LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 8/1 pp. 26-30
  • Ibżaʼ minn Ġeħova—Kun Hieni!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ibżaʼ minn Ġeħova—Kun Hieni!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nerġgħu Niksbu l-​Hena li Tlifna
  • Aħjar Inbatu milli Nidinbu
  • Il-​Biżaʼ minn Alla Jġib l-​Hena
  • ‘Qawwi Qalbek fil-​Mulej’
  • Wirt Prezzjuż
  • Kun Għaref—Ibżaʼ minn Alla!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Gawdi l-Ħajja fil-Biżaʼ taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • “Għallimni Nagħmel ir-Rieda Tiegħek”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Żviluppa lil Qalbek Biex Tibżaʼ minn Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 8/1 pp. 26-30

Ibżaʼ minn Ġeħova—Kun Hieni!

“Hieni l-​bniedem li jibżaʼ mill-​Mulej.”​—SALM 112:1.

1, 2. X’jistaʼ jġib miegħu l-​biżaʼ minn Ġeħova?

L-​HENA ma jinkisibx faċilment. L-​hena veru jiddependi milli tagħmel għażliet tajbin, tagħmel dak li hu sewwa, u żżomm ’il bogħod minn dak li hu ħażin. Ġeħova, il-​Ħallieq tagħna, tana l-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, biex jgħallimna kif ingawdu l-​aqwa mod taʼ ħajja. Billi nfittxu u nsegwu d-​direzzjoni taʼ Ġeħova, u b’hekk nuru li nibżgħu minn Alla, aħna nistgħu verament inkunu sodisfatti u henjin.​—Salm 23:1; Proverbji 14:26.

2 F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw eżempji Bibliċi u moderni li juru kif permezz tal-​biżaʼ ġenwin minn Alla, individwu jistaʼ jirreżisti l-​pressjoni biex jagħmel dak li hu ħażin u jkollu l-​kuraġġ biex jagħmel dak li hu tajjeb. Se naraw li l-​biżaʼ minn Alla jistaʼ jġibilna l-​hena billi jqanqalna biex nikkoreġu xi triq ħażina, bħalma kellu jagħmel is-​Sultan David. Aħna se naraw ukoll li l-​biżaʼ minn Alla huwa wirt verament prezzjuż li l-​ġenituri jistgħu jagħtu lil uliedhom. Tabilħaqq, il-​Kelma t’Alla tassigurana: “Hieni l-​bniedem li jibżaʼ mill-​Mulej.”​—Salm 112:1.

Nerġgħu Niksbu l-​Hena li Tlifna

3. X’għen lil David jirkupra minn dnubietu?

3 Bħalma ġie kunsidrat fl-​artiklu taʼ qabel, fi tliet okkażjonijiet sinifikanti, David naqas li juri biżaʼ xieraq minn Alla u dineb. Madankollu, ir-​reazzjoni tiegħu għad-​dixxiplina mingħand Ġeħova wriet li fl-​aħħar mill-​aħħar hu kien bniedem li kien jibżaʼ minn Alla. Ir-​riverenza tiegħu u r-​rispett li kellu għal Alla qanqluh biex jammetti l-​ħtija tiegħu, jikkoreġi t-​triq ħażina tiegħu, u jerġaʼ jistabbilixxi relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. Għalkemm in-​nuqqasijiet tiegħu ġabu tbatija kemm fuqu kif ukoll fuq oħrajn, permezz taʼ l-​indiema sinċiera tiegħu kiseb l-​appoġġ u l-​approvazzjoni kontinwa taʼ Ġeħova. L-​eżempju taʼ David żgur jistaʼ jagħmel il-​kuraġġ lill-​Kristjani llum li jistgħu jaqgħu fi dnub serju.

4. Il-​biżaʼ minn Alla kif jgħin lil individwu jerġaʼ jikseb l-​hena?

4 Ejja nieħdu l-​każ taʼ Sonja.a Għalkemm kienet qed taqdi bħala evanġelizzatriċi full-time, Sonja bdiet tagħmilha maʼ kumpanija ħażina, spiċċat involuta f’kondotta mhix Kristjana, u kellha tiġi maqtugħa mis-​sħubija tal-​kongregazzjoni Kristjana. Meta ġiet f’sensiha, Sonja għamlet dak kollu li kien hemm bżonn biex tirranġa r-​relazzjoni tagħha maʼ Ġeħova. Maż-​żmien, hi ġiet aċċettata lura fil-​kongregazzjoni. Matul dan kollu, Sonja qatt ma nsiet ix-​xewqa tagħha li taqdi lil Ġeħova. Fl-​aħħar, hi reġgħet bdiet taqdi fil-​ministeru full-time bħala pijuniera. Iktar tard hi żżewġet anzjan Kristjan eżemplari, u issa taqdi bil-​ferħ miegħu fil-​kongregazzjoni. Għalkemm Sonja jiddispjaċiha ferm li għal ftit tbiegħdet mit-​triq Kristjana, hi ferħana li l-​biżaʼ minn Alla għenha biex iddur lura lejn Ġeħova.

Aħjar Inbatu milli Nidinbu

5, 6. Spjega kif u għala David salva ħajjet Sawl darbtejn.

5 M’għandniex xi ngħidu, huwa ħafna aħjar meta l-​biżaʼ minn Alla jgħin lil individwu biex lanqas biss jasal li jidneb. Dan kien minnu fil-​każ taʼ David. Darba minnhom, waqt li kien qed jiġri wara David bi tlett elef raġel, Sawl daħal ġo għar​—l-​istess għar fejn David u l-​irġiel tiegħu kienu qed jistaħbew. L-​irġiel taʼ David ħeġġewh biex jaħbat għal Sawl. Ma kienx Ġeħova qiegħed jagħti lill-​għadu kbir taʼ David f’idejh? David mar ħdejn Sawl inkiss inkiss u ċarrattlu d-​dublett taʼ l-​ilbies tiegħu. Minħabba li David kien jibżaʼ minn Alla, anki dan l-​għemil li pjuttost ma jagħmilx ħsara niggiżlu l-​kuxjenza tiegħu. David żamm lill-​irġiel lura billi qalilhom: “Ma jkun qatt li nagħmel dan lil sidi, il-​midluk tal-​Mulej, li mmidd idi fuqu, għax hu l-​midluk tal-​Mulej.”b​—1 Samwel 24:​2-8 (24:​1-7, NW).

6 F’okkażjoni oħra iktar tard, waqt li Sawl u l-​irġiel tiegħu kienu kkampjati bil-​lejl, waqaʼ fuqhom ‘ngħas tqil mingħand il-​Mulej.’ David u n-​neputi kuraġġuż tiegħu Abisaj daħlu f’nofs il-​kamp u qagħdu proprju biswit Sawl li kien rieqed. Abisaj ried jeħles minnu darba għal dejjem. David waqqaf lil Abisaj billi staqsieh: “Min qatt medd idu fuq il-​midluk tal-​Mulej, [‘u ma kellux ħtija,’ Saydon]?”​—1 Samwel 26:​9, 12.

7. X’żamm lura lil David milli jidneb?

7 David għala ma ħabatx għal Sawl meta kellu żewġ opportunitajiet? Hu kien jibżaʼ iktar minn Ġeħova milli minn Sawl. Minħabba l-​biżaʼ xieraq minn Alla, David kien lest biex ibati, jekk kien hemm bżonn, minflok ma jidneb. (Ebrej 11:25) Hu kellu fiduċja sħiħa fl-​interess li Ġeħova għandu għall-​poplu Tiegħu u għalih personalment. David kien jaf li l-​ubbidjenza u l-​fiduċja f’Alla kienu se jġibulu hena u ħafna barkiet, filwaqt li jekk jinjora ’l Alla ma kienx se jkollu l-​favur Tiegħu. (Salm 65:5 [65:​4, NW]) Hu kien jaf ukoll li Alla kellu jwettaq il-​wegħda Tiegħu li jagħmel lil David sultan u jneħħi lil Sawl fil-​ħin Tiegħu u bil-​mod li ried Hu.​—1 Samwel 26:10.

Il-​Biżaʼ minn Alla Jġib l-​Hena

8. Kif isservi t’eżempju l-​kondotta taʼ David meta kien taħt pressjoni?

8 Bħala Kristjani, nistgħu nistennew twaqqigħ għaċ-​ċajt, persekuzzjoni, u provi oħra. (Mattew 24:9; 2 Pietru 3:3) Xi drabi, aħna nistgħu nesperjenzaw diffikultajiet li jinvolvu lill-​aduraturi sħabna. Madankollu, aħna nafu li Ġeħova jara kollox, jismaʼ talbna u, fil-​ħin u fil-​waqt, se jirranġa l-​affarijiet skond ir-​rieda tiegħu. (Rumani 12:​17-​21; Ebrej 4:​16) Għalhekk, minflok ma nibżgħu minn dawk li jopponuna, aħna nibżgħu minn Alla u nduru lejh biex isalvana. Bħal David, aħna ma nivvendikawx ruħna b’idejna, lanqas ma nikkompromettu l-​prinċipji ġusti sabiex nevitaw it-​tbatija. Fl-​aħħar, dan iġib l-​hena. Imma kif?

9. Agħti eżempju taʼ kif il-​biżaʼ minn Alla jistaʼ jirriżulta f’hena minkejja l-​persekuzzjoni.

9 “Jien naħseb dwar l-​eżempju t’omm u bintha li kienet żagħżugħa li minħabba n-​newtralità Kristjana tagħhom irrifjutaw li jixtru biljetti taʼ partiti politiċi,” jirrakkonta missjunarju li ilu jaqdi fl-​Afrika għal żmien twil. “Kienu ġew attakkati b’mod brutali minn folla rġiel u mbagħad bagħtuhom id-​dar. Hekk kif kienu mexjin, l-​omm ipprovat tfarraġ lil bintha li kienet qed tibki u li ma setgħetx tifhem għaliex kien ġara dan kollu. Dak il-​ħin ma kinux henjin, iżda kellhom kuxjenza nadifa. Iktar tard, huma kienu henjin ħafna li kienu obdew lil Alla. Kieku xtraw il-​biljetti tal-​partiti, il-​folla kienet taqbeż bil-​ferħ. Kieku, l-​irġiel kienu jagħtuhom fliexken tal-​luminata u jiżfnu madwarhom matul it-​triq kollha lejn id-​dar. Iżda t-​tifla u ommha, peress li kienu jafu li għamlu kompromess, kienu jkunu mnikktin għall-​aħħar.” Il-​biżaʼ minn Alla ħelishom minn dan kollu.

10, 11. X’riżultati tajbin kellha waħda mara minħabba li tibżaʼ minn Alla?

10 Il-​fatt li nuru l-​biżaʼ minn Alla jistaʼ jirriżulta wkoll f’hena meta niffaċċjaw provi li jinvolvu r-​rispett għall-​qdusija tal-​ħajja. Meta Mary kienet tqila bit-​tielet tarbija tagħha, it-​tabib ħeġġiġha biex tagħmel abort. “Il-​kundizzjoni tiegħek hija waħda perikoluża,” qalilha. “Int tistaʼ tispiċċa f’qagħda kritika minn ħin għall-​ieħor u tmut fi żmien 24 siegħa. Imbagħad it-​tarbija tmut ukoll. Hi x’inhi s-​sitwazzjoni, m’hemm ebda garanzija li t-​tarbija se tkun normali.” Mary kienet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova iżda kienet għadha mhix mgħammda. Mary tgħid: “Madankollu, kont iddeċidejt li naqdi lil Ġeħova, u kont determinata li nibqaʼ ubbidjenti lejh, jiġri x’jiġri.”​—Eżodu 21:​22, 23.

11 Matul it-​tqala tagħha, Mary żammet ruħha medhija tistudja l-​Bibbja u tieħu ħsieb il-​familja tagħha. Fl-​aħħar it-​tarbija twieldet. “It-​twelid kien kemxejn iżjed diffiċli mill-​ewwel tnejn, iżda ma kien hemm ebda komplikazzjonijiet serji,” tirrakkonta Mary. Il-​biżaʼ minn Alla għen lil Mary iżżomm kuxjenza nadifa, u ftit wara hi tgħammdet. Hekk kif it-​tarbija tifel kiber, dan ukoll tgħallem jibżaʼ minn Ġeħova, u bħalissa qed jaqdi f’wieħed mill-​uffiċċji tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.

‘Qawwi Qalbek fil-​Mulej’

12. Il-​biżaʼ minn Alla kif saħħaħ lil David?

12 Il-​biżaʼ minn Alla li kellu David ma żammux lura sempliċement milli jagħmel il-​ħażin. Dan saħħu biex jaġixxi b’mod deċiżiv u bil-​għaqal f’ċirkustanzi diffiċli. Għal sena u erbaʼ xhur, David u l-​irġiel tiegħu sabu rifuġju minn Sawl f’Siklag, fil-​kampanja tal-​Filistja. (1 Samwel 27:​5-7) Darba minnhom waqt li l-​irġiel ma kinux hemm, l-​Għamalekin li kienu jiġġerrew ħarqu l-​belt u serqu n-​nisa, it-​tfal, u l-​imrieħel taʼ l-​irġiel kollha. Meta ġew lura u raw dak li kien ġara, David u l-​irġiel tiegħu nfexxew jibku. In-​niket malajr inbidel fi mrar, u l-​irġiel taʼ David bdew jaħsbu biex iħaġġruh. Għalkemm imnikket, David ma ddisprax. (Proverbji 24:10) Il-​biżaʼ minn Alla qanqlu biex idur lejn Ġeħova, u hu “qawwa qalbu fil-​Mulej.” Bl-​għajnuna t’Alla, David u l-​irġiel tiegħu għelbu lill-​Għamalekin u ħadu kollox lura.​—1 Samwel 30:​1-​20.

13, 14. Il-​biżaʼ minn Alla kif għen lil waħda Kristjana tagħmel deċiżjonijiet tajbin?

13 Il-​qaddejja t’Alla llum ukoll jiffaċċjaw sitwazzjonijiet li jirrikjedu l-​fiduċja f’Ġeħova u l-​kuraġġ biex jaġixxu b’mod deċiżiv. Ejja nieħdu l-​eżempju taʼ Kristina. Meta kienet għadha tifla, Kristina studjat il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Iżda hi riedet issir pjanista tal-​kunċerti, u għamlet avanz konsiderevoli f’dan l-​aspett. Iktar minn hekk, hi ħassitha konxja dwar l-​ippridkar, u għalhekk beżgħet taċċetta r-​responsabbiltajiet li jiġu wara l-​magħmudija. Hekk kif Kristina kompliet tistudja l-​Kelma t’Alla, hi bdiet tħoss il-​qawwa tagħha. Hi kienet qed titgħallem dwar il-​biżaʼ minn Ġeħova, u rrealizzat li Ġeħova jistenna li l-​qaddejja tiegħu jħobbuh b’qalbhom, moħħhom, ruħhom, u saħħithom kollha. (Marku 12:30) Dan qanqalha biex tiddedika lilha nfisha lil Ġeħova u titgħammed.

14 Kristina talbet lil Ġeħova għall-​għajnuna biex tagħmel progress spiritwali. “Kont naf li l-​ħajja taʼ pjanista tal-​kunċerti tinvolvi vvjaġġar bla waqfien u kuntratti biex tagħmel sa 400 kunċert fis-​sena,” tispjega Kristina. “Għalhekk, minflok, iddeċidejt li nsir għalliema sabiex inkun nistaʼ mmantni lili nnifsi finanzjarjament u naqdi bħala evanġelizzatriċi full-time.” F’dak iż-​żmien, Kristina diġà kellha l-​pjan li ddoqq pubblikament għall-​ewwel darba fl-​iktar sala tal-​kunċerti famuża taʼ pajjiżha. Hi tirrakkonta: “L-​ewwel kunċert li kelli kien fil-​fatt l-​aħħar wieħed.” Minn dak iż-​żmien, Kristina żżewġet anzjan Kristjan. Flimkien, huma issa jaqdu f’wieħed mill-​uffiċċji tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hi tinsab ferħana li Ġeħova taha s-​saħħa biex tagħmel deċiżjonijiet tajbin u li issa tistaʼ tuża l-​ħin u l-​enerġija tagħha fis-​servizz tiegħu.

Wirt Prezzjuż

15. David x’ried jagħti lil uliedu, u kif għamel dan?

15 “Ejjew uliedi, isimgħu lili,” kiteb David. “Jiena l-​biżaʼ tal-​Mulej ngħallimkom.” (Salm 34:12 [34:​11, NW]) Bħala missier, David kellu l-​intenzjoni li jagħti lil uliedu wirt prezzjuż​—il-​biżaʼ ġenwin, bilanċjat, u bnin minn Ġeħova. Bil-​kliem u bl-​għemil, David f’moħħu kellu lil Ġeħova, mhux bħala Alla li jitlob ħafna minna jew li hu tal-​biżaʼ, lest li jsib xi ksur tal-​liġijiet Tiegħu, iżda bħala Missier kollu mħabba, li jieħu ħsieb, u jaħfer lil uliedu fuq l-​art. David staqsa: “In-​nuqqas min jistaʼ jagħrfu?” Imbagħad, biex juri l-​fiduċja tiegħu li Ġeħova m’huwiex qiegħed jgħarbel in-​nuqqasijiet tagħna l-​ħin kollu, hu żied jgħid: “Aħfirli għad-​dnubiet li għamilt bla ma naf.” (NW) David kien żgur li jekk kien se jagħmel l-​aħjar li jistaʼ, kliemu u ħsibijietu setgħu jkunu aċċettabbli għal Ġeħova.​—Salm 19:​13, 15 (19:​12, 14, NW).

16, 17. Il-​ġenituri kif jistgħu jgħallmu lil uliedhom jibżgħu minn Ġeħova?

16 David huwa eżempju għall-​ġenituri llum. “Il-​ġenituri tagħna rabbewna b’mod li kien pjaċevoli li tkun fil-​verità,” jgħid Ralph, li flimkien maʼ ħuh jaqdi f’uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. “Meta konna żgħar, huma kienu jinkluduna fil-​konversazzjonijiet tagħhom dwar l-​attivitajiet tal-​kongregazzjoni, u aħna sirna entużjasti daqshom għall-​verità. Matul it-​trobbija tagħna, huma għenuna nemmnu li aħna nistgħu nagħmlu affarijiet tajbin fis-​servizz taʼ Ġeħova. Fil-​fatt, għal bosta snin il-​familja tagħna għexet f’pajjiż fejn hemm bżonn kbir taʼ pubblikaturi tas-​Saltna, u għenet biex jitwaqqfu kongregazzjonijiet ġodda.

17 “Dak li żammna fit-​triq it-​tajba ma kienx xi għadd taʼ regoli ebsin iżda l-​fatt li għall-​ġenituri tagħna Ġeħova kien reali u tassew ħanin u twajjeb. Huma fittxew li jsiru jafu lil Ġeħova aħjar u li jogħġbuh, u aħna tgħallimna mill-​biżaʼ veru minn Alla u mill-​imħabba tagħhom lejh. Anki meta konna nagħmlu xi ħaġa ħażina, il-​ġenituri tagħna ma ġagħluniex inħossuna li Ġeħova ma jħobbniex iktar; lanqas ma kienu jirrabjaw u jpoġġu restrizzjonijiet bla bżonn fuqna. Ħafna drabi huma kienu jpoġġuna bil-​qiegħda u jkellmuna u jipprovaw jilħqulna qalbna, ommi kultant bid-​dmugħ f’għajnejha. U rnexxielhom. Permezz tal-​kliem u l-​għemil tal-​ġenituri tagħna tgħallimna li l-​biżaʼ minn Ġeħova hu xi ħaġa sabiħa u l-​fatt li tkun wieħed mix-​Xhieda tiegħu huwa pjaċevoli, mhux taʼ piż.”​—1 Ġwanni 5:3.

18. X’se niksbu jekk ikollna l-​biżaʼ mill-​Alla l-​veru?

18 Fost “l-​aħħar kliem taʼ David” naqraw: “Min jaħkem fil-​biżaʼ taʼ Alla, hu bħad-​dawl taż-​żerniq maʼ tlugħ ix-​xemx.” (2 Samwel 23:​1, 3, 4) Salamun, l-​iben u s-​suċċessur taʼ David, milli jidher ħadu l-​punt, għax hu talab lil Ġeħova jagħtih “qalb għaqlija” u l-​abbiltà li ‘jagħraf bejn it-​tajjeb u l-​ħażin.’ (1 Slaten 3:​9, KŻ ) Salamun għaraf li l-​biżaʼ minn Ġeħova jirriżulta f’għerf u hena. Iktar tard, hu ġabar fil-​qosor il-​ktieb taʼ Koħèlet bil-​kliem: “Hawn hu l-​qofol tad-​diskors wara li nstamaʼ kollox: ‘Ħobb lil Alla u ħares il-​kmandamenti tiegħu, għax f’dan jinġabar il-​bniedem kollu.’ Għax Alla jġib għall-​ħaqq tiegħu l-​għemejjel kollha, sa l-​inqas ħaġa moħbija, sew tajba u sew ħażina.” (Koħèlet 12:​13, 14) Jekk nimxu fuq dan il-​parir, tabilħaqq aħna nsibu li “l-​frott taʼ l-​umiltà u tal-​biżaʼ t’Alla” mhux biss huwa għerf u hena imma wkoll “għana, glorja u ħajja.”​—Proverbji 22:​4, KŻ.

19. X’se jgħinna nifhmu “l-​biżaʼ tal-​Mulej”?

19 Mill-​eżempji Bibliċi u l-​esperjenzi moderni, aħna naraw li l-​biżaʼ veru minn Alla jilgħab parti pożittiva fil-​ħajja tal-​qaddejja veri taʼ Ġeħova. Biżaʼ bħal dan mhux biss iżommna lura milli nagħmlu dak li ma jogħġobx lil Missierna tas-​sema iżda wkoll jagħtina l-​kuraġġ biex niffaċċjaw l-​avversarji tagħna u s-​saħħa biex nissaportu l-​provi u t-​tbatijiet li niġu wiċċ imbwiċċ magħhom. Għalhekk, ejjew ilkoll, żgħar u kbar, inħabirku biex nistudjaw il-​Kelma t’Alla, nimmeditaw fuq dak li nitgħallmu, u nersqu qrib lejn Ġeħova permezz taʼ talb regulari u mill-​qalb. Jekk nagħmlu dan, mhux biss se nsibu “t-​tagħrif taʼ Alla” imma wkoll nifhmu “l-​biżaʼ tal-​Mulej.”​—Proverbji 2:​1-5.

[Noti taʼ taħt]

a L-ismijiet ġew mibdulin.

b Din setgħet kienet waħda mill-​esperjenzi li qanqlu lil David biex jikkomponi Salm 57 u 142.

Tistaʼ Tispjega?

Il-​biżaʼ minn Alla kif jistaʼ

• jgħin lil dak li jkun jirkupra minn dnub serju?

• iġib hena waqt provi u persekuzzjoni?

• isaħħaħna biex nagħmlu r-​rieda t’Alla?

• ikun wirt prezzjuż għal uliedna?

[Stampa f’paġna 26]

Il-​biżaʼ minn Ġeħova żamm lil David lura milli joqtol lis-​Sultan Sawl

[Stampi f’paġna 29]

Il-​biżaʼ minn Alla huwa wirt prezzjuż li l-​ġenituri jistgħu jagħtu lil uliedhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja