Għallem Lil Uliedek
Ġeħogħas Telaq lil Ġeħova Minħabba Kumpanija Ħażina
KIEN żmien terribbli f’Ġerusalemm, il-belt fejn kien hemm it-tempju t’Alla. Kien għadu kif inqatel is-Sultan Aħażija. Huwa diffiċli li saħansitra nimmaġinaw x’għamlet wara Għatalija, omm Aħażija. Hi ġiegħlet li jinqatlu t-tfal t’Aħażija—in-neputijiet tagħha stess! Taf għala?—a Sabiex issaltan hi minflok xi ħadd minnhom.
Madankollu, wieħed min-neputijiet t’Għatalija, it-tarbija Ġeħogħas, ġie salvat, u nanntu lanqas biss kienet taf b’dan. Tixtieq tkun taf kif?— Fil-fatt, it-tarbija Ġeħogħas kellu zija jisimha Ġeħoseba li ħbietu fit-tempju t’Alla. Hi setgħet tagħmel dan għax żewġha kien il-Qassis il-Kbir Ġeħojada. Flimkien aċċertaw ruħhom li Ġeħogħas jinżamm fis-sigurtà.
Għal sitt snin, Ġeħogħas inżamm sigriet fit-tempju. Hemmhekk, ġie mgħallem kollox dwar Alla Ġeħova u l-liġijiet tiegħu. Fl-aħħar, meta Ġeħogħas kellu sebaʼ snin, Ġeħojada ħa azzjoni biex jagħmel lil Ġeħogħas sultan. Tixtieq tismaʼ kif Ġeħojada għamel dan u x’ġara lin-nanna taʼ Ġeħogħas, ir-reġina ħażina Għatalija?—
Tajjeb, Ġeħojada sejjaħ flimkien bil-moħbi lill-gwardji persunali speċjali li s-slaten f’Ġerusalemm kien ikollhom dak iż-żmien. Hu qalilhom kif hu u martu salvaw it-tarbija tifel tas-Sultan Aħażija. Imbagħad, Ġeħojada wera lil Ġeħogħas lill-gwardji persunali li rrealizzaw li hu kien il-ħakkiem bi dritt. Għalhekk, iddeċidew x’se jagħmlu.
Ġeħojada ħareġ lil Ġeħogħas u inkurunah. Għal dan, in-nies “bdew iċapċpu idejhom u jgħidu: ‘Ħa jgħix is-sultan!’” Il-gwardji persunali dawru dawramejt lil Ġeħogħas biex jipproteġuh. Imbagħad, meta Għatalija semgħet dan il-ferħ kollu, hi ħarġet tiġri barra u bdiet toġġezzjona. Imma mal-kmand taʼ Ġeħojada, il-gwardji persunali qatlu lil Għatalija.—2 Slaten 11:1-16.
Taħseb li Ġeħogħas kompla jismaʼ minn Ġeħojada u jagħmel dak li hu sewwa?— Hu għamel hekk sakemm Ġeħojada kien għadu ħaj. Ġeħogħas saħansitra aċċerta ruħu li n-nies jagħtu l-flus biex jissewwa t-tempju t’Alla, li kien ġie traskurat minn Aħażija, missieru, u minn nannuh Ġeħoram. Imma ejja naraw x’ġara meta l-Qassis il-Kbir Ġeħojada miet.—2 Slaten 12:1-16.
Sa dak iż-żmien, Ġeħogħas kellu madwar 40 sena. Minflok ma kompla jissieħeb maʼ dawk li jaqdu lil Ġeħova, Ġeħogħas għamel ħbieb maʼ dawk li kienu jqimu allat foloz. Żakkarija, bin Ġeħojada, kien il-qassis taʼ Ġeħova sa dak iż-żmien. X’taħseb li għamel Żakkarija meta sar jaf dwar l-affarijiet ħżiena li Ġeħogħas kien qed jagħmel issa?—
Żakkarija qal lil Ġeħogħas u lill-poplu: “Talli tlaqtu lil Ġeħova, hu, mill-banda l-oħra, se jitlaq lilkom.” Dan il-kliem tant irrabjah lil Ġeħogħas li ordna biex Żakkarija jiġi mħaġġar għall-mewt. Immaġina—Ġeħogħas ġie salvat minn qattiela, imma issa hu nnifsu ġiegħel li jinqatel Żakkarija!—2 Kronaki 24:1-3, 15-22.
Tistaʼ tara x’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu minn dan ir-rakkont?—Tajjeb, aħna qatt ma rridu nkunu bħal Għatalija, li kienet tobgħod u kattiva. Minflok, għandna nħobbu lill-aduraturi sħabna u saħansitra lill-għedewwa tagħna, sewwasew bħalma għallimna Ġesù biex nagħmlu. (Mattew 5:44; Ġwanni 13:34, 35) U ftakar, mhux biss irridu nibdew nagħmlu dak li hu tajjeb bħalma għamel Ġeħogħas, imma wkoll għandna bżonn inkomplu nagħmlu ħbieb maʼ dawk li jħobbu lil Ġeħova u li jinkuraġġuna biex naqduh.
a Jekk qed taqra mat-tfal, is-sinjal qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tinkuraġġixxi lit-tfal jesprimu ruħhom.