LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 8/15 pp. 16-19
  • Bàruk—Is-Segretarju Leali taʼ Ġeremija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Bàruk—Is-Segretarju Leali taʼ Ġeremija
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Familja u l-​Pożizzjoni Soċjali Tiegħu
  • Jappoġġa lil Ġeremija Pubblikament
  • Tfittixx “Ħwejjeġ Kbar”
  • Bàruk Jerġaʼ Jappoġġa lil Ġeremija
  • X’Nistgħu Nitgħallmu minn Bàruk?
  • Evita li “Tfittex Ħwejjeġ Kbar Għalik Innifsek”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Ibni ħbiberiji b’saħħithom qabel jiġi t-tmiem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Ġeħova Jħares Lejna għall-Ġid Tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Jehovah Ibierek u Jħares lil Min Hu Ubbidjenti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 8/15 pp. 16-19

Bàruk—Is-​Segretarju Leali taʼ Ġeremija

TAF MIN hu “Bàruk bin Nerija”? (Ġeremija 36:4) Għalkemm jissemma biss f’erbaʼ kapitli tal-​Bibbja, hu magħruf sew mal-​qarrejja tal-​Bibbja bħala s-​segretarju persunali u ħabib tal-​qalb tal-​profeta Ġeremija. Flimkien huma ġarrbu l-​aħħar 18-il sena taʼ taqlib tas-​saltna taʼ Ġuda, il-​qerda tal-​biżaʼ taʼ Ġerusalemm mill-​Babiloniżi fis-​607 Q.E.K., u l-​eżilju fl-​Eġittu li seħħ wara dan.

F’dawn l-​aħħar snin instabu żewġ siġilli tat-​tafala mis-​sebaʼ seklu Q.E.K. bil-​kliem “Taʼ Berekjaħu [Isem Bàruk bl-​Ebrajk], bin Nerijaħu [Isem Nerija bl-​Ebrajk], l-​Iskriba,” li qajmu l-​kurżità taʼ l-​istudjużi f’dan il-​persunaġġ Bibliku. Min kien Bàruk? X’kien l-​isfond tal-​familja tiegħu, l-​edukazzjoni tiegħu, u x’pożizzjoni soċjali kellu? X’jurina l-​fatt li hu appoġġa b’mod sod lil Ġeremija? X’nistgħu nitgħallmu minnu? Ejja nfittxu t-​tweġibiet billi naraw l-​informazzjoni Biblika u storika li hija disponibbli.

Il-​Familja u l-​Pożizzjoni Soċjali Tiegħu

Ħafna studjużi llum jemmnu li Bàruk kien ġej minn familja prominenti taʼ skribi f’Ġuda. Huma jagħtu diversi raġunijiet għal din il-​konklużjoni. Per eżempju, ir-​rakkont tal-​Bibbja jirreferi għal Bàruk b’titlu speċjali, “is-​segretarju” (NW), jew il-​“kittieb,” jew l-​iskriba, f’ċerti traduzzjonijiet. L-​Iskrittura ssemmi wkoll li Xeraja, ħuh, kien uffiċjal importanti fil-​qorti tas-​Sultan Sedekija.—Ġeremija 36:32; 51:59.

L-arkeologu Philip J. King kiteb hekk dwar l-​iskribi fi żmien Ġeremija: “L-​iskribi, membri taʼ klassi taʼ professjonisti, kienu nies prominenti f’Ġuda lejn l-​aħħar tas-​sebaʼ seklu u l-​bidu tas-​sitt seklu Q.E.K. . . . It-​titlu kien jingħata lil uffiċjali rjali għoljin.”

Barra minn hekk, ir-​rakkont f’Ġeremija kapitlu 36, li se nikkunsidrawh fid-​dettall, jagħtina l-​impressjoni li Bàruk kellu aċċess għall-​kunsillieri tas-​sultan u kellu l-​permess juża s-​sala tal-​pranzu, jew il-​kamra tal-​kabinett, taʼ Gemarija, li kien prinċep jew xi uffiċjal. L-​istudjuż tal-​Bibbja James Muilenberg jagħti raġuni għal din l-​opinjoni: “Bàruk setaʼ jidħol fil-​kamra tal-​kabinett taʼ l-​iskriba għaliex kellu dritt u hu nnifsu kien wieħed mill-​uffiċjali rjali li kienu nġabru flimkien għall-​okkażjoni kruċjali tal-​qari pubbliku taʼ l-​iskroll. Hu kien fost il-​kollegi tiegħu.”

Il-pubblikazzjoni Corpus of West Semitic Stamp Seals tagħti raġuni oħra għall-​pożizzjoni soċjali taʼ Bàruk: “Ladarba s-​siġill taʼ Berekjaħu kien jinsab flimkien maʼ ġabra kbira taʼ siġilli t’uffiċjali għoljin oħrajn, huwa raġunevoli li nassumu li Bàruk/Berekjaħu kien jaqdi fl-​istess kategorija uffiċjali li fiha kienu jaqdu uffiċjali oħrajn.” L-​informazzjoni disponibbli donnha tindika li Bàruk u ħuh Xeraja kienu uffiċjali għoljin li appoġġaw lill-​profeta leali Ġeremija fis-​snin drammatiċi taʼ qabel il-​qerda taʼ Ġerusalemm.

Jappoġġa lil Ġeremija Pubblikament

B’mod kronoloġiku, Bàruk jidher għall-​ewwel darba f’Ġeremija kapitlu 36, “fir-​rabaʼ sena taʼ Ġeħojakim,” jew madwar is-​sena 625 Q.E.K. Sa dak iż-​żmien, Ġeremija kien ilu jaqdi bħala profeta għal 23 sena.—Ġeremija 25:​1-3; 36:​1, 4.

Ġeħova issa qal lil Ġeremija: “Ħu romblu tal-​kitba, u ikteb fuqu l-​kliem kollu li jien għedtlek dwar Iżrael, u dwar Ġuda, u dwar il-​ġnus kollha minn . . . żmien Ġosija sa dan il-​jum.” Ir-​rakkont ikompli: “Ġeremija sejjaħ lil Bàruk bin Nerija, u Bàruk beda jikteb minn fomm Ġeremija l-​kliem kollu tal-​Mulej.”—Ġeremija 36:​2-4.

Għala sejjaħ lil Bàruk? Ġeremija qallu: “Magħluq hawnhekk kif jien, ma nistax immur f’dar il-​Mulej.” (Ġeremija 36:5) Milli jidher, kien projbit għal Ġeremija li jmur fl-​inħawi tat-​tempju fejn kellu jinqara l-​messaġġ taʼ Ġeħova, forsi minħabba li l-​messaġġi taʼ qabel kienu rrabjaw lill-​awtoritajiet. (Ġeremija 26:​1-9) Bla dubju taʼ xejn, Bàruk kien aduratur sinċier taʼ Ġeħova, u hu “għamel kollox skond ma ordnalu Ġeremija, il-​profeta.”—Ġeremija 36:8.

Sabiex jinkitbu t-​twissijiet li kienu ngħataw matul it-​23 sena taʼ qabel kien hemm bżonn iż-​żmien, u forsi Ġeremija kien qed jistenna wkoll iż-​żmien adattat. Imma f’Novembru jew Diċembru tas-​sena 624 Q.E.K., bil-​qlubija Bàruk “qara mill-​ktieb f’widnejn il-​poplu kollu l-​kliem taʼ Ġeremija f’dar il-​Mulej, fil-​kamra taʼ Gemarija.”—Ġeremija 36:​8-10.

Mikija bin Gemarija informa lil missieru u lil għadd taʼ prinċpijiet dwar dak li ġara, u huma stiednu lil Bàruk biex jaqra r-​romblu b’leħen għoli għat-​tieni darba. “U ġara,” jgħid ir-​rakkont, “li malli semgħu dan il-​kliem kollu beżgħu, u bdew iħarsu lejn xulxin, u jgħidu lil Bàruk: ‘Ikollna ngħarrfu lis-​sultan b’dan kollu. . . . Mur u nħeba, int u Ġeremija, u ħadd m’għandu jkun jaf fejn intom.’”—Ġeremija 36:​11-19.

Meta s-​Sultan Ġeħojakim semaʼ x’kien kiteb Bàruk skond ma tkellem Ġeremija, bir-​rabja hu qattaʼ r-​romblu, tefgħu fin-​nar, u kkmanda lill-​irġiel tiegħu biex jarrestaw lil Ġeremija u lil Bàruk. Malli ta l-​ordni Ġeħova, iż-​żewġt irġiel reġgħu għamlu kopja tar-​romblu waqt li kienu mistoħbijin.—Ġeremija 36:​21-32.

M’hemm ebda dubju li Bàruk kien jaf bil-​perikli involuti f’dan l-​inkarigu. Żgur li kien jaf bit-​theddid kontra Ġeremija ftit tas-​snin qabel. Hu żgur li semaʼ wkoll dwar kif spiċċa Urija, li kien ipprofetizza “bi kliem taʼ Ġeremija” imma li kien inqatel mis-​Sultan Ġeħojakim. Xorta waħda, Bàruk kien lest li juża l-​abbiltajiet professjonali tiegħu u l-​ħbiberiji maʼ l-​uffiċjali tal-​gvern biex jappoġġa lil Ġeremija fl-​inkarigu tiegħu.—Ġeremija 26:​1-9, 20-24.

Tfittixx “Ħwejjeġ Kbar”

Matul il-​kitba taʼ l-​ewwel romblu, Bàruk għadda minn perijodu taʼ niket. Hu qal: “Jaħasra għalija, li qiegħed iżidli l-​Mulej l-​għali man-​niket li għandi. Jien għejejt nokrob, u ma nistax insib mistrieħ.” X’kienet ir-​raġuni għal din il-​kriżi?—Ġeremija 45:​1-3.

Ma tingħata ebda tweġiba diretta. Imma ipprova immaġina s-​sitwazzjoni taʼ Bàruk. Il-​ġabra fil-​qosor tat-​23 sena taʼ twissijiet lill-​poplu taʼ Iżrael u Ġuda żgur li wrew b’mod ċar l-​apostasija tagħhom u l-​fatt li ċaħdu lil Ġeħova. Id-​deċiżjoni taʼ Ġeħova li jeqred lil Ġerusalemm u lil Ġuda u li jeżilja lill-​ġens għal 70 sena f’Babilonja—informazzjoni li Ġeħova kixef f’dik l-​istess sena u forsi inkludieha fir-​romblu—setgħet ħasdet lil Bàruk. (Ġeremija 25:​1-11) Iktar minn hekk, kien hemm ir-​riskju li l-​appoġġ sod li ta lil Ġeremija f’dan iż-​żmien kruċjali setaʼ jiswielu l-​pożizzjoni u l-​karriera tiegħu.

Kien x’kien il-​każ, Ġeħova nnifsu interviena biex jgħin lil Bàruk iżomm f’moħħu l-​ġudizzju li kien ġej. “Dak li jien bnejt, nħottu, u dak li jien ħawwilt, naqilgħu, jiġifieri l-​art kollha,” qal Ġeħova. Imbagħad hu ta l-​parir lil Bàruk: “Jaqaw int qiegħed tfittex ħwejjeġ kbar? Tfittixhomx.”—Ġeremija 45:​4, 5.

Ġeħova ma qalx b’mod speċifiku x’kienu dawn il-​“ħwejjeġ kbar,” imma Bàruk żgur li kien jaf jekk kinux ambizzjonijiet egoistiċi, prominenza, jew prosperità materjali. Ġeħova tah il-​parir biex ikun realistiku u jiftakar dwar dak li kien ġej: “Arani, se nġib il-​ħsara fuq kull bniedem, . . . imma lilek inħallilek ħajtek bħallikieku priża tal-​gwerra, kull fejn tmur.” L-​iktar ħaġa prezzjuża li kellu Bàruk, ħajtu, kienet se tiġi preservata kulfejn setaʼ jmur.—Ġeremija 45:5.

Wara dawn il-​ġrajjiet deskritti f’Ġeremija kapitli 36 u 45, li seħħew mis-​sena 625 sas-​sena 624 Q.E.K., il-​Bibbja ma tgħidilna xejn dwar Bàruk sa ftit qabel ma l-​Babiloniżi qerdu lil Ġerusalemm u Ġuda fis-​sena 607 Q.E.K. X’ġara dak iż-​żmien?

Bàruk Jerġaʼ Jappoġġa lil Ġeremija

Matul l-​assedju taʼ Ġerusalemm mill-​Babiloniżi, Bàruk jerġaʼ jissemma fir-​rakkont Bibliku. Ġeremija kien “magħluq fil-​bitħa taʼ l-​għassa” meta Ġeħova qallu biex jixtri l-​għalqa f’Għanatot bħala sinjal li kien se jkun hemm restawrazzjoni. Bàruk ġie msejjaħ biex jgħin bil-​proċeduri legali.—Ġeremija 32:​1, 2, 6, 7.

Ġeremija spjega: “Ktibt il-​kuntratt u ssiġillajtu, sejjaħt ix-​xhieda u wiżint il-​flus fil-​miżien. U ħadt il-​kitba tax-​xiri ssiġillata . . . u l-​kopja miftuħa. U tajt dan il-​kuntratt tax-​xiri lil Bàruk.” Imbagħad, hu kkmanda lil Bàruk biex jissiġilla l-​kuntratti tax-​xiri f’ġarra tal-​fuħħar ħalli jibqgħu sħaħ għal ħafna snin. Xi studjużi jgħidu li meta Ġeremija qal li ‘kiteb’ il-​kuntratt, hu kien qed jindika li hu qalu bil-​kliem lil Bàruk, l-​iskriba professjonali, li fil-​fatt kien se jagħmel il-​kitba.—Ġeremija 32:​10-14; 36:​4, 17, 18; 45:1.

Bàruk u Ġeremija segwew il-​prattiki legali taʼ dak iż-​żmien. Aspett wieħed kien il-​kuntratt doppju. Il-​ktieb Corpus of West Semitic Stamp Seals jispjega: “L-​ewwel kuntratt kien jissejjaħ il-​‘kuntratt siġillat’ minħabba li kien romblat u siġillat b’dawn is-​siġilli; dan kien ikun fih il-​verżjoni oriġinali tal-​kuntratt. . . . It-​tieni, ‘kuntratt miftuħ’ kien kopja tal-​verżjoni siġillata u marbuta, u kien isir biex jintuża fil-​ħajja taʼ kuljum. Għalhekk, kien ikun hemm żewġ dokumenti, l-​oriġinali u kopja duplikata, miktubin fuq żewġ karti tal-​papiru separati.” Is-​sejbiet arkeoloġiċi jixhdu għal din id-​drawwa li d-​dokumenti jiġu merfugħin f’reċipjenti tal-​fuħħar.

Fl-aħħar, il-​Babiloniżi ħatfu lil Ġerusalemm, ħarquha, u ħadu lil kulħadd fl-​eżilju minbarra xi ftit uħud foqra. Nabukodonosor ħatar lil Gedalija bħala gvernatur. Hu nqatel xahrejn wara. Il-​Lhud li kien għad baqaʼ ppjanaw li jmorru l-​Eġittu, kuntrarju għall-​parir ispirat taʼ Ġeremija, u huwa f’dan il-​kuntest li Bàruk jerġaʼ jissemma.—Ġeremija 39:​2, 8; 40:5; 41:​1, 2; 42:​13-17.

Il-mexxejja Lhud qalu lil Ġeremija: “Int qiegħed tigdbilna! Ma bagħtikx il-​Mulej, Alla tagħna, tgħidilna ‘La tmorrux l-​Eġittu biex tgħammru hemm.’ Bàruk bin Nerija qiegħed jgħawwik għalina biex jerħina f’idejn il-​Kaldin ħalli joqtluna jew jeħduna fl-​eżilju f’Babilonja.” (Ġeremija 43:​2, 3) L-​akkużi donnhom juru li l-​mexxejja Lhud kienu jemmnu li Bàruk kellu influwenza konsiderevoli fuq Ġeremija. Jistaʼ jkun li kienu jaħsbu li minħabba l-​pożizzjoni taʼ Bàruk jew minħabba l-​ħbiberija li kellu għal żmien twil maʼ Ġeremija, hu kien iktar minn sempliċi skriba għall-​profeta? Jistaʼ jkun, imma ħasbu x’ħasbu l-​mexxejja reliġjużi Lhud, il-​messaġġ ġie minn Ġeħova.

Minkejja t-​twissijiet divini, il-​Lhud li kien għad baqaʼ telqu u ħadu magħhom lil “Ġeremija, il-​profeta, u ’l Bàruk bin Nerija.” Ġeremija kiteb: “Marru fl-​art taʼ l-​Eġittu, għax ma semgħux minn kelmet il-​Mulej, u waslu sa fl-​inħawi taʼ Taħfanħes,” belt li tinsab mal-​lvant tal-​fetħa tax-​xmara Nil, maġenb is-​Sinaj. Wara dan, Bàruk ma jerġax jissemma fir-​rakkont Bibliku.—Ġeremija 43:​5-7.

X’Nistgħu Nitgħallmu minn Bàruk?

Hemm ħafna lezzjonijiet prezzjużi li nistgħu nitgħallmu minn Bàruk. Lezzjoni waħda li tispikka hi l-​ħerqa li wera biex juża l-​abbiltajiet professjonali tiegħu u l-​kuntatti li kellu għas-​servizz taʼ Ġeħova, minkejja l-​konsegwenzi. Ħafna Xhieda taʼ Ġeħova llum—irġiel u nisa—juru l-​istess attitudni, meta joffru l-​abbiltajiet tagħhom b’konnessjoni mas-​servizz f’Betel, max-​xogħol tal-​bini, u affarijiet bħal dawn. Int kif tistaʼ turi attitudni bħal taʼ Bàruk?

Meta Bàruk ġie mfakkar li matul l-​aħħar jiem taʼ Ġuda ma kienx il-​waqt li jfittex “ħwejjeġ kbar” għalih innifsu, jidher ċar li hu wieġeb b’mod pożittiv, għaliex hu tassew ġie salvat. Huwa raġunevoli li napplikaw dan il-​parir għalina nfusna, għaliex aħna wkoll ngħixu fl-​aħħar jiem tas-​sistema dinjija. Il-​wegħda taʼ Ġeħova għalina hi l-​istess—ħajjitna se tiġi salvata. Nistgħu nwieġbu għal dawn it-​tfakkiriet bħalma għamel Bàruk?

Hemm ukoll lezzjoni prattika li nistgħu nitgħallmu minn din l-​istorja. Bàruk għen lil Ġeremija u lil kuġinuh biex jagħmlu l-​proċeduri legali neċessarji fin-​negozju tagħhom, avolja ż-​żewġt irġiel kienu qraba. Dan iservi bħala eżempju Skritturali għall-​Kristjani dwar kif għandhom jidħlu f’negozju maʼ ħuthom spiritwali. Huwa Skritturali, prattiku, u taʼ mħabba li jiġi segwit dan l-​eżempju taʼ ftehim taʼ negozju li jiġi mniżżel bil-​miktub.

Għalkemm Bàruk jissemma ftit biss fil-​Bibbja, illum il-​Kristjani kollha għandhom jinnotawh. Se timita int lil dan l-​eżempju mill-​aqwa tas-​segretarju leali taʼ Ġeremija?

[Nota taʼ taħt]

a Dan is-​siġill hu ċappa żgħira tafal li tintuża biex tissiġilla l-​qafla li torbot dokument importanti. It-​tafal kien jiġi mmarkat permezz taʼ siġill li kien jidentifika ’l min jappartjeni d-​dokument jew lil min bagħtu.

[Stampa f’paġna 16]

Is-​siġill taʼ Bàruk

[Sors]

Siġill: Courtesy of Israel Museum, Jerusalem

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja