LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 6/15 pp. 16-19
  • “Ħu Ħsieb Din id-Dielja”!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Ħu Ħsieb Din id-Dielja”!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Art tad-​Dwieli’
  • Id-​Dielja taʼ Iżrael
  • “Id-​Dielja Vera”
  • ‘Ibqgħu Agħtu Ħafna Frott’
  • Jagħtu l-frott bħala friegħi u jkunu ħbieb taʼ Ġesù
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Komplu ‘Agħtu Ħafna Frott’
    Il-Ministeru tas-Saltna—2007
  • Gwaj għall-​Għalqa tad-​Dwieli Infidila!
    Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha I
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 6/15 pp. 16-19

“Ħu Ħsieb Din id-​Dielja”!

IT-​TNAX-il spija eżaminaw l-​Art Imwiegħda kollha. Mosè kien qalilhom biex josservaw l-​abitanti u biex jieħdu lura ftit mill-​prodotti taʼ l-​art. Liema prodott ġibdilhom l-​attenzjoni l-​iktar? Mhux ’il bogħod minn Ħebron, sabu għalqa tad-​dwieli fejn l-​għeneb tant kien kbir li kien hemm bżonn taʼ tnejn mill-​ispiji sabiex iġorru għanqud wieħed. Tant kien impressjonanti dak l-​għeneb li l-​ispiji semmew dak il-​post fertili “Naħal-eskol,” jew “Wied l-​Għanqud.”​—Numri 13:​21-​24; nota taʼ taħt.

Matul is-​seklu 19, wieħed li kien qed iżur il-​Palestina qal: “Eskol, jew Wied l-​Għeneb, . . . għadu miksi bid-​dwieli, u l-​għeneb huwa l-​itjeb u l-​akbar fil-​Palestina.” Għalkemm id-​dwieli t’Eskol kienu jispikkaw, ħafna postijiet fil-​Palestina pproduċew għeneb mill-​aqwa fiż-​żminijiet Bibliċi. Dokumenti Eġizzjani jindikaw li l-​Fargħunijiet kienu jġibu l-​inbid minn Kangħan.

“L-​għoljiet blatin [tal-Palestina], bil-​ħamrija mrammla tagħhom u x-​xemx li taħkem fuqhom, is-​sħana tas-​sajf, u l-​ilmijiet tax-​xita li joskulaw malajr, flimkien jagħmluha art tad-​dwieli unika,” jispjega l-​ktieb The Natural History of the Bible. Isaija indika li ċerti postijiet kellhom sa elf dielja.​—Isaija 7:​23.

‘Art tad-​Dwieli’

Mosè qal lill-​ġens taʼ Iżrael li huma kienu se jgħixu f’art “tad-​dwieli, tat-​tin, [u] tar-​rummien.” (Dewteronomju 8:8) Skond il-​Baker Encyclopedia of Bible Plants, “id-​dwieli tant kienu abbundanti fil-​Palestina tal-​qedem li ż-​żrieragħ taʼ l-​għeneb instabu fil-​maġġuranza, jekk mhux fil-​postijiet kollha li ħaffru fihom.” Id-​dwieli taʼ l-​Art Imwiegħda tant kienu produttivi li anki matul is-​sena 607 Q.E.K. meta l-​armati taʼ Nabukodonosor għamlu ħerba minn Ġuda, in-​nies li baqgħu fil-​pajjiż “ġabru kotra kbira taʼ nbid u frott.”​—Ġeremija 40:12; 52:16.

Sabiex jipproduċu kwantità kbira taʼ nbid, il-​bdiewa Iżraelin kellhom jieħdu ħsieb sew id-​dwieli tagħhom. Il-​ktieb taʼ Isaija jiddeskrivi kif Iżraeli tipiku li kien jieħu ħsieb id-​dwieli kien jagħżaq biċċa art fuq ġenb taʼ għolja u jneħħi kwalunkwe ġebel kbir li kien isib qabel ma jħawwel id-​“dwieli mill-​aħjar” tiegħu. Imbagħad kellu mnejn jibni ħajt tas-​sejjieħ bil-​ġebel li jkun neħħa mill-​ħamrija. Dan il-​ħajt kien jgħin biex jipproteġi d-​dwieli tiegħu milli jitgħaffġu mill-​imrieħel kif ukoll kien jipproteġihom mill-​volpijiet, ħnieżer salvaġġi, u ħallelin. Kellu mnejn ukoll iħaffer magħsar u jibni torri żgħir bħala post taʼ mistrieħ għall-​frisk matul il-​perijodu tal-​ħsad meta d-​dwieli kien ikollhom bżonn iktar protezzjoni. Wara dan ix-​xogħol kollu minn qabel, hu setaʼ jistenna ħsad tajjeb taʼ għeneb.​—Isaija 5:​1, 2.a

Biex żgur ikollu ħsad tajjeb, il-​bidwi regolarment kien jiżbor id-​dielja biex iżid il-​produttività u kien jagħżaq il-​ħamrija biex ma jkunx hemm ħafna ħurrieq, għollieq, u xewk. Għandu mnejn kien isaqqi d-​dwieli matul ix-​xhur tas-​sajf jekk ix-​xita tar-​rebbiegħa ma tkunx ipprovdiet biżżejjed ilma.​—Isaija 5:6; 18:5; 27:​2-4.

Iż-żmien tal-​ħsad taʼ l-​għeneb lejn tmiem is-​sajf kien żmien taʼ ferħ kbir. (Isaija 16:10) Tlieta mis-​salmi għandhom sopraskrizzjoni li tinkludi l-​frażi “fuq ‘il-​Gittit’.” (Salm 8:1; 81 u 84, NW) Din l-​espressjoni mużikali, li t-​tifsir tagħha m’huwiex ċert, hija tradotta “mgħasar” fil-​verżjonijiet tas-​Settanta u taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija u dan jistaʼ jindika li l-​Iżraelin kantaw dawn is-​salmi fi żmien il-​ħsad taʼ l-​għeneb. Għalkemm l-​għeneb serva prinċipalment biex jagħmlu l-​inbid, l-​Iżraelin kienu wkoll jieklu l-​għeneb frisk jew inixxfuh bħala żbib, li ġieli kienu jifformawh f’pastini.​—2 Samwel 6:19; 1 Kronaki 16:3.

Id-​Dielja taʼ Iżrael

Il-​Bibbja f’diversi okkażjonijiet tiddeskrivi lill-​poplu t’Alla bħala dielja​—metafora xierqa meta tqis l-​importanza tad-​dielja għall-​Iżraelin. F’Salm 80, Asaf qabbel il-​ġens taʼ Iżrael maʼ dielja li Ġeħova ħawwel f’Kangħan. L-​art tnaddfet sabiex id-​dielja taʼ Iżrael tkun tistaʼ tiġi stabbilita u tikber b’saħħitha. Imma hekk kif gerbu s-​snin, il-​ħitan protettivi tagħha waqgħu. Il-​ġens ma baqax jafda f’Ġeħova, u Hu neħħa l-​protezzjoni tiegħu minn fuqu. Bħal ħanżir salvaġġ li jħarbat id-​dielja, ġnus li kienu għedewwa baqgħu jaħtfu l-​ġid taʼ l-​Iżraelin. Asaf talab lil Ġeħova biex jgħin lill-​ġens sabiex il-​glorja li kellu qabel tiġi restawrata. Hu talab: “Ħu ħsieb din id-​dielja” (NW).​—Salm 80:​9-16 (80:​8-15, NW).

Isaija xebbah “id-​dar taʼ Iżrael” maʼ dielja li maż-​żmien ipproduċiet “għeneb qares,” jew għeneb imħassar. (Isaija 5:​2, 7) Għeneb qares huwa ħafna iżgħar minn għeneb ikkultivat u ftit fih x’tiekol, iż-​żrieragħ jimlew kważi l-​għenba kollha. L-​għeneb salvaġġ ma jistax jintuża biex isir inbid u lanqas biex jittiekel​—simbolu adattat ħafna tal-​ġens apostat li l-​frott tiegħu kien il-​ksur tal-​liġi minflok ma jagħmel is-​sewwa. Dan il-​prodott bla siwi ma kienx tort taʼ Dak li kien qed jikkultiva d-​dielja. Ġeħova kien għamel dak kollu li setaʼ biex jagħmel il-​ġens wieħed li jagħmel il-​frott. Hu staqsa: “X’kien fadalli nagħmel għall-​għalqa tiegħi u ma għamiltux?”​—Isaija 5:4.

Ladarba d-​dielja taʼ Iżrael uriet li ma kinitx qed tagħmel il-​frott, Ġeħova wissiehom li kien se jwaqqaʼ l-​ħajt protettiv li kien bena madwar il-​poplu tiegħu. Ma kienx se jibqaʼ jiżbor id-​dielja figurattiva tiegħu jew jagħżaq il-​ħamrija tagħha. Ix-​xita tar-​rebbiegħa li d-​dielja kienet tiddependi minnha ma kinitx se tiġi, u x-​xewk u l-​ħurrieq kienu se jiksu l-​għalqa tad-​dwieli.​—Isaija 5:​5, 6.

Mosè pprofetizza li l-​apostasija taʼ Iżrael kienet se tikkaġuna li saħansitra l-​għelieqi tad-​dwieli letterali tagħhom jinxfu. “Tħawwel id-​dwieli u taħdimhom, imma nbid ma tixrobx, u ma tiġbor xejn għax jikolhom id-​dud.” (Dewteronomju 28:39) Dielja tistaʼ tinxef fi ftit jiem jekk dudu jidħol fiz-​zokk prinċipali u jiekol il-​ġewwieni.​—Isaija 24:7.

“Id-​Dielja Vera”

Sewwasew bħalma Ġeħova qabbel lil Iżrael letterali maʼ dielja, Ġesù uża metafora simili. Matul dik li ħafna jsejħulha l-​Aħħar Ċena, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Jien id-​dielja vera, u Missieri l-​bidwi.” (Ġwanni 15:1) Ġesù qabbel lid-​dixxipli tiegħu mal-​friegħi tad-​dielja. Bħalma l-​friegħi taʼ dielja letterali jiksbu s-​saħħa tagħhom miz-​zokk prinċipali, hekk ukoll id-​dixxipli taʼ Kristu jridu jibqgħu f’unjoni miegħu. Ġesù qal: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.” (Ġwanni 15:5) Il-​bdiewa jikkultivaw dielja għall-​frott tagħha, u Ġeħova jistenna li l-​poplu tiegħu jagħmel frott spiritwali. Dan iġib sodisfazzjon u glorja lil Alla, Dak li jikkultiva d-​dielja.​—Ġwanni 15:8.

Fil-każ taʼ dielja letterali, sabiex din tagħmel il-​frott hemm bżonn li tiġi miżbura u mnaddfa, u Ġesù jirreferi għal dawn iż-​żewġ okkażjonijiet. Wieħed li jieħu ħsieb id-​dwieli għandu mnejn jiżbor id-​dielja darbtejn fis-​sena sabiex jikseb frott kemm jistaʼ. Matul ix-​xhur tax-​xitwa, id-​dielja tistaʼ tiġi miżbura ħafna. Il-​bidwi jneħħi l-​maġġuranza mill-​friegħi tas-​sena taʼ qabel. X’aktarx li jħalli tliet jew erbaʼ fergħat prinċipali fuq iz-​zokk, b’fergħa ġdida jew tnejn fuq kull waħda minn dawn il-​friegħi. Dawn il-​friegħi ġodda, li jkunu simili għall-​friegħi tas-​sena taʼ qabel, isiru l-​friegħi li jagħmlu l-​frott matul is-​sajf taʼ wara. Finalment, x’ħin jispiċċa jiżbor, il-​bidwi jaħraq il-​friegħi li jkun qataʼ.

Ġesù jiddeskrivi dan il-​ħafna żbir b’dan il-​mod: “Jekk xi ħadd ma jibqax f’unjoni miegħi, jintrema bħal fergħa u jinxef; u n-​nies jiġbru dawk il-​friegħi u jitfgħuhom fin-​nar biex jinħarqu.” (Ġwanni 15:6) Għalkemm id-​dielja f’dan l-​istadju tidher li m’għandhiex friegħi, din terġaʼ tiġi miżbura fir-​rebbiegħa.

Ġesù qal: “Kull fergħa fija li ma tagħtix frott ineħħiha.” (Ġwanni 15:2) Dan jistaʼ jkun qed jirreferi għal żbir li jsir iktar tard, wara li d-​dielja tkun ipproduċiet ammont sostanzjali taʼ tkabbir ġdid u l-​għenieqed żgħar taʼ l-​għeneb ikunu jidhru sew. Il-​bidwi jeżamina bir-​reqqa kull fergħa ġdida biex jara liema fiha l-​frott u liema ma fiha xejn. Jekk jitħallew fuq id-​dielja, dawk li m’għandhomx frott xorta jieħdu min-​nutrimenti u mill-​ilma taz-​zokk. Għalhekk, il-​bidwi jiżbor dawn il-​friegħi bla frott sabiex in-​nutrimenti tad-​dielja jmorru biss fil-​friegħi li jkunu fihom il-​frott.

Fl-aħħar, Ġesù jirreferi għall-​proċess taʼ tindif. Hu jispjega: “Kull waħda li tagħti l-​frott inaddafha, biex tagħti iktar frott.” (Ġwanni 15:2) Ladarba l-​friegħi bla frott ikunu tneħħew, il-​bidwi jeżamina bir-​reqqa kull fergħa li jkollha l-​frott. Fil-​fergħa li jkun fiha l-​frott, hu dejjem isib friegħi ġodda żgħar li jkun irid ineħħi wkoll. Jekk iħallihom jikbru, huma se jieħdu l-​ilma mill-​vini tad-​dielja minflok iħalluh imur fl-​għeneb. Xi wħud mill-​weraq il-​kbar jistgħu jitneħħew ukoll biex l-​għeneb iż-​żgħir ikollu aċċess aħjar għad-​dawl tax-​xemx. Dawn huma kollha passi t’għajnuna għall-​friegħi li jagħmlu l-​frott biex jipproduċu b’abbundanza.

‘Ibqgħu Agħtu Ħafna Frott’

Il-​friegħi figurattivi tad-​“dielja vera” jirrappreżentaw lill-​Kristjani midlukin. Però, in-​“nagħaġ oħrajn” ukoll iridu jagħtu prova li huma dixxipli produttivi taʼ Kristu. (Ġwanni 10:16) Huma wkoll jistgħu jagħtu “ħafna frott” u jġibu glorja lil Missierhom tas-​sema. (Ġwanni 15:​5, 8) It-​tixbiha taʼ Ġesù tad-​dielja vera tfakkarna li s-​salvazzjoni tiddependi milli nibqgħu f’unjoni maʼ Kristu u nipproduċu frott spiritwali tajjeb. Ġesù qal: “Jekk tosservaw il-​kmandamenti tiegħi, tibqgħu fi mħabbti, bħalma jien osservajt il-​kmandamenti tal-​Missier u nibqaʼ fi mħabbtu.”​—Ġwanni 15:10.

Fi żmien Żakkarija, Alla wiegħed lil fdal leali taʼ Iżraelin li l-​art kienet se terġaʼ tgawdi ‘ż-​żrieragħ tas-​sliem, id-​dielja tagħti l-​frott tagħha, u l-​art tagħti l-​għelejjel tagħha.’ (Żakkarija 8:12) Id-​dielja hija użata wkoll biex tiddeskrivi s-​sliem li l-​poplu t’Alla se jgawdi matul ir-​Renju Millennjali taʼ Kristu. Mikea pprofetizza: “Kull wieħed jinsab taħt id-​dielja tiegħu, u taħt is-​siġra tat-​tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom, għax fomm il-​Mulej taʼ l-​eżerċti tkellem.”​—Mikea 4:4.

[Nota taʼ taħt]

a Skond l-​Encyclopaedia Judaica, l-​Iżraelin li kienu jikkultivaw l-​għeneb kienu jippreferu dwieli li kienu jipproduċu għeneb vjola magħruf bħala sorek, it-​tip taʼ dielja li milli jidher hu msemmi f’Isaija 5:2. Dan l-​għeneb ipproduċa nbid aħmar b’togħma ħelwa.

[Stampa f’paġna 18]

Dielja li m’ilhiex li nixfet

[Stampa f’paġna 18]

Iż-​żbir li jsir fix-​xitwa

[Stampa f’paġna 18]

Il-​ħruq taʼ friegħi li jinqatgħu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja