LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 6/1 pp. 12-15
  • Sib il-Kuntentizza Billi Tapplika l-Prinċipji tal-Bibbja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sib il-Kuntentizza Billi Tapplika l-Prinċipji tal-Bibbja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Żomm Ħarsa Realistika
  • Irrikonoxxi li Kollox Jieħu l-​Ħin
  • Tagħmilx Paraguni —Agħmel Miri Raġunevoli
  • Se Tirċievi l-​Barkiet
  • Huwa Possibbli li Tkun Kuntent?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • “Tgħallimt is-Sigriet” taʼ Kif Tkun Kuntent?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Kif Tistaʼ Żżomm Ħarsa Bilanċjata Lejn il-Flus?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • It-tixbiha tal-ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 6/1 pp. 12-15

Sib il-​Kuntentizza Billi Tapplika l-​Prinċipji tal-​Bibbja

BLA dubju ġieli rajt qattus imgezzez u paxxut​—stampa ċara taʼ kuntentizza. Kemm tkun ħaġa sabiħa kieku nistgħu nagħmlu bħalu u ngawdu l-​istess kuntentizza! Madankollu, għal ħafna wħud, il-​kuntentizza diffiċli biex tinstab, u hija biss temporanja. Dan għala hu minnu?

Għaliex aħna spiss nidinbu minħabba l-​imperfezzjonijiet tagħna u rridu wkoll nistabru bin-​nuqqasijiet t’oħrajn. Iżjed minn hekk, aħna qed ngħixu fiż-​żmien li l-​Bibbja ssejjaħlu “l-​aħħar jiem,” karatterizzat minn “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:​1-5) Anki jekk ngħożżu xi memorji sbieħ taʼ kuntentizza fit-​tfulija, il-​maġġuranza minna issa nħossu pressjoni kbira minħabba dawn iż-​“żminijiet kritiċi.” Huwa possibbli li nsibu l-​kuntentizza llum il-​ġurnata?

Innota li l-​Iskrittura tgħid li dawn iż-​żminijiet kritiċi ma kinux se jkunu impossibbli, imma diffiċli biex insibu tarfhom. Nistgħu niffaċċjawhom billi napplikaw prinċipji Bibliċi. Forsi mhux dejjem se nsibu soluzzjoni għall-​problemi tagħna, imma se nsibu ċertu ammont taʼ kuntentizza. Ejja neżaminaw tliet prinċipji minn dawn.

Żomm Ħarsa Realistika

Sabiex insibu l-​kuntentizza, għandna nżommu ħarsa realistika lejn il-​limitazzjonijiet tagħna u lejn dawk t’oħrajn. Fl-​ittra tiegħu lir-​Rumani, l-​appostlu Pawlu enfasizza dan: “Kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-​glorja t’Alla.” (Rumani 3:​23) Ħafna mill-​aspetti tal-​glorja taʼ Ġeħova huma kbar wisq biex inkunu nistgħu nifhmuhom. Eżempju wieħed hu l-​verità sempliċi li hemm f’Ġenesi 1:31: “Ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna.” Kulmeta Ġeħova jagħżel li jħares lura lejn dak li wettaq, dejjem jistaʼ jgħid li kien “tajjeb ħafna.” Ebda bniedem ma jistaʼ dejjem jgħid hekk. Il-​fatt li nagħrfu l-​limitazzjonijiet tagħna huwa l-​ewwel pass biex niksbu l-​kuntentizza. Madankollu, hemm iktar involut. Għandna bżonn nifhmu u naċċettaw il-​ħarsa taʼ Ġeħova dwar il-​kwistjoni.

Il-kelma Griega tradotta “dnub” tiġi minn għerq li jfisser “li ma tolqotx il-​mira.” Biex nagħtu eżempju: Immaġina lil xi ħadd li qed jittama li se jirbaħ premju billi jolqot mira bi vleġġa. Għandu tliet vleġeġ disponibbli. Hu jitfaʼ waħda u ma jolqotx il-​mira b’metru. Jimmira aħjar bit-​tieni vleġġa imma xorta ma jolqothiex b’pied. B’konċentrazzjoni sħiħa jitfaʼ l-​aħħar vleġġa u ma jolqothiex b’pulzier. Kien viċin ħafna, imma xorta jekk ma laqatx il-​mira, ma laqathiex.

Aħna bħal dak l-​arċier diżappuntat. Kultant inkunu ’l bogħod ħafna mill-​mira tagħna. Drabi oħra nkunu viċin imma xorta ma nolqtuhiex. Inħossuna frustrati għax inkunu għamilna l-​almu tagħna, imma xorta ma kienx tajjeb biżżejjed. Issa, ejja nerġgħu nikkunsidraw lill-​arċier.

Hu bil-​mod idur biex jitlaq, imdejjaq għax verament ried jirbaħ il-​premju. Bla mistenni, ir-​raġel li qed jieħu ħsieb il-​kompetizzjoni jsejjaħlu lura, jagħtih premju, u jgħidlu: “Nixtieq nagħtik dan il-​premju għax għoġobtni, u rajt kemm għamilt l-​almu tiegħek.” L-​arċier iħossu ferħan se jtir!

Ferħan se jtir! Kulmin jirċievi mingħand Alla “l-​għotja” taʼ ħajja taʼ dejjem fil-​perfezzjoni se jħossu hekk. (Rumani 6:​23) Imbagħad, dak kollu li jagħmel se jkun tajjeb​—dejjem se jolqot il-​mira. Se jkun kuntent b’mod assolut. Sadanittant, jekk inżommu din il-​ħarsa f’moħħna, se nħossuna aħjar dwarna nfusna u dwar dawk taʼ madwarna.

Irrikonoxxi li Kollox Jieħu l-​Ħin

Huwa fatt li kollox jieħu l-​ħin. Però, qatt innotajt kemm hu diffiċli biex tibqaʼ kuntent meta xi ħaġa li tkun qed tistenna donnha tieħu iktar ħin milli tkun ħsibt jew meta sitwazzjoni xejn pjaċevoli donnha tibqaʼ għaddejja iktar milli tkun antiċipajt? Minkejja dan, xi wħud irnexxielhom jibqgħu kuntenti f’dawn is-​sitwazzjonijiet. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Ġesù.

Qabel ma ġie fuq l-​art, Ġesù kien xempju taʼ l-​ubbidjenza fis-​sema. Madankollu, kien hawn fuq l-​art li “tgħallem l-​ubbidjenza.” Kif? “Minn dak li sofra.” Qabel, hu kien ra s-​sofferenza imma qatt ma kien esperjenzaha personalment. Meta kien fuq l-​art, speċjalment mill-​magħmudija tiegħu fil-​Ġordan sa mewtu f’Golgota, hu għadda minn diversi sitwazzjonijiet diffiċli. Aħna ma nafux id-​dettalji kollha taʼ kif Ġesù ‘ntgħamel perfett’ f’dan ir-​rigward, imma nafu li l-​proċess ħa ż-​żmien.​—Ebrej 5:​8, 9.

Ġesù rnexxa għax immedita fuq il-​“ferħ li tqiegħed quddiemu,” il-​premju għall-​fedeltà tiegħu. (Ebrej 12:2) Minkejja dan, xi drabi hu “talab bil-​ħerqa u wkoll offra petizzjonijiet . . . b’għajat qawwi u dmugħ.” (Ebrej 5:​7) Kultant forsi aħna nitolbu bl-​istess mod. Ġeħova kif iqisu dan? L-​istess vers juri li Ġeħova ‘laqaʼ’ t-​talb taʼ Ġesù. Alla se jagħmel l-​istess magħna. Għala?

Għaliex Ġeħova jaf il-​limitazzjonijiet tagħna u jagħtina l-​għajnuna. Kulħadd għandu l-​limiti għal dak li jiflaħ jissaporti. In-​nies f’Benin, l-​Afrika, għandhom il-​proverbju: “Ħafna ilma maż-​żmien se jgħarraq anki liż-​żrinġijiet.” Ġeħova jaf aħjar minna meta nkunu kważi lħaqna l-​limitu tagħna. Hu bl-​imħabba jipprovdi “ħniena u qalb tajba mhix mistħoqqa għall-​għajnuna f’waqtha.” (Ebrej 4:​16) Hu għamel dan maʼ Ġesù, u hu għamel l-​istess maʼ numru bla għadd taʼ wħud oħra. Ikkunsidra kif Monika esperjenzat dan.

Monika trabbiet bħala persuna bi ftit li xejn problemi, kienet mimlija enerġija, u kellha karattru ferrieħi. Fl-​1968, meta kellha biss ftit iktar minn 20 sena, hi baqgħet ixxokkjata hekk kif saret taf li kellha l-​isklerożi multipla (multiple sclerosis), marda li ġeneralment tikkaġuna paralisi f’parti mill-​ġisem. Din il-​marda biddlitilha ħajjitha kompletament u kellha tagħmel aġġustamenti kbar fil-​ministeru full-time tagħha. Monika rrealizzat li l-​marda kienet se tiżviluppa bil-​mod tul perijodu twil. Sittax-il sena wara, qalet: “Għad m’hemmx fejqan għall-​marda tiegħi u għandu mnejn ma jinstabx sakemm is-​sistema l-​ġdida t’Alla tagħmel l-​affarijiet kollha ġodda.” Hi ammettiet li mhux dejjem kien faċli: “Għalkemm il-​ħbieb tiegħi jgħidu li bqajt persuna ferriħija u li għadni ottimista, . . . il-​ħbieb tal-​qalb tiegħi jafu li xi drabi d-​dmugħ idum iċarċar.”

Madankollu, hi osservat: “Tgħallimt inkun paċenzjuża u nifraħ anki bl-​iċken progress. Ir-​relazzjoni persunali tiegħi maʼ Ġeħova ssaħħet hekk kif rajt kemm il-​bniedem m’għandux tama fil-​ġlieda tiegħu kontra l-​mard. Ġeħova biss jistaʼ jġib fejqan komplet.” Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, Monika baqgħet kuntenta u issa tistaʼ tħares lura lejn iktar minn 40 sena fis-​servizz full-time.

M’għandniex xi ngħidu, sitwazzjonijiet bħal taʼ Monika m’humiex faċli. Imma żgur li se tħossok iktar kuntent jekk tagħraf li xi affarijiet jistgħu jieħdu iktar ħin milli taħseb. Bħal Monika, int ukoll tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jagħtik l-​“għajnuna f’waqtha.”

Tagħmilx Paraguni —Agħmel Miri Raġunevoli

Int individwu uniku. M’hemm ħadd eżatt bħalek. Hemm proverbju bil-​lingwa Afrikana tal-​Gun li jesprimi dan il-​fatt b’mod sempliċi: “Is-​swabaʼ m’humiex kollha taʼ l-​istess tul.” Tkun bluha li nqabblu sabaʼ maʼ ieħor. Żgur li ma tridx li Ġeħova jqabblek maʼ persuna oħra, u hu qatt m’hu se jagħmel dan. Madankollu, fost il-​bnedmin hemm tendenza kbira li jqabblu lilhom infushom maʼ xulxin u dan jistaʼ jisirqilhom il-​kuntentizza. Innota kif Ġesù enfasizza dan tajjeb ħafna fit-​tixbiha tiegħu, bħalma nsibu f’Mattew 20:​1-​16.

Ġesù tkellem dwar “sid” li kellu bżonn ħaddiema għall-​għalqa tad-​dwieli tiegħu. Hu sab xi rġiel li ma kellhomx impjieg u qabbadhom jaħdmu “kmieni fil-​għodu,” probabbilment madwar is-​sitta taʼ fil-​għodu. Huma qablu dwar il-​paga komuni taʼ dak iż-​żmien, dinar għal ġurnata xogħol taʼ 12-il siegħa. L-​irġiel mingħajr dubju kienu ferħanin li sabu impjieg u li kien taʼ paga normali. Iktar tard, is-​sid sab gruppi taʼ rġiel bla xogħol u ħaddimhom​—fid-​disgħa taʼ fil-​għodu, f’nofsinhar, fit-​tlieta taʼ wara nofsinhar, u anki fil-​ħamsa taʼ wara nofsinhar. Ħadd minn dawn l-​uħud ma kien se jaħdem ġurnata sħiħa. Bħala paga, is-​sid wegħedhom li jagħtihom “dak li hu ġust,” u l-​ħaddiema aċċettaw.

Fi tmiem il-​ġurnata, is-​sid ordna lir-​raġel inkarigat biex iqassam il-​pagi. Hu qallu biex isejjaħ lill-​ħaddiema u jħallas l-​ewwel lil dawk li ħaddem l-​aħħar. Dawn kienu ħadmu siegħa biss, imma b’sorpriża ħadu paga taʼ ġurnata sħiħa. Nistgħu nimmaġinaw id-​diskussjoni taħraq li kien hemm wara. Dawk li kienu ħadmu 12-il siegħa rraġunaw li kienu se jaqilgħu iktar. Però, huma wkoll ħadu l-​istess ammont.

X’kienet ir-​reazzjoni tagħhom? “Malli ħaduh bdew igergru kontra s-​sid u qalulu, ‘Dawn taʼ l-​aħħar taw siegħa xogħol u int xorta stmajthom daqsna li ssaportejna t-​toqol tal-​jum u s-​sħana tikwi!’”

Però, is-​sid ra s-​sitwazzjoni b’mod differenti. Hu enfasizza li kienu ħadu dak li ftehmu, xejn inqas. Fil-​każ taʼ l-​oħrajn, hu kien iddeċieda li jagħtihom paga taʼ ġurnata sħiħa, bla dubju iktar milli kienu stennew. Fir-​realtà ħadd ma kien irċieva inqas milli kien miftiehem; fil-​fatt, ħafna rċivew iktar milli kienu stennew. Fl-​aħħar, is-​sid staqsa: “Ma nistax skond il-​liġi nagħmel li rrid bi ħwejġi?”

Issa immaġina kieku r-​raġel inkarigat l-​ewwel kien ħallas lill-​grupp oriġinali u dawn kienu telqu fil-​pront. Huma kienu se jkunu kuntenti. Tilfu l-​kuntentizza biss meta raw li l-​oħrajn kienu rċivew l-​istess paga għal inqas xogħol. Dan irrabjahom, saħansitra sal-​punt li gergru kontra s-​sid, dak li oriġinalment kienu se jirringrazzjawh minħabba li kien ħaddimhom.

Dan juri biċ-​ċar x’jiġri meta nibdew inqabblu lilna nfusna m’oħrajn. Jekk timmedita fuq ir-​relazzjoni persunali tiegħek maʼ Ġeħova u tapprezza kif ibierkek, se tkun kuntent. Tqabbilx is-​sitwazzjoni tiegħek maʼ dik t’oħrajn. Jekk jidher li Ġeħova ddeċieda li jagħmel xi ħaġa iktar għal oħrajn, kun ferħan għalihom u magħhom.

Madankollu, Ġeħova jistenna xi ħaġa mingħandek. Din x’inhi? Galatin 6:​4 jgħid: “Kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu, u mbagħad ikollu għalxiex jifraħ b’dak li jagħmel hu stess.” Fi kliem ieħor, agħmel miri raġunevoli għalik innifsek. Ippjana dak li tistaʼ tagħmel b’mod realistiku, u mbagħad aħdem għalih. Jekk il-​mira tkun raġunevoli u tilħaqha, ikollok għalfejn ‘tifraħ.’ Se tesperjenza l-​kuntentizza.

Se Tirċievi l-​Barkiet

It-​tliet prinċipji li kkunsidrajna juru li jekk napplikaw il-​prinċipji Bibliċi, dawn jistgħu tabilħaqq jgħinuna nsibu l-​kuntentizza anki f’dawn l-​aħħar jiem u minkejja l-​imperfezzjoni. Matul il-​qari tal-​Bibbja tiegħek taʼ kuljum, għala ma tfittixx prinċipji bħal dawn, kemm jekk huma stqarrijiet ċari u kemm jekk trid tfittixhom f’rakkonti u tixbihat?

Jekk tħoss li l-​kuntentizza tiegħek qed tonqos, stinka biex tidentifika x’inhu verament il-​kaġun. Imbagħad fittex prinċipji li tistaʼ tapplika biex tirranġa s-​sitwazzjoni. Per eżempju, forsi tistaʼ tiċċekkja l-​paġni 110-11 tal-​ktieb “All Scripture Is Inspired of God and Beneficial.”a F’dawn il-​paġni, jiġi diskuss il-​ktieb tal-​Proverbji u se ssib selezzjoni kbira taʼ prinċipji u pariri taħt 12-il sottitlu differenti. The Watch Tower Publications Index* u l-​Watchtower Library fuq CD-ROM* huma sorsi eċċellenti taʼ informazzjoni. Billi tużahom spiss, se tkun kapaċi ssib prinċipji li japplikaw għalik.

Iż-żmien riesaq meta Ġeħova se jagħti lil dawk li jistħoqqilhom ħajja taʼ dejjem fil-​perfezzjoni f’art magħmula ġenna. Ħajjithom se tkun mimlija kuntentizza.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikati mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Kumment f’paġna 12]

“Kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-​glorja t’Alla.” ​—Rumani 3:​23

[Kumment f’paġna 13]

Ġesù “tgħallem l-​ubbidjenza minn dak li sofra.” ​—Ebrej 5:​8, 9

[Kumment f’paġna 15]

“Ikollu għalxiex jifraħ b’dak li jagħmel hu stess, u ma jqabbilx ruħu maʼ ħaddieħor.” ​—Galatin 6:4

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja