LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 7/1 pp. 4-7
  • Insibu Tidwil Veru

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Insibu Tidwil Veru
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Il-​Kotba Mqaddsa li Jistgħu Jwassluk għas-​Salvazzjoni’
  • Veritajiet Fundamentali
  • Eżamina l-​Iskrittura bir-​Reqqa Kuljum
  • “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda”
    “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda”
  • Int Tistaʼ Temmen f’Art Magħmula Ġenna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Jehovah Dak Alla taʼ Skop
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • X’Jiġrilhom il-Maħbubin Mejtin Tagħna?
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 7/1 pp. 4-7

Insibu Tidwil Veru

KIEN it-​18 taʼ Diċembru, 1810. Kien qed jidlam. Fil-​baħar imqalleb xi mkien lejn ix-​xlokk tal-​kosta taʼ l-​Iskozja, il-​bastiment HMS Pallas tal-​Flotta Britannika (il-British Navy) tilef id-​direzzjoni. Minħabba li kien qed jidlam u kienet nieżla ħafna borra kien qed isir iktar diffiċli għall-​membri taʼ l-​ekwipaġġ biex jistabbilixxu fejn kienu d-​dwal tal-​fanal tal-​port li tant kellhom bżonn biex ikunu jistgħu jiggwidaw il-​vapur lejn is-​sigurtà. Immaġina kif ħadu r-​ruħ meta fl-​aħħar raw dawl u dderiġew il-​vapur lejh! Madankollu, b’dispjaċir dan ma kienx id-​dawl li kellhom bżonn għall-​gwida. Fir-​realtà dan kien nar li xi ħaddiema qabbdu viċin il-​kosta. Il-​Pallas inkalja u tfarrak kompletament mal-​blat. Ħdax-il baħri għerqu. Xi traġedja!

Fil-każ tal-​Pallas, żball wassal għal diżastru. Madankollu, drabi oħra l-​baħrin iffaċċjaw periklu saħansitra akbar—dawl li taparsi kien ġej minn fanal tal-​port. Skond il-​ktieb Wrecks, Wreckers and Rescuers kien hemm min kien jixgħel xi dwal sabiex jinġibdu l-​vapuri lejn xtut kollhom blat ħalli b’hekk ikun jistaʼ jisraq dak li kien jifdal mill-​vapuri.

‘Il-​Kotba Mqaddsa li Jistgħu Jwassluk għas-​Salvazzjoni’

Fit-​tfittxija tiegħek għat-​tidwil, int tiffaċċja perikli li huma simili għal dawk li ffaċċjaw il-​baħrin. Għandek mnejn issegwi informazzjoni qarrieqa, jew forsi ssir vittma taʼ qerq li jkun sar apposta. Iż-​żewġ għażliet jistgħu jwasslu għal traġedja. X’tistaʼ tagħmel biex tipproteġi ruħek? Kun żgur li s-​sors taʼ tidwil li tagħżel ikun ġenwin u taʼ min joqgħod fuqu. Għal iktar minn 125 sena, din ir-​rivista sostniet li l-​Kelma ispirata t’Alla, il-​Bibbja, hija l-​iktar sors taʼ tidwil taʼ min joqgħod fuqu minħabba li fiha l-​“Kotba Mqaddsa, li jistgħu jagħtuk l-​għerf li jwassal għas-​salvazzjoni.”—2 Timotju 3:​15-17, Għaqda Biblika Maltija.

M’għandniex xi ngħidu, sabiex ikollok fiduċja li l-​Bibbja hija bħal dawl li jiggwidak taʼ min joqgħod fuqu, huwa raġunevoli li tiċċekkja l-​awtentiċità tagħha. (Salm 119:105; Proverbji 14:15) Toqgħodx lura milli tikteb lill-​pubblikaturi taʼ din ir-​rivista sabiex tikseb informazzjoni li għenet biex tikkonvinċi lil miljuni taʼ nies li l-​Bibbja hija verament ispirata minn Alla. Per eżempju, tistaʼ taqra l-​browxer intitolat Ktieb għan-​Nies Kollha.a Dan jippreżenta ħafna informazzjoni li turi li l-​Bibbja hija eżatta, awtentika, u ispirata.

Veritajiet Fundamentali

Mela x’inhuma xi wħud mill-​veritajiet fundamentali li jinsabu f’dawn il-​‘Kotba Mqaddsa’? Ikkunsidra l-​eżempji li ġejjin.

Hemm Alla wieħed li Jistaʼ Kollox u Ħallieq wieħed li għamel kollox. (Ġenesi 1:1) Aħna neżistu sempliċement minħabba li Alla ‘ħalaq l-​affarijiet kollha’ u tana l-​ħajja. (Rivelazzjoni 4:11) Huwa għalhekk li jistħoqqlu l-​qima tagħna. Il-​Ħallieq huwa s-​Sors aħħari taʼ kull tidwil. (Salm 36:10 [36:​9, New World Translation]; Isaija 30:​20, 21; 48:​17, 18) Hu għandu isem li jridna nużaw. (Eżodu 3:15) Dak l-​isem, miktub bl-​Ebrajk u li t-​trasliterazzjoni tiegħu hija JĦWH, jidher xi 7,000 darba fil-​Bibbja. Għal sekli sħaħ intużat il-​forma Ingliża “Jehovah,” “Jaħweh” u “Ġeħova” bil-​Malti.—Salm 83:19 (83:​18, NW).

Ġeħova għamel lill-​irġiel u n-​nisa biex jgħixu għal dejjem f’kundizzjonijiet taʼ Ġenna hawn fuq l-​art. Hu żejjen lill-​bnedmin bi kwalitajiet spiritwali li jirriflettu l-​kwalitajiet tiegħu. Hu tahom talenti u abbiltajiet li kienu se jħalluhom igawdu ħajja umana sodisfaċenti u bla tmiem fuq l-​art. (Ġenesi 1:​26-28) Hu qatt ma kellu l-​iskop li l-​art isservi bħala post fejn l-​irġiel u n-​nisa jgħaddu minn xi test—post biex jippreparahom għal ħajja bħala spirti fis-​sema, bħallikieku hemmhekk biss jistgħu jgawdu relazzjoni m’Alla.

Ma kien hemm xejn ħażin fil-​bniedem meta Alla ħalqu. Il-​ħażen ġie biss meta xi wħud mill-​ħlejjaq t’Alla—kemm umani kif ukoll spirti—użaw ħażin il-​libertà tagħhom taʼ l-​għażla u rribellaw kontra Alla. (Dewteronomju 32:5) Il-​ġenituri oriġinali tagħna ħadu f’idejhom id-​dritt li jiddeterminaw għalihom infushom dak li kien tajjeb u ħażin għalihom. (Ġenesi 2:17; 3:​1-5) Dan ġab il-​mewt fuq il-​familja umana. (Ġenesi 3:19; Rumani 5:12) Sabiex jissetilja l-​kwistjonijiet li qamu minħabba r-​ribelljoni, Ġeħova ddeċieda li jittollera l-​ħażen għal xi żmien. Imma l-​iskop tiegħu għall-​art u għall-​familja umana baqaʼ l-​istess. (Isaija 45:18) L-​irġiel u n-​nisa se jerġgħu jgħixu għal dejjem f’kundizzjonijiet taʼ Ġenna fuq art imnaddfa.—Mattew 6:10; Rivelazzjoni 21:​1-5.

Ġesù Kristu huwa Iben Alla u mhux Alla li Jistaʼ Kollox. Ġesù Kristu nnifsu għallem lis-​segwaċi tiegħu sabiex jitolbu: “Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9) Hu qatt ma sostna li hu daqs Alla. Minflok, hu qal: “Il-​Missier akbar minni.”—Ġwanni 14:28.

Ġesù għandu rwol importanti fit-​twettiq taʼ l-​iskop t’Alla. Alla bagħtu “bħala dawl fid-​dinja, sabiex kulmin ipoġġi l-​fidi [fih] ma jibqax fid-​dlam.” (Ġwanni 12:46) Skond l-​appostlu Pietru, “f’ħadd iżjed m’hemm salvazzjoni.” (Atti 4:12) Dan huwa minnu minħabba li s-​salvazzjoni tagħna tiddependi mid-​demm prezzjuż taʼ Kristu. (1 Pietru 1:​18, 19) Ġesù Kristu ta ħajtu bħala sagrifiċċju sabiex jifdi lill-​umanità mid-​dnub li l-​ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, għaddew lill-​familja umana. (Mattew 20:28; 1 Timotju 2:6) Ukoll, Alla uża lil Ġesù sabiex juri x’inhuma r-​rieda u l-​iskop Tiegħu.—Ġwanni 8:​12, 32, 46, 47; 14:6; Atti 26:23.

Alla waqqaf Saltna, jew gvern, fis-​sema li hi magħmula minn Ġesù Kristu u dawk li ġew magħżulin minn fost il-​bnedmin. Din it-​tema tidher għal darba wara l-​oħra fil-​Bibbja kollha. Lil dan il-​gvern, Alla fdah bl-​inkarigu li jiżgura li l-​iskop Tiegħu jitwettaq fuq l-​art bħalma hu fis-​sema. (Mattew 6:10) Ma kienx parti mill-​iskop oriġinali t’Alla li minn fost l-​umanità jkun hemm min imur fis-​sema. Id-​dar tagħhom kellha tkun l-​art. Imma wara li l-​bniedem waqaʼ fid-​dnub, Alla beda jwettaq skop ġdid. Hu għamel arranġamenti biex jintgħażlu nies “minn kull tribù u lsien u poplu u ġens” sabiex “isaltnu” maʼ Kristu fil-​gvern tas-​sema. (Rivelazzjoni 5:​9, 10) Dan il-​gvern tas-​Saltna dalwaqt se ‘jfarrak u jtemm’ kull tip taʼ ħakma umana, li tant ġabu miżerja u wġigħ lill-​familja umana.—Danjel 2:44.

Ir-ruħ hija mortali. Din il-​verità fundamentali Biblika tiċċara ħafna affarijiet dwar il-​bniedem u l-​prospetti tal-​ħajja tiegħu. Ukoll tneħħi kull fehma ħażina u informazzjoni żbaljata li ħawdet lin-​nies dwar liema kundizzjoni jinsabu fiha l-​mejtin.

Il-Bibbja tgħidilna: “L-​ewwel bniedem Adam sar ruħ ħajja.” (1 Korintin 15:45) Tistaʼ tifhem xi jfisser dan? Ir-​ruħ m’hijiex xi persuna li ma tidhirx u li teżisti fil-​ġisem uman. Il-​bniedem m’għandux ruħ. Il-​bniedem huwa ruħ—taħlita t’elementi li jinsabu fit-​“trab taʼ l-​art” u tal-​forza tal-​ħajja li tiġi minn Alla. Ir-​ruħ m’hijiex immortali. Meta l-​bniedem imut, ir-​ruħ tmut.—Ġenesi 2:7; 3:19; Koħèlet 9:​5, 10.

Dawk li mietu jistgħu jerġgħu jieħdu l-​ħajja permezz taʼ l-​irxoxt. Meta jgħaddi ż-​żmien li fih Alla qed jippermetti l-​ħażen, “dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira jisimgħu [leħen Ġesù] u joħorġu, dawk li għamlu t-​tajjeb għal irxoxt taʼ ħajja, dawk li pprattikaw affarijiet vili għal irxoxt taʼ ġudizzju.” (Ġwanni 5:​28, 29; Atti 24:15) L-​irxoxt se jġib lura lill-​bnedmin għall-​ħajja umana f’art magħmula ġenna, għat-​tip taʼ ħajja li oriġinalment kienet fl-​iskop t’Alla għall-​familja umana tiegħu.

Eżamina l-​Iskrittura bir-​Reqqa Kuljum

Tistaʼ tara kif għarfien dwar dawn il-​veritajiet fundamentali jistaʼ jgħinek? F’dawn iż-​żminijiet kritiċi u mqallbin, għarfien bħal dan jistaʼ jipproteġik minn dak li “b’mod falz jissejjaħ ‘għarfien,’” u li fil-​fatt hu mnissel minn Satana x-​Xitan. Hu jagħmilha taʼ bir-​ruħu li hu “anġlu tad-​dawl,” u l-​aġenti tiegħu jagħmluha taʼ “ministri tal-​ġustizzja.” (1 Timotju 6:20; 2 Korintin 11:​13-15) L-​għarfien eżatt mill-​Bibbja jistaʼ jipproteġik mill-​hekk imsejjaħ tidwil li hu bbażat fuq il-​filosofiji taʼ l-​“għorrief u l-​intellettwali” tad-​dinja li “ċaħdu l-​kelma tal-​Mulej.”—Mattew 11:25; Ġeremija 8:9.

Minħabba li kien hemm tant tagħlim u filosofiji qarrieqa fi żmienu, l-​appostlu Ġwanni wissa lill-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu: “Temmnux kull espressjoni mnebbħa.” Hu qal: “Għarblu l-​espressjonijiet imnebbħin biex taraw jekk joriġinawx minn Alla.” (1 Ġwanni 4:1) Ikkunsidra dan l-​eżempju. Kieku kellek tirċievi messaġġ li jistaʼ jkollu effett kbir fuq ħajtek, kont int se taqbad u taċċettah mingħajr ma l-​ewwel taħseb ftit dwaru, sempliċement minħabba li jidher li ġej minn sors taʼ min joqgħod fuqu? Żgur li le! Kieku l-​ewwel tiċċekkja minfejn ġej u teżamina sew il-​kontenut qabel ma taġixxi fuqu.

Billi pprovda dokumentazzjoni ispirata mniżżla bil-​miktub li fiha veritajiet fundamentali, Alla għamilhielek possibbli biex tagħmel eżatt dan—‘taċċerta ruħek’ li d-​dawl li suppost jiggwidak, bħal dawl minn fanal tal-​port, ikun ġenwin. (1 Tessalonikin 5:21) Uħud li kellhom moħħ nobbli fl-​ewwel seklu ġew imfaħħrin talli ‘eżaminaw bir-​reqqa l-​Iskrittura kuljum’ sabiex ikunu ċerti li dak li kienu qed jitgħallmu kien tassew il-​verità. (Atti 17:11) Int tistaʼ tagħmel l-​istess. Ħalli l-​Bibbja, bħal “fanal jiddi f’post mudlam,” tiggwidak lejn post mingħajr periklu. (2 Pietru 1:​19-21) Jekk tagħmel hekk, “se ssib it-​tagħrif taʼ Alla,” li jġib tidwil veru.—Proverbji 2:5.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Stampa f’paġna 4]

Il-​Kelma t’Alla hi bħal fanal

[Stampa f’paġna 5]

X’inhu l-​isem t’Alla?

[Stampa f’paġna 5]

X’inhu l-​futur taʼ l-​umanità?

[Stampa f’paġna 6]

Huwa Ġesù Alla li Jistaʼ Kollox?

[Stampa f’paġna 6]

Fejn huma l-​mejtin?

[Stampa f’paġna 7]

L-​irxoxt tal-​mejtin huwa wieħed mill-​veritajiet fundamentali mgħallmin fil-​Bibbja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja