LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 10/1 pp. 12-17
  • Jehovah Ibierek u Jħares lil Min Hu Ubbidjenti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah Ibierek u Jħares lil Min Hu Ubbidjenti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġens Diżubbidjenti Jsir Priża
  • Sultan Irrovinat Minħabba Ħbiberija Ħażina
  • Segretarju Salvat Talli Obda
  • L-​Ubbidjenza Matul Assedju Salvat il-​Ħajjiet
  • Ubbidjenza Meta Jattakka Gog
  • L-​Ubbidjenza Tnissel it-​Tama
  • Evita li “Tfittex Ħwejjeġ Kbar Għalik Innifsek”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Bàruk—Is-Segretarju Leali taʼ Ġeremija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Ġeħova Jħares Lejna għall-Ġid Tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Ġeħogħas Telaq lil Ġeħova Minħabba Kumpanija Ħażina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 10/1 pp. 12-17

Jehovah Ibierek u Jħares lil Min Hu Ubbidjenti

“Min jismaʼ lili jgħix moħħu mistrieħ, bla ebda tfixkil, bla biżaʼ tal-​ħsara.”—Proverbji 1:33.

1, 2. L-ubbidjenza lejn Alla għala hija importanti? Agħti eżempju.

IL-​FLIELES b’rixhom isfar u artab jinsabu medhijin inaqqru l-​ikel minn ġol-​ħaxix qasir, mingħajr ma qed jindunaw li fil-​għoli hemm seqer idur fuqhom. F’daqqa waħda, il-​qroqqa tibda tqaqi b’leħen għoli u mriegħed bħala twissija u tiftaħ ġwenħajha. Il-​flieles tagħha jiġru lejha, u fi ftit sekondi jinħbew fil-​kenn taʼ ġwenħajha. L-​attakk tas-​seqer jiġi fix-​xejn.a X’nitgħallmu minn dan? Li l-​ubbidjenza ssalva l-​ħajjiet!

2 Din it-​tagħlima hija importanti ferm għall-​Kristjani llum, għax Satana qed jagħmel minn kollox biex jaħtaf lin-​nies t’Alla. (Apokalissi 12:​9, 12, 17) Il-​mira tiegħu hi li jkisser l-​ispiritwalità tagħna sabiex b’hekk nitilfu l-​favur taʼ Jehovah u l-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem. (1 Pietru 5:8) Madankollu, jekk nibqgħu qrib t’Alla u naġixxu mill-​ewwel għad-​direzzjoni li nirċievu permezz tal-​Kelma u l-​organizzazzjoni tiegħu, nistgħu nibqgħu ċerti li hu se jipproteġina. “Bir-​rix tiegħu jgħattik, u taħt ġwenħajh tistkenn,” kiteb is-​salmista.—Salm 91:4.

Ġens Diżubbidjenti Jsir Priża

3. X’kien ir-​riżultat talli l-​Iżraelin m’obdewx għal darba wara l-​oħra?

3 Meta l-​ġens taʼ Iżrael kien jobdi lil Jehovah, dejjem kien jibbenefika mill-​protezzjoni tiegħu. Iżda b’sogħba, għal darba wara l-​oħra l-​poplu ta dahru lill-​Ħallieq u dar lejn allat taʼ l-​injam u tal-​ġebel—‘allat fiergħa, li la setgħu jgħinuhom u lanqas isalvawhom.’ (1 Samwel 12:21) Wara li dam jirribella b’dan il-​mod għal mijiet taʼ snin, il-​ġens kollu kemm hu tant kien mgħarraq fl-​apostasija li ma kien hemm l-​ebda tama għalih. Għaldaqstant, Ġesù lmenta: “Ġerusalemm, Ġerusalemm, int li toqtol il-​profeti u tħaġġar il-​messaġġiera mibgħutin lilek, kemm-il darba ridt niġbor lil uliedek bħalma l-​qroqqa tiġbor il-​flieles taħt ġwenħajha, u int ma ridtx! Ara, darkom għad iħalluhielkom ħerba!”​—Mattew 23:​37, 38.

4. Fis-​sena 70 E.K., kif deher ċar li Jehovah kien abbanduna lil Ġerusalemm?

4 Il-​fatt li Jehovah kien abbanduna lil Iżrael apostat deher ċar u b’mod agonizzanti fis-​sena 70 E.K. F’dik is-​sena l-​eżerċti Rumani, bl-​istendardi tagħhom imżejnin bix-​xbieha taʼ l-​ajkla merfugħin ’il fuq, niżlu b’ħeffa lejn Ġerusalemm biex jagħmlu massakru tal-​biżaʼ. Il-​belt f’dawk il-​ġranet kienet miżgħuda bin-​nies li kienu telgħu għaċ-​ċelebrazzjoni tal-​Qbiż. Il-​ħafna sagrifiċċji li għamlu ma ġabulhomx il-​favur t’Alla. Dan ifakkarna traġikament fil-​kliem li Samwel qal lis-​Sultan Sawl meta dan kien naqas li jobdi: “Jaqaw il-​Mulej jogħġbuh il-​vittmi tal-​ħruq u s-​sagrifiċċji aktar mis-​smigħ tal-​kelma tal-​Mulej? Ara, l-​ubbidjenza hi aqwa mis-​sagrifiċċji; is-​smigħ, aħjar mix-​xaħam tal-​muntun.”—1 Samwel 15:22.

5. Liema tip t’ubbidjenza jrid Jehovah, u kif nafu li ubbidjenza bħal din hija possibbli?

5 Minkejja l-​enfasi li jagħmel fuq l-​ubbidjenza, Jehovah jaf tajjeb x’inhuma l-​limitazzjonijiet tal-​bnedmin imperfetti. (Salm 130:​3, 4) Dak li jirrikjedi hu qalb sinċiera u ubbidjenza bbażata fuq il-​fidi, l-​imħabba, u l-​biżaʼ bnin li ma nogħġbuhx. (Dewteronomju 10:​12, 13; Proverbji 16:6; Isaija 43:10; Mikea 6:8; Rumani 6:​17) Ubbidjenza bħal din hija possibbli bħalma wrew ‘sħaba kbira taʼ xhieda’ qabel l-​era Kristjana, li żammew l-​integrità tagħhom minkejja li kellhom iħabbtu wiċċhom maʼ provi tal-​biżaʼ, saħansitra l-​mewt. (Lhud 11:​36, 37; 12:1) Kemm ferrħulu qalbu lil Jehovah dawn l-​uħud! (Proverbji 27:11) Madankollu, kien hemm oħrajn li għall-​ewwel bdew tajjeb u kienu leali imma mbagħad ma baqgħux jobdu. Wieħed minn dawn kien is-​Sultan Ġowas f’Ġuda tal-​qedem.

Sultan Irrovinat Minħabba Ħbiberija Ħażina

6, 7. X’tip taʼ sultan kien Ġowas sakemm Ġeħojada kien għadu ħaj?

6 Meta kien għadu tarbija, is-​Sultan Ġowas ħelisha ħafif milli jiġi maqtul. Meta Ġowas kellu sebaʼ snin, il-​Qassis il-​Kbir Ġeħojada għamel il-​qalb u ħarġu minfejn kien mistoħbi u għamlu sultan. Peress li Ġeħojada, li kien jibżaʼ minn Alla, għamilha taʼ missier u kunsillier għal Ġowas, il-​ħakkiem żagħżugħ ‘baqaʼ jagħmel is-​sewwa f’għajnejn il-​Mulej sakemm dam ħaj Ġeħojada, il-​qassis.’​—2 Kronaki 22:10–​23:​1, 11; 24:​1, 2.

7 Fost l-​għemejjel tajbin li għamel Ġowas kien hemm it-​tiġdid tat-​tempju—għemil li kien ħafna għal qalb Ġowas. Hu fakkar lill-​Qassis il-​Kbir Ġeħojada li kien hemm bżonn li jiġbru t-​taxxa tat-​tempju minn Ġuda u Ġerusalemm, bħalma kienet “ordnata minn Mosè,” sabiex ikunu jistgħu jħallsu x-​xogħol tat-​tiswija. Milli jidher, Ġeħojada kien irnexxielu jinkuraġġixxi lis-​sultan żagħżugħ biex jistudja u jobdi l-​Liġi t’Alla. Bħala riżultat, ix-​xogħol fuq it-​tempju u t-​tagħmir għat-​tempju tlesta f’qasir żmien.—2 Kronaki 24:​4, 6, 13, 14; Dewteronomju 17:18.

8. (a) X’kienet il-​kawża ewlenija li wasslet għar-​rovina spiritwali taʼ Ġowas? (b) Id-​diżubbidjenza tas-​sultan x’wasslitu biex jagħmel fl-​aħħar mill-​aħħar?

8 B’sogħba, Ġowas ma baqax jobdi lil Jehovah sa l-​aħħar. Għala? Il-​Kelma t’Alla tgħidilna: “Meta miet Ġeħojada l-​prinċpijiet taʼ Ġuda marru jsellmu lis-​sultan b’wiċċhom fl-​art, u mbagħad is-​sultan tahom widen. Huma ħallew it-​tempju tal-​Mulej, Alla taʼ missirijiethom, u marru jaqdu x-​xbihat taʼ l-​Asera u l-​idoli. U l-​korla tal-​Mulej xegħlet kontra Ġuda u Ġerusalemm minħabba din il-​ħtija tagħhom.” L-​influwenza ħażina tal-​prinċpijiet taʼ Ġuda wasslet ukoll lis-​sultan biex isodd widnejh għall-​profeti t’Alla, li wieħed minnhom kien Żakkarija bin Ġeħojada. Dan bi qlubija ċanfar lil Ġowas u lin-​nies għad-​diżubbidjenza tagħhom. Minflok ma nidem, Ġowas ordna li Żakkarija jiġi mħaġġar. X’qalb taż-​żonqor kien rabba Ġowas u kemm kien sar diżubbidjenti—dan kollu għax ċeda għall-​influwenza taʼ ħbieb ħżiena!—2 Kronaki 24:​17-​22; 1 Korintin 15:33.

9. Il-​fatt li d-​diżubbidjenza hija bluha kif jiġi enfasizzat minn dak li ġara fl-​aħħar lil Ġowas u lill-​prinċpijiet?

9 Xi ġralhom Ġowas u l-​prinċpijiet mill-​agħar li kien jagħmilha magħhom, issa li kienu abbandunaw lil Jehovah? Forza militari Sirjana—“bi ftit nies”—invadiet lil Ġuda ‘u qerdet mill-​poplu l-​prinċpijiet kollha tiegħu.’ L-​invażuri ġagħlu wkoll lis-​sultan jagħtihom ġidu stess kif ukoll id-​deheb u l-​fidda tat-​tempju. Għalkemm Ġowas baqaʼ ħaj, hu spiċċa raġel dgħajjef u marid. Ftit żmien wara, xi wħud mill-​qaddejja tiegħu għamlu konfoffa kontrih u qatluh. (2 Kronaki 24:​23-​25; 2 Slaten 12:​18, 19 [12:​17, 18, NW]) Kemm kien minnu l-​kliem li Jehovah qal lil Iżrael: “Jekk int ma tismax leħen il-​Mulej, Alla tiegħek, u ma tħarisx u ma tagħmilx l-​ordnijiet u l-​liġijiet tiegħu . . . , saħtiet . . . jiġu fuqek u jilħquk.”—Dewteronomju 28:15.

Segretarju Salvat Talli Obda

10, 11. (a) Għala huwa t’għajnuna li nirriflettu fuq il-​parir li Jehovah ta lil Baruk? (b) Jehovah liema parir tah lil Baruk?

10 Tħossok kultant skuraġġit għax fil-​ministeru Kristjan ma tantx tiltaqaʼ maʼ nies li juru interess fl-​aħbar tajba? Ġieli jiġuk mumenti meta tibda tgħir xi ftit għal uħud tat-​tajjeb u għall-​mod kapriċċuż kif jgħixu ħajjithom? Jekk inhu hekk, aħseb ftit dwar Baruk, is-​segretarju taʼ Ġeremija, u l-​parir li ngħata b’imħabba minn Jehovah.

11 Baruk kien qed jikteb messaġġ profetiku meta hu nnifsu ġibed l-​attenzjoni taʼ Jehovah. Għala? Għax Baruk beda jiddispjaċih dwar xortih fil-​ħajja u beda jixtieq xi ħaġa aħjar mill-​privileġġ speċjali li kellu li jaqdi lil Alla. Jehovah innota din il-​bidla fl-​attitudni taʼ Baruk u tah parir sod imma bi ħlewwa, billi qallu: “Jaqaw int qiegħed tfittex ħwejjeġ kbar? Tfittixhomx, għax, arani, se nġib il-​ħsara fuq kull bniedem, . . . imma lilek inħallilek ħajtek bħallikieku priża tal-​gwerra, kull fejn tmur.”​—Ġeremija 36:​4; 45:5.

12. Għala għandna nevitaw li nfittxu “ħwejjeġ kbar” għalina nfusna fis-​sistema preżenti t’affarijiet?

12 Mill-​kliem li Alla qal lil Baruk, tistaʼ tinnota l-​interess profond li Jehovah wera lejn dan ir-​raġel mill-​aħjar, li kien qdieh lealment u bi qlubija flimkien maʼ Ġeremija? Bl-​istess mod illum, Jehovah jimpurtah ferm minn individwi li f’din is-​sistema t’affarijiet qed jitħajru jfittxu opportunitajiet li f’għajnejhom jidhru aħjar. B’ferħ, ħafna wħud bħal dawn għamlu bħal Baruk u mxew fuq il-​pariri taʼ mħabba li ngħataw minn aħwa spiritwali maturi. (Luqa 15:​4-7) Iva, jalla lkoll kemm aħna nifhmu li m’hemm l-​ebda futur għal dawk li jfittxu “ħwejjeġ kbar” għalihom infushom f’din is-​sistema. Dawn l-​uħud mhux talli mhux se jirnexxilhom isibu l-​ferħ veru imma, jerġaʼ agħar minn hekk, dalwaqt se jgħaddu maʼ din id-​dinja u x-​xewqat egoistiċi kollha tagħha.​—Mattew 6:​19, 20; 1 Ġwann 2:​15-​17.

13. Ir-​rakkont dwar Baruk x’jgħallimna rigward l-​umiltà?

13 Ir-​rakkont dwar Baruk jgħallimna wkoll lezzjoni mill-​aqwa dwar l-​umiltà. Innota li Jehovah ma tax parir lil Baruk direttament iżda tkellem permezz taʼ Ġeremija. Min-​naħa tiegħu, Baruk kien familjari sew mad-​dgħjufijiet taʼ Ġeremija u mal-​mod kif dan kien jaħsibha u jaġixxi. (Ġeremija 45:​1, 2) Madankollu, Baruk ma ħalliex il-​kburija tegħlbu; b’umiltà hu għaraf minfejn kien ġej verament il-​parir—mingħand Jehovah. (2 Kronaki 26:​3, 4, 16; Proverbji 18:12; 19:20) Għalhekk, jekk nagħmlu xi ħaġa ħażina bla ma nindunaw u ningħataw il-​parir li jkollna bżonn mill-​Kelma t’Alla, ejja nuru l-​istess maturità, dehen spiritwali, u umiltà taʼ Baruk.—Galatin 6:1.

14. Għala nagħmlu tajjeb jekk nobdu lil dawk li qed imexxuna?

14 Attitudni umli bħal din min-​naħa tagħna tgħin ukoll lil dawk li jagħtuna parir. Lhud 13:17 jgħid: “Oqogħdu għal dawk li jmexxukom, u obduhom, għax huma jgħassu fuqkom għall-​ġid tagħkom, bħala nies li għad iridu jagħtu kont tagħkom. Hekk huma jaqdu dan id-​dmir bil-​ferħ, u mhux bi swied il-​qalb; għax dan ma jkun jiswielkom taʼ ebda ġid.” Min jaf kemm-il darba l-​anzjani jiftħu qalbhom maʼ Jehovah, u jitolbuh biex jagħtihom il-​kuraġġ, l-​għerf, u t-​tattika li għandhom bżonn biex iwettqu dan l-​aspett diffiċli tax-​xogħol tagħhom bħala rgħajja! Ejja ‘ngħożżuhom nies bħal dawn.’—1 Korintin 16:18.

15. (a) Ġeremija kif wera li kellu fiduċja f’Baruk? (b) Kif ġie premjat Baruk talli obda umilment?

15 Jidher ċar li Baruk bidilha fehemtu għax Ġeremija mbagħad tah inkarigu tassew diffiċli—li jmur fit-​tempju u jaqra jgħajjat l-​istess messaġġ taʼ ġudizzju li hu stess kien kiteb minn fomm Ġeremija. Obda Baruk? Iva, hu “għamel kollox skond ma ordnalu Ġeremija, il-​profeta.” Fil-​fatt, hu saħansitra qara l-​istess messaġġ lill-​prinċpijiet taʼ Ġerusalemm, u dan bla dubju kien jeħtieġ kuraġġ mhux ħażin. (Ġeremija 36:​1-6, 8, 14, 15) Meta l-​belt waqgħet f’idejn il-​Babiloniżi xi 18-il sena wara, immaġina kemm kien grat Baruk li hu kien ġie salvat għax ta kas it-​twissija taʼ Jehovah u ma baqax ifittex “ħwejjeġ kbar” għalih innifsu!​—Ġeremija 39:​1, 2, 11, 12; 43:​6.

L-​Ubbidjenza Matul Assedju Salvat il-​Ħajjiet

16. Jehovah kif wera mogħdrija mal-​Lhud f’Ġerusalemm matul l-​assedju Babiloniż fis-​sena 607 Q.E.K.?

16 Meta wasal it-​tmiem fuq Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K., il-​mogħdrija t’Alla lejn dawk ubbidjenti lejh reġgħet spikkat. Fl-​eqqel taʼ l-​assedju, Jehovah qal lil-​Lhud: “Se nqiegħed quddiemkom it-​triq tal-​ħajja u t-​triq tal-​mewt. In-​nies li jifdal f’din il-​belt se jmutu bix-​xabla, bil-​ġuħ u bil-​pesta; u min joħroġ u jagħti ruħu lill-​Kaldin li qegħdin jassedjawkom jgħix, u jkollu ħajtu bħala priża.” (Ġeremija 21:​8, 9) Għalkemm l-​abitanti taʼ Ġerusalemm kien jistħoqqilhom li jinqerdu, saħansitra f’dawk l-​aħħar mumenti kruċjali, Jehovah wera mogħdrija maʼ dawk li kienu ubbidjenti lejh.b

17. (a) L-ubbidjenza taʼ Ġeremija b’liema żewġ modi għaddiet minn prova meta Jehovah qallu biex jgħid lil-​Lhud assedjati biex ‘jaqilbu għal mal-​Kaldin’? (b) Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​eżempju taʼ Ġeremija li obda b’kuraġġ?

17 Bla dubju, l-​ubbidjenza taʼ Ġeremija wkoll għaddiet minn prova meta kellu jgħid lil-​Lhud sabiex iċedu. Qabel xejn hu kellu ħeġġa kbira għall-​isem taʼ Jehovah. Ma riedx li dan jiġi mmaqdar mill-​għedewwa li kienu se jagħtu l-​kredtu għar-​rebħa tagħhom lil idoli bla ħajja. (Ġeremija 50:​2, 11, NW; Lamentazzjonijiet 2:​16) Iżjed minn hekk, Ġeremija kien jaf li billi jgħid lin-​nies biex iċedu, kien qed ipoġġi ħajtu stess f’periklu kbir għaliex ħafna kienu se jqisuh bħala xewwiexi. Minkejja dan, hu ma beżax, imma obda u ħabbar dak li qal Jehovah. (Ġeremija 38:​4, 17, 18) Bħal Ġeremija, aħna wkoll inħabbru messaġġ li m’huwiex milqugħ min-​nies. Huwa l-​istess messaġġ li għalih Ġesù ġie mżeblaħ. (Isaija 53:3; Mattew 24:9) Għalhekk ejja ‘ma nibżgħux mill-​bniedem,’ imma bħal Ġeremija, ejja nobdu lil Jehovah b’kuraġġ u nafdaw kompletament fih.​—Proverbji 29:25.

Ubbidjenza Meta Jattakka Gog

18. Il-​qaddejja taʼ Jehovah liema provi taʼ ubbidjenza jridu jiffaċċjaw fil-​futur?

18 Dalwaqt, is-​sistema mill-​agħar taʼ Satana kollha kemm hi se tinqered f’“diqa kbira” li qatt ma kien hawn bħalha qabel. (Mattew 24:21) Bla dubju, qabel u matul dak iż-​żmien, il-​fidi u l-​ubbidjenza tan-​nies t’Alla se jgħaddu minn provi kbar. Per eżempju, il-​Bibbja tgħidilna li Satana, fl-​irwol tiegħu bħala ‘Gog taʼ l-​art taʼ Magog,’ se jagħmel attakk sfrenat kontra l-​qaddejja taʼ Jehovah, billi jħejji għall-​azzjoni qtajjiet kbar li huma deskritti bħala “ġemgħa kbira u eżerċtu qawwi . . . , bħalma sħaba tgħatti l-​art.” (Eżekjel 38:​2, 14-16) In-​nies t’Alla, żgħar fin-​numru u mhux armati, se jfittxu l-​kenn taħt ‘ġwenħajn’ Jehovah, li hu se jiftaħhom biex jipproteġi lill-​uħud ubbidjenti.

19, 20. (a) L-ubbidjenza min-​naħa taʼ l-​Iżraelin għala kienet taʼ importanza vitali għalihom meta kienu ħdejn il-​Baħar l-​Aħmar? (b) Kif nistgħu nibbenefikaw illum jekk nirriflettu bit-​talb fuq dak li ġara ħdejn il-​Baħar l-​Aħmar?

19 Din is-​sitwazzjoni tfakkarna fl-​Eżodu taʼ Iżrael mill-​Eġittu. Wara li laqat lill-​Eġittu b’għaxar kastigi qerrieda, Jehovah għadda lill-​poplu tiegħu, mhux mill-​iqsar triq lejn l-​Art Imwiegħda, imma mexxiehom ’l isfel lejn il-​Baħar l-​Aħmar, fejn faċilment setgħu jiġu b’daharhom mal-​ħajt u attakkati. Minn ħarsa militari, din kienet strateġija diżastruża. Kieku kont hemm, kont int tobdi dak li qal Jehovah permezz taʼ Mosè u tinżel lejn il-​Baħar l-​Aħmar b’fiduċja sħiħa, meta taf li l-​Art Imwiegħda tinsab f’direzzjoni oħra?​—Eżodu 14:​1-4.

20 Jekk inkomplu naqraw f’Eżodu kapitlu 14, naraw kif Jehovah ħeles lin-​nies tiegħu b’turija taʼ l-​għaġeb tal-​qawwa tiegħu. Kemm jistgħu jsaħħulna l-​fidi tagħna rakkonti bħal dawn meta nieħdu l-​ħin biex nistudjawhom u nimmeditaw fuqhom! (2 Pietru 2:9) Fidi b’saħħitha mbagħad issaħħaħna biex nobdu lil Jehovah, saħansitra meta dak li jitlob minna jidher li jmur kontra r-​raġunar uman. (Proverbji 3:​5, 6) Għalhekk, staqsi lilek innifsek, ‘Qed nistinka biex nibni l-​fidi tiegħi permezz taʼ l-​istudju tal-​Bibbja, it-​talb, u l-​meditazzjoni, kif ukoll bi sħubija regulari man-​nies t’Alla?’​—Lhud 10:​24, 25; 12:​1-3.

L-​Ubbidjenza Tnissel it-​Tama

21. Liema barkiet, issa u fil-​futur, se jkollhom dawk li jobdu lil Jehovah?

21 Dawk li jagħmlu l-​ubbidjenza lejn Jehovah parti mill-​mod kif jgħixu ħajjithom jesperjenzaw issa stess it-​twettiq taʼ Proverbji 1:​33, li jgħid: “Min jismaʼ lili [u jobdi] jgħix moħħu mistrieħ, bla ebda tfixkil, bla biżaʼ tal-​ħsara.” Kemm se japplika b’mod meraviljuż dan il-​kliem taʼ faraġ matul il-​jum taʼ vendetta taʼ Jehovah li riesaq! Fil-​fatt, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-​fidwa tagħkom hi fil-​qrib.” (Luqa 21:28) Jidher ċar, li dawk biss li jobdu lil Alla se jkollhom il-​fiduċja li jisimgħu minn dan il-​kliem.​—Mattew 7:​21.

22. (a) In-nies taʼ Jehovah x’raġuni għandhom biex ikunu fiduċjużi? (b) X’se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss?

22 Raġuni oħra biex inkunu fiduċjużi hija li “ebda ħaġa ma jagħmel . . . il-​Mulej, jekk ma jurix il-​ħwejjeġ moħbija tiegħu lill-​qaddejja tiegħu l-​profeti.” (Għamos 3:7) Illum, Jehovah ma jnebbaħ lil ebda profeta bħalma kien jagħmel fil-​passat; minflok, hu inkariga lill-​klassi taʼ l-​ilsir leali biex tipprovdi ikel spiritwali fil-​ħin lin-​nies taʼ daru. (Mattew 24:​45-​47, NW) Għalhekk, kemm hu importanti li jkollna attitudni ubbidjenti lejn dak l-​“ilsir”! Bħalma se jurina l-​artiklu li jmiss, ubbidjenza bħal din tirrifletti wkoll l-​attitudni li għandna lejn Ġesù, is-​sid taʼ l-​“ilsir.” Hu l-​Wieħed li “minnu l-​ġnus [se] jisimgħu.”—Ġenesi 49:10.

[Noti taʼ taħt]

a Pubblikazzjoni maħruġa minn organizzazzjoni għall-​ħarsien taʼ l-​annimali tgħid li għalkemm il-​qroqqa taʼ spiss hija deskritta bħala beżżiegħa, din “lesta tiġġieled sal-​mewt biex tipproteġi liż-​żgħar tagħha mill-​ħsara.”

b Ġeremija 38:19 jurina li kien hemm numru taʼ Lhud li “qalbu” għal mal-​Kaldin u b’hekk ħelsuha mill-​mewt imma mhux mill-​eżilju. Ma jintqalilniex jekk dawn ċedewx minħabba l-​kliem taʼ Ġeremija jew le. Madankollu, il-​fatt li salvaw juri li l-​kliem tal-​profeta kien minnu.

Tiftakar Int?

• X’kien ir-​riżultat talli l-​Iżraelin kienu diżubbidjenti għal darba wara l-​oħra?

• Is-Sultan Ġowas kif kien effettwat mill-​ħbiberiji tiegħu, kemm kmieni f’ħajtu kif ukoll iktar tard?

• X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu minn Baruk?

• In-nies li jobdu lil Jehovah għala m’għandhomx għalfejn jibżgħu hekk kif din is-​sistema preżenti toqrob lejn tmiemha?

[Stampa f’paġna 13]

Taħt il-​gwida taʼ Ġeħojada, iż-​żagħżugħ Ġowas kien ubbidjenti lejn Jehovah

[Stampa f’paġna 15]

Ħbieb ħżiena influwenzaw lil Ġowas biex jordna l-​qtil tal-​profeta t’Alla

[Stampa f’paġna 16]

Kont tobdih int lil Jehovah u tara b’għajnejk il-​qawwa taʼ l-​għaġeb li għandu biex isalva?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja