​21.

15, 16. Min huma dawk li juru biċ-​ċar li huma “għotjiet fi rġiel”? Agħti xi eżempji.

15 Meta dawk li jaqdu bħala anzjani fil-​kongregazzjoni jaħdmu iebes bħala evanġelizzaturi, rgħajja, u għalliema, huma jagħtuna raġunijiet sodi biex napprezzaw dawn l-​“għotjiet fi rġiel.” (Efesin 4:​8, 11, NW) Dawk li jibbenefikaw mis-​servizz tagħhom imqanqal mill-​imħabba forsi mhux dejjem jesprimu l-​apprezzament tagħhom, imma Jehovah jara dak kollu li jagħmlu l-​anzjani leali. Hu mhux se jinsa l-​imħabba li juru għal ismu billi jaqdu ’l-poplu tiegħu.—1 Timotju 5:​17; Lhud 6:​10.

16 Ikkunsidra l-​każ taʼ ċertu anzjan ħabrieki li mar iżur tifla Kristjana li kienet se ssirilha operazzjoni f’rasha. “Hu tant kellu qalbu tajba, tant tana appoġġ, u tant wera interess,” kitbet ħabiba tal-​familja. “Hu staqsiena jekk setax jitlob lil Jehovah magħna. Hekk kif kien qed jitlob, il-​missier [li m’huwiex Xhud taʼ Jehovah] beda jibki, u kulmin kien fil-​kamra taʼ l-​isptar qabiżlu d-​dmugħ minn għajnejh. Kemm għamel talba li tmisslek qalbek dak l-​anzjan, u x’imħabba wriena Jehovah li bagħtu eżatt f’dak il-​ħin!” Xhud oħra li kienet l-​isptar qalet hekk dwar l-​anzjani li marru jarawha: “Meta resqu lejn soddti fit-​taqsima tal-​kura intensiva, ħassejt li minn dak il-​ħin ’il quddiem stajt nissaporti kollox, jiġri x’jiġri. Ħassejtni mimlija qawwa u fil-​paċi.” Jistaʼ tħassib b’imħabba bħal dan jinxtara bil-​flus? Lanqas qatt! Dan hu rigal mingħand Alla, disponibbli biss permezz tal-​kongregazzjoni Kristjana.—Isaija 32:​1, 2.

Ir-​Rigal tal-​Ministeru taʼ l-​Għalqa

17, 18. (a) Liema rigal taʼ servizz għamel disponibbli Jehovah għall-​qaddejja kollha tiegħu? (b) Liema għajnuna pprovdielna Alla sabiex inkunu nistgħu nwettqu l-​ministeru tagħna?

17 Il-​bnedmin ma jistaʼ jkollhom l-​ebda unur akbar minn dak li jaqdu lil Jehovah, l-​Iktar Għoli. (Isaija 43:10; 2 Korintin 4:7; 1 Pietru 2:9) Minkejja dan, il-​privileġġ li nieħdu sehem fil-​ministeru pubbliku hu miftuħ għal dawk kollha li jixtiequ ġenwinament jaqdu lil Alla, sew żgħar u sew kbar, kemm irġiel kif ukoll nisa. Tużah int dan ir-​rigal prezzjuż? Xi wħud minna nistgħu nżommu lura għaliex inħossuna li m’aħniex kapaċi, imma ftakar li Jehovah jagħti l-​ispirtu qaddis lil dawk li jaqduh, u dan jagħmel tajjeb għal kwalunkwe nuqqas t’abbiltà li jistaʼ jkollna.—Ġeremija 1:​6-8; 20:11.

18 Jehovah fada x-​xogħol taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna f’idejn il-​qaddejja umlin tiegħu, mhux f’idejn individwi li għandhom it-​tendenza li jkunu kburin u jistrieħu fuq l-​abbiltajiet tagħhom. (1 Korintin 1:​20, 26-​29) Nies umlin u modesti jagħrfu l-​limitazzjonijiet tagħhom u jiddependu fuq l-​għajnuna t’Alla hekk kif jieħdu sehem fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Huma japprezzaw ukoll l-​għajnuna spiritwali li jipprovdi permezz tal-​qaddej leali.​—Luqa 12:​42-​44; Proverbji 22:4.

Ħajja tal-​Familja Ferħana —Rigal mill-​Isbaħ

19. Liema fatturi se jgħinu biex it-​trobbija tat-​tfal tkun taʼ suċċess?

19 Iż-​żwieġ u l-​ħajja tal-​familja ferħana huma rigali mingħand Alla. (Rut 1:9; Efesin 3:​14, 15) It-​tfal ukoll huma “wirt” prezzjuż mingħand Jehovah, u jġibu ferħ lill-​ġenituri meta dawn jirnexxilhom inisslu fihom kwalitajiet li jogħġbu lil Alla. (Salm 127:3) Jekk int ġenitur, ibqaʼ ismaʼ leħen Jehovah billi tħarreġ liż-​żgħar tiegħek skond il-​Kelma tiegħu. Mingħajr ebda dubju, dawk li jagħmlu dan se jesperjenzaw l-​appoġġ taʼ Jehovah u barkiet għonja.—Proverbji 3:​5, 6; 22:6; Efesin 6:​1-4.

20. X’jistaʼ jkun t’għajnuna għall-​ġenituri li t-​tfal tagħhom iwarrbu l-​qima vera?

20 Minkejja l-​isforzi kuxjenzjużi li jagħmlu l-​ġenituri li għandhom il-​biżaʼ t’Alla, xi wħud mit-​tfal tagħhom għandhom mnejn jagħżlu li jwarrbu l-​qima vera meta jikbru. (Ġenesi 26:​34, 35) Dan jistaʼ jkun xokk emozzjonali kbir għall-​ġenituri. (Proverbji 17:​21, 25) Madankollu, minflok ma jitilfu kull tama, jistgħu jsibuha t’għajnuna li jiftakru fit-​tixbiha taʼ Ġesù dwar l-​iben il-​ħali. Għalkemm dan l-​iben telaq mid-​dar u qabad triq ħażina, iktar tard hu reġaʼ lura lejn dar missieru, li laqgħu b’idejh miftuħa. (Luqa 15:​11-​32) Jiġri x’jiġri, ġenituri Kristjani leali jistgħu jibqgħu ċerti li Jehovah jifhimhom, jaħseb fihom b’imħabba, u ma jonqosx milli jagħtihom l-​appoġġ tiegħu.—Salm 145:14.

21. Minn min għandna nisimgħu, u għala?

21 Mela, ilkoll kemm aħna ejja naraw x’inhu verament importanti f’ħajjitna. Qegħdin aħna nistinkaw biex ikollna ħafna affarijiet materjali, li jistgħu jġibu tant niket u wġigħ kemm lilna u kemm lill-​familji tagħna? Jew qed infittxu li niksbu ‘l-​affarijiet tajbin u d-​doni perfetti’ li jiġu mingħand “il-​Missier, l-​għajn tad-​dawl”? (Ġakbu 1:17) Satana, “missier il-​gideb,” iridna nitjassru għall-​għana materjali u nitilfu kemm il-​ferħ kif ukoll il-​ħajja. (Ġwann 8:44; Luqa 12:15) Min-​naħa l-​oħra, Jehovah hu interessat ġenwinament fina u jrid dak li hu l-​aħjar għalina. (Isaija 48:​17, 18) Għalhekk, mela, ejja nkomplu nisimgħu minn Missierna tas-​sema kollu mħabba u ‘nsibu l-​għaxqa tagħna fih.’ (Salm 37:4) Jekk nagħmlu dan, ir-​rigali imprezzabbli taʼ Jehovah kif ukoll il-​barkiet abbundanti tiegħu se jagħmluna għonja—u dan mingħajr nitfa niket jew uġigħ.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​Awake! tat-​22 taʼ Jannar, 1993, paġni 18-​21.

Tiftakar Int?

• Fejn jistaʼ jinstab l-​akbar ferħ?

• X’inhuma xi wħud mir-​rigali li Jehovah jagħti lill-​poplu tiegħu?

• Il-ministeru taʼ l-​għalqa għala huwa rigal?

• Il-ġenituri x’jistgħu jagħmlu biex jiksbu l-​barka t’Alla fit-​trobbija tat-​ tfal tagħhom?

[Stampa f’paġna 16]

Turi int apprezzament lejn ir-​rigal t’Alla tal-​Kelma miktuba tiegħu?

[Stampa f’paġna 17]

Minkejja ċirkustanzi diffiċli ferm, Laurel Nisbet qdiet lil Alla biż-​żelu

[Stampi f’paġna 18]

Bħal Tabita, il-​Kristjani llum huma magħrufin sew għall-​għemejjel taʼ mħabba tagħhom

[Stampa f’paġna 19]

L-​anzjani Kristjani juru tħassib b’imħabba lejn sħabhom fit-​twemmin

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja