Bijografija
Il-Perseveranza Ġġib il-Ferħ
KIF RAKKONTATA MINN MÁRIO ROCHA DE SOUZA
“Ma tantx hemm ċans li s-Sur Rocha jgħaddi mill-operazzjoni b’wiċċ il-ġid.” Minkejja din l-aħbar bla tama li t-tabib tani, illum, xi 20 sena wara, għadni ħaj, naqdi bħala predikatur tax-Xhieda taʼ Ġeħova “full-time.” X’għenni nippersevera tul dawn is-snin kollha?
GĦADDEJT it-tfulija tiegħi f’razzett ħdejn Santo Estêvão, villaġġ fl-istat taʼ Bahia, fil-grigal tal-Brażil. Meta kelli sebaʼ snin, bdejt ngħin lil missieri fix-xogħol tar-razzett. Kuljum wara l-iskola, kien jagħtini biċċa xogħol x’nagħmel. Maż-żmien, kulmeta missieri kien imur fuq xogħol f’Salvador, il-belt kapitali taʼ l-istat, kien iħallini responsabbli mir-razzett.
Ma kellniex elettriku, ilma, jew kumditajiet komuni taʼ llum, imma xorta waħda konna ferħanin. Jien kont intajjar tajra jew nilgħab bil-karozzi taʼ l-injam li jien u sħabi konna nagħmlu. Kont ukoll indoqq il-klarinett f’purċissjonijiet reliġjużi. Kont inkanta fil-kor tal-knisja tar-raħal tiegħi, u kien hemmhekk li rajt ktieb bl-isem História Sagrada (Storja Sagra), li qajjimli l-kurżità fil-Bibbja.
Fl-1932, meta kelli 20 sena, il-grigal tal-Brażil ġie milqut minn nixfa qalila li ħadet fit-tul. L-annimali tagħna mietu u l-ħsad ma rnexxiex, allura mort ngħix f’Salvador, fejn sibt xogħol bħala xufier tat-tramm. Iktar tard, krejt dar u ġibt il-familja tiegħi biex tgħix miegħi. Fl-1944, missieri miet, u jien kelli nieħu ħsieb lil ommi u lil tmien ħuti bniet u t-tliet ħuti subien iżgħar minni.
Minn Xufier tat-Tramm għal Evanġelizzatur
Meta wasalt f’Salvador, l-ewwel ħaġa li għamilt kienet li xtrajt Bibbja. Wara li għal xi snin kont nattendi l-knisja Battista, jien għamilt ħbieb maʼ Durval li wkoll kien xufier tat-tramm. Jien u Durval spiss kellna diskussjonijiet twal fuq il-Bibbja. Darba minnhom, hu tani ktejjeb bl-isem Where Are the Dead?a (Fejn Huma l-Mejtin?) Għalkemm kont nemmen li l-bniedem għandu ruħ immortali, kont kurjuż biżżejjed biex niċċekkja t-testi kwotati mill-Bibbja li kien hemm fil-ktejjeb. B’sorpriża, il-Bibbja kkonfermat li r-ruħ li tidneb tmut.—Eżekjel 18:4, Karm Żammit.
Meta Durval innota l-interess li kelli, hu staqsa lil Antônio Andrade, ministru full-time tax-Xhieda taʼ Ġeħova, biex iżurni d-dar. Wara t-tielet żjara tiegħu, Antônio stidinni biex nakkumpanjah fix-xandir tat-tagħlim tal-Bibbja lil oħrajn. Wara li tkellem fuq l-ewwel żewġ bibien, hu qalli: “Issa int imiss.” Kont beżgħan immens, imma tgħidx kemm kont ferħan meta familja semgħet b’attenzjoni u aċċettat żewġ kotba li offrejtilha. Sal-ġurnata taʼ llum, jien nesperjenza l-istess tip taʼ ferħ meta niltaqaʼ maʼ xi ħadd li jkun interessat fil-verità tal-Bibbja.
Fid-19 t’April, 1943, l-anniversarju tal-mewt taʼ Kristu għal dik is-sena, jien tgħammidt fl-Oċean Atlantiku ħdejn Salvador. Minħabba li ma kienx hemm biżżejjed aħwa rġiel Kristjani t’esperjenza, jien ġejt maħtur biex nassisti grupp taʼ Xhieda li ltaqgħu fid-dar taʼ Ħuna Andrade li kienet tinsab f’waħda mit-toroq dojoq li tgħaqqad il-parti taʼ fuq u t’isfel tal-belt taʼ Salvador.
Oppożizzjoni tal-Bidu
L-attività Kristjana tagħna ma kinitx milqugħa tajjeb matul is-snin tat-tieni gwerra dinjija (1939-45). Xi uffiċjali ssuspettaw li aħna konna xi spiji mill-Amerika taʼ Fuq għaliex ħafna mill-pubblikazzjonijiet tagħna kienu jiġu mill-Istati Uniti. B’riżultat taʼ dan, spiss konna niġu arrestati u interrogati. Meta xi Xhud ma kienx jiġi lura mill-ministeru taʼ l-għalqa, konna nikkonkludu li ġie arrestat, u konna mmorru l-għassa tal-pulizija biex naraw kif jistaʼ jinħeles.
F’Awissu taʼ l-1943, Adolphe Messmer, Xhud Ġermaniż, wasal Salvador biex jgħin ħalli tiġi organizzata l-ewwel assemblea tagħna. Wara li l-awtoritajiet taw il-permess biex tinżamm l-assemblea, saru reklami għat-taħdita pubblika “Freedom in the New World” (Libertà fid-Dinja l-Ġdida) fil-gazzetti lokali, u tpoġġew kartelluni fil-vetrini tal-ħwienet u fuq il-ġnub tat-trammijiet. Imma fit-tieni jum taʼ l-assemblea, pulizija informana li l-liċenzja tagħna biex niltaqgħu ġiet kanċellata. L-arċisqof taʼ Salvador ġiegħel lill-kap tal-pulizija jwaqqaf l-assemblea tagħna. Minkejja dan, f’April tas-sena taʼ wara finalment ngħatajna l-permess biex nagħmlu t-taħdita pubblika li rreklamajna.
Mira li Ridt Nilħaq
Fl-1946 ġejt mistieden biex nattendi l-Assemblea Teokratika Glad Nations fil-belt taʼ São Paulo. Il-kaptan taʼ bastiment f’Salvador ta l-permess lil grupp minna biex nivvjaġġaw fuq il-vapur tiegħu jekk norqdu barra fuq il-gverta tal-vapur. Minkejja l-maltempata li ltqajna magħha u li matulha kollha kemm aħna qabadna d-deni, wara erbat ijiem fuq il-baħar wasalna qawwijin u sħaħ f’Rio de Janeiro. Xi Xhieda f’Rio laqgħuna fi djarhom biex nistrieħu għal ftit ġranet qabel ma komplejna l-vjaġġ tagħna bil-ferrovija. Folla żgħira li kienet qed iġġorr kartelluni bil-messaġġ “Merħba lix-Xhieda taʼ Ġeħova” laqgħetna meta wasalna bil-ferrovija f’São Paulo.
Ftit wara li rġajna lura Salvador, jien tkellimt maʼ Harry Black, missjunarju mill-Istati Uniti, dwar ix-xewqa tiegħi li nsir pijunier, kif jissejħu l-ministri full-time tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Harry fakkarni li kelli r-responsabbiltajiet tal-familja x’nieħu ħsieb u tani l-parir biex inkun paċenzjuż. Finalment, f’Ġunju taʼ l-1952, ħuti s-subien u l-bniet bdew jipprovdu għalihom infushom finanzjarjament, u jien ġejt inkarigat biex naqdi bħala pijunier f’kongregazzjoni żgħira f’Ilhéus, xi 210 kilometri fin-nofsinhar taʼ Salvador.
Provvediment Ġeneruż
Is-sena taʼ wara, jien ġejt assenjat f’Jequié, belt kbira fil-parti ċentrali taʼ l-istat taʼ Bahia fejn ma kienx hemm Xhieda. L-ewwel individwu li żort kien il-qassis tal-lokal. Hu qalli li l-belt kienet it-territorju tiegħu u ordnali biex ma nippridkax hemm. Hu avża lill-parruċċani li kien wasal “profeta falz” u bagħat lil xi spiji fil-belt biex josservaw l-attivitajiet tiegħi. Minkejja dan, dakinhar stess ħallejt iktar minn 90 biċċa letteratura Biblika u bdejt erbaʼ studji tal-Bibbja. Sentejn wara, f’Jequié kien hemm Sala tas-Saltna b’36 Xhud! Illum, hemm tmien kongregazzjonijiet u madwar 700 Xhud f’Jequié.
Matul l-ewwel xhur tiegħi f’Jequié, kont ngħix f’kamra żgħira mikrija, ’il barra miċ-ċentru tal-belt. Imbagħad iltqajt maʼ Miguel Vaz de Oliveira, sid il-lukanda Sudoeste, waħda mill-aqwa lukandi f’Jequié. Miguel aċċetta studju tal-Bibbja u insista li mmur noqgħod f’waħda mill-kmamar tal-lukanda tiegħu. Iktar tard, Miguel u martu saru Xhieda.
Memorja oħra mill-isbaħ taż-żmien li qattajt f’Jequié kienet tinvolvi lil Luiz Cotrim, għalliem fi skola sekondarja li studjajt il-Bibbja miegħu. Luiz offra li jgħinni nitjieb fil-Portugiż u fil-matematika. Jien mort biss l-iskola primarja, allura mill-ewwel aċċettajt l-istedina tiegħu. Dawn il-lezzjonijiet wara l-istudju taʼ Luiz taʼ kull ġimgħa għenuni biex nipprepara ruħi għal iktar privileġġi li kont se nirċievi dalwaqt mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.
Niffaċċja Sfida Oħra
Fl-1956 irċivejt ittra fejn ġejt mistieden fl-uffiċċju tal-fergħa tagħna, li dak iż-żmien kienet f’Rio de Janeiro, biex niġi mħarreġ ħalli nsir indokratur tas-circuit, kif jissejħu l-ministri li jivvjaġġaw tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Il-kors tat-taħriġ, fejn attendew tmien persuni oħra, ħa ftit iktar minn xahar. Hekk kif konna se nispiċċaw il-kors, ġejt inkarigat immur São Paulo, u kont daqsxejn inkwetat. Jien staqsejt lili nnifsi: ‘Jien, raġel iswed, x’se mmur nagħmel hemm qalb dawk it-Taljani kollha? Tgħid se jaċċettawni?’b
Fl-ewwel kongregazzjoni li żort fid-distrett taʼ Santo Amaro, ġejt inkuraġġit meta rajt li s-Sala tas-Saltna kienet mimlija bix-Xhieda sħabi u nies interessati. Dak li kkonvinċieni li ma kellix għalfejn nibżaʼ kien li s-97 ruħ fil-kongregazzjoni kollha taw is-sehem tagħhom miegħi fil-ministeru f’dak it-tmiem tal-ġimgħa. ‘Dawn verament huma ħuti,’ bdejt naħseb bejni u bejn ruħi. Kienet il-merħba kordjali taʼ ħuti nisa u rġiel għeżież li tatni l-kuraġġ biex nibqaʼ fil-ministeru taʼ l-ivvjaġġar.
Ħmir, Żwiemel, u Annimali Oħra
Waħda mill-akbar sfidi li l-indokraturi taʼ l-ivvjaġġar iffaċċjaw fil-bidu kienet il-vjaġġi twal sabiex jilħqu kongregazzjonijiet u gruppi żgħar taʼ Xhieda fi nħawi rurali. F’dawn il-postijiet, it-trasport pubbliku ma kienx taʼ min joqgħod fuqu jew ma kienx jeżisti, u ħafna mit-toroq kienu passaġġi dojoq u mimlijin trab.
Xi aħwa f’dawn l-inħawi solvew din il-problema billi xtraw ħmar jew żiemel għall-indokratur tas-circuit ħalli jkun jistaʼ jużah. Ħafna drabi nhar taʼ Tnejn, kont inpoġġi l-magħqad fuq il-ħmar jew iż-żiemel, norbot l-affarijiet tiegħi, u nivvjaġġa xi 12-il siegħa lejn il-kongregazzjoni li jkun imiss. F’Santa Fé do Sul, ix-Xhieda kellhom ħmar jismu Dourado (Dehbi) li kien jaf it-triq għall-gruppi taʼ l-istudju fl-inħawi rurali. Dourado kien jieqaf quddiem l-irziezet u joqgħod jistennieni bil-paċenzja biex niftaħ ix-xatba. Wara ż-żjara, jien u Dourado konna nkomplu għall-grupp li jmiss.
Minħabba li l-mezzi taʼ komunikazzjoni ma kinux taʼ min joqgħod fuqhom, ix-xogħol tas-circuit kien taʼ sfida. Per eżempju, sabiex stajt inżur grupp żgħir taʼ Xhieda li kienu jiltaqgħu f’razzett fl-istat taʼ Mato Grosso, kelli naqsam ix-Xmara Araguaia bid-dgħajsa u nirkeb il-ħmar għal madwar 25 kilometru fil-foresta. F’okkażjoni minnhom, jien ktibt lil dan il-grupp biex ninformah dwar iż-żjara tiegħi, imma l-ittra milli jidher ma waslitx, għaliex ma kien hemm ħadd jistennieni meta qsamt ix-xmara. Kien tard wara nofsinhar, allura staqsejt lil sid ħanut żgħir tax-xorb biex jiħodli ħsieb il-bagalja l-kbira, u tlaqt bil-mixi bil-bagalja ż-żgħira biss.
Malajr dalam. Waqt li kont għaddej fid-dlam, se naqaʼ u ma naqax, kien hemm wikkiel in-nemel (anteater) li beda jonfoħ. Jien smajt li dan l-annimal jistaʼ jogħla u joqtol bniedem bis-saqajn b’saħħithom taʼ quddiem. Allura, meta kont nismaʼ xi ħaġa tagħmel xi ħoss qalb is-siġar kont nagħmel pass ’il quddiem filwaqt li nżomm il-bagalja quddiemi bħala protezzjoni. Wara li kont ili miexi għal sigħat sħaħ, wasalt ħdejn xmara żgħira. Sfortunatament, fid-dlam ma indunajtx li kien hemm ċint tal-fildiferru jniggeż fuq in-naħa l-oħra. Irnexxieli naqbeż f’salt wieħed fuq in-naħa l-oħra tax-xmara, biex spiċċajt fuq iċ-ċint u mtlejt kollni qtugħ!
Fl-aħħar wasalt ir-razzett u ġejt milqugħ bl-inbiħ tal-klieb. Kienet xi ħaġa normali li l-ħallelin li jisirqu n-nagħaġ jattakkaw bil-lejl, allura hekk kif infetaħ il-bieb, mill-ewwel għedtilhom min jien. Żgur li kelli dehra taʼ wieħed li titħassru, bi ħwejjeġ imċappsin bid-demm, imma l-aħwa ferħu meta rawni.
Minkejja t-tbatijiet kollha, dawn kienu ġranet mimlijin ferħ. Ħadt pjaċir bil-vjaġġi twal fuq dahar iż-żiemel u bil-mixi, bil-mistrieħ li kultant kont nieħu fid-dell tas-siġar, bl-għana taʼ l-għasafar li kont nismaʼ, u bil-volpijiet li kont nara jaqsmu minn quddiemi f’dawk it-toroq li kienu jkunu baħħ. Sors ieħor taʼ ferħ kien il-fatt li kont naf li ż-żjajjar tiegħi tassew kienu t’għajnuna għan-nies. Ħafna kitbuli biex jesprimu l-gratitudni tagħhom. Oħrajn irringrazzjawni personalment meta ltqajna fl-assembleat. Kemm kont nieħu gost nara nies jegħlbu problemi persunali u jagħmlu progress spiritwali!
Ajjutanta, sa fl-Aħħar
Matul dawk is-snin fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar, spiss kont inkun waħdi, u dan għallimni biex nistrieħ fuq Ġeħova bħala ‘l-blata [u] l-fortizza tiegħi.’ (Salm 18:3 [18:2, NW]) Iktar minn hekk, irrealizzajt li l-fatt li kont għadni waħdi tani ċ-ċans biex nagħti l-attenzjoni sħiħa tiegħi lill-interessi tas-Saltna.
Madankollu, fl-1978 iltqajt m’oħt pijuniera jisimha Júlia Takahashi. Hi waqfet mill-impjieg li kien irendi paga tajba bħala infermiera ġo sptar kbir f’São Paulo sabiex taqdi fejn kien hemm bżonn akbar għall-pubblikaturi tas-Saltna. L-anzjani Kristjani li kienu jafuha, faħħruha ħafna għall-kwalitajiet u l-abbiltajiet spiritwali tagħha bħala pijuniera. Kif tistgħu timmaġinaw, id-deċiżjoni tiegħi biex niżżewweġ wara tant snin kienet sorpriża għal xi wħud. Ħabib tal-qalb tiegħi ma setax jemmen, u wegħedni gendus taʼ 270 kilogramma jekk verament kont se niżżewweġ. Aħna xwejna dak il-gendus waqt ir-riċeviment tat-tieġ tagħna fl-1 taʼ Lulju, 1978.
Nippersevera Minkejja n-Nuqqas taʼ Saħħa
Júlia ngħaqdet miegħi fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar, u flimkien żorna kongregazzjonijiet fin-nofsinhar u x-xlokk tal-Brażil għat-tmien snin taʼ wara. Dak kien iż-żmien meta żviluppajt problemi tal-qalb. Darbtejn tani ħass ħażin meta kont qed nitkellem maʼ l-inkwilini fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Minħabba l-limitazzjonijiet tiegħi, aħna aċċettajna inkarigu bħala pijunieri speċjali f’Birigüi, l-istat taʼ São Paulo.
Sadanittant, ix-Xhieda f’Birigüi offrewli li jiħduni bil-karozza biex nara tabib f’Goiânia, xi 500 kilometru ’l bogħod. X’ħin il-kundizzjoni tiegħi ġiet għan-normal, għamilt operazzjoni biex inwaħħal apparat tal-qalb (pacemaker). Dan seħħ xi 20 sena ilu. Minkejja li għamilt żewġ operazzjonijiet oħra tal-qalb, xorta għadni attiv fix-xogħol taʼ li nagħmel dixxipli. Bħal ħafna nisa Kristjani miżżewġin oħra, Júlia dejjem kienet sors taʼ saħħa u inkuraġġiment.
Avolja l-problemi tal-qalb illimitaw l-attivitajiet tiegħi u xi drabi skuraġġewni, xorta għadni nistaʼ naqdi bħala pijunier. Infakkar lili nnifsi li Ġeħova qatt ma wegħedna li l-ħajja f’din is-sistema qadima dejjem se timxi ħarir. Jekk l-appostlu Pawlu u Kristjani leali oħra taʼ żmien il-qedem kellhom jipperseveraw, għala l-affarijiet għandhom ikunu differenti għalina?—Atti 14:22.
Dan l-aħħar sibt l-ewwel Bibbja li kont ksibt fis-snin tletin. Fil-qoxra taʼ ġewwa, ktibt in-numru 350—l-għadd taʼ proklamaturi tas-Saltna fil-Brażil meta jien bdejt nattendi l-laqgħat Kristjani fl-1943. Xi ħaġa li ma titwemminx hi li issa hemm iktar minn 600,000 Xhud fil-Brażil. Xi privileġġ li kelli sehem żgħir f’dan it-tkabbir! Ċertament li Ġeħova berikni bil-kbir għaliex ipperseverajt. Bħas-salmista nistaʼ ngħid: “Kbir f’għemilu l-Mulej magħna! U aħna bil-ferħ imtlejna.”—Salm 126:3.
[Noti taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova, imma issa m’għadux jiġi stampat.
b Kważi 1,000,000 immigrant Taljan marru jgħixu São Paulo bejn l-1870 u l-1920.
[Stampa f’paġna 9]
Xi Xhieda jirreklamaw it-taħdita pubblika fl-ewwel assemblea fil-belt taʼ Salvador, fl-1943
[Stampa f’paġna 10]
Xi Xhieda li waslu f’São Paulo għall-assemblea “Glad Nations,” fl-1946
[Stampi f’paġna 10, 11]
Fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar matul l-aħħar tas-snin ħamsin
[Stampa f’paġna 12]
Maʼ marti, Júlia