Ġeremija
36 Jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova fir-rabaʼ sena tar-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda bin Ġosija: 2 “Ħu skroll u fih ikteb dak kollu li għedtlek kontra Iżrael, Ġuda, u l-popli kollha, minn dakinhar li kellimtek fi żmien Ġosija sal-lum. 3 Forsi meta l-poplu taʼ Ġuda jisimgħu dwar id-diżastru kollu li beħsiebni nġib fuqhom, jieqfu jagħmlu l-ħażen li qed jagħmlu, u jien naħfrilhom l-iżbalji u d-dnubiet tagħhom.”
4 Jien, Ġeremija, għajjatt lil Baruk bin Nerija, għedtlu dak kollu li qalli Ġeħova, u Baruk kitibhom fi skroll. 5 Imbagħad ikkmandajt lil Baruk: “Jien ma nistax nidħol fid-dar taʼ Ġeħova, għax mhux iħalluni. 6 Allura se jkollok tmur int u taqra b’leħen għoli dak li qalli Ġeħova u li jien għedtlek biex tiktbu fl-iskroll. Aqra l-iskroll fid-dar taʼ Ġeħova f’jum is-sawm quddiem in-nies kollha, inkluż in-nies kollha taʼ Ġuda li jiġu minn bliet oħra. 7 Għax Ġeħova diġà qal li hu rrabjat ħafna maʼ dan il-poplu, imma forsi huma jitolbu bil-ħniena lil Ġeħova u jduru lura, u kull wieħed minnhom jieqaf jagħmel dak li hu ħażin.”
8 Allura Baruk bin Nerija għamel dak kollu li kkmandajtu jien, il-profeta Ġeremija, u qara mill-iskroll b’leħen għoli dak kollu li qal Ġeħova fid-dar taʼ Ġeħova.
9 Issa fil-ħames sena u d-disaʼ xahar tat-tmexxija tar-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda bin Ġosija, in-nies kollha taʼ Ġerusalemm u n-nies kollha li ġew Ġerusalemm mill-bliet taʼ Ġuda bdew isumu quddiem Ġeħova. 10 Imbagħad Baruk qara b’leħen għoli mill-iskroll dak kollu li għedtlu jien quddiem in-nies kollha fid-dar taʼ Ġeħova, fil-kamra tal-ikel taʼ Gemarija bin Safan li jikkopja l-Iskrittura,* li kienet fil-bitħa taʼ fuq viċin id-daħla tal-bieb il-ġdid tad-dar taʼ Ġeħova.
11 Meta Mikaja bin Gemarija bin Safan semaʼ dak kollu li qal Ġeħova mill-iskroll, 12 hu mar fil-kamra tas-segretarju fil-palazz tar-re. Hemm kien hemm bilqiegħda l-uffiċjali kollha tal-palazz: Elisama s-segretarju, Delaja bin Semajja, Elnatan bin Għakbor, Gemarija bin Safan, Sedekija bin Ħananija, u l-uffiċjali l-oħra kollha. 13 Mikaja qalilhom dak kollu li kien semaʼ meta Baruk qara mill-iskroll quddiem in-nies.
14 Imbagħad l-uffiċjali kollha bagħtu lil Ġeħudi, bin Netanija, bin Selemija, bin Kusi, biex jgħid lil Baruk: “Ejja u ġib l-iskroll li qrajt quddiem in-nies.” Baruk bin Nerija qabad l-iskroll u mar għandhom. 15 Imbagħad qalulu: “Jekk jogħġbok, poġġi u aqrahulna b’leħen għoli.” Allura Baruk qrahulhom.
16 Xħin semgħuh, ħarsu lejn xulxin bil-biżaʼ, u qalu lil Baruk: “Irridu ngħidu lir-re x’hemm fl-iskroll.” 17 U staqsew lil Baruk: “Jekk jogħġbok, għidilna minn fejn ġibt dan li ktibt? Ġeremija qallek x’tikteb?” 18 Baruk wiġibhom: “Hu qalli dan il-kliem, u jien ktibtu fl-iskroll bil-linka.” 19 L-uffiċjali qalu lil Baruk: “Int u Ġeremija morru nħbew u tħallu lil ħadd ikun jaf fejn qegħdin.”
20 Huma marru jqiegħdu l-iskroll fil-kamra t’Elisama s-segretarju u marru quddiem ir-re li kien qiegħed fil-bitħa u qalulu dak kollu li semgħu.
21 Allura r-re bagħat lil Ġeħudi biex iġib l-iskroll. U hu ġabu mill-kamra t’Elisama s-segretarju. Ġeħudi beda jaqrah quddiem ir-re u l-uffiċjali kollha li kien hemm mar-re. 22 Kien id-disaʼ xahar,* u r-re kien bilqiegħda fid-dar tiegħu tax-xitwa b’nar quddiemu minħabba l-bard. 23 Wara li Ġeħudi jkun qara tliet kolonni jew erbgħa, ir-re kien jaqtaʼ dik il-biċċa mill-iskroll bis-sikkina tas-segretarju u jitfagħha fin-nar, sakemm l-iskroll sħiħ spiċċa fin-nar. 24 Huma ma beżgħux. La r-re u lanqas il-qaddejja kollha tiegħu li semgħu dan il-kliem ma ċarrtu ħwejjiġhom. 25 Għalkemm Elnatan, Delaja, u Gemarija talbu bil-ħniena lir-re biex ma jaħraqx l-iskroll, hu ma semax minnhom. 26 Imbagħad ir-re kkmanda lit-tifel tiegħu* Ġeraħmel, lil Seraja bin Għażrijel, u lil Selemija bin Għabdel biex jaħtfu lis-segretarju Baruk u lili, il-profeta Ġeremija, imma Ġeħova żammna moħbijin.
27 U wara li r-re kien ħaraq l-iskroll li kien fih il-kliem li jien, Ġeremija, għedt lil Baruk biex jikteb, erġajt irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li kien jgħid: 28 “Ħu skroll ieħor u ikteb il-kliem kollu li kien hemm fl-ewwel skroll, li ħaraq ir-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda. 29 U dwar ir-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda għandek tgħid, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Int ħraqt l-iskroll u għedt, ‘Għala ktibt fuqu: “Ir-re taʼ Babilonja żgur se jiġi u jeqred din l-art u ma jħalli l-ebda bniedem u annimal fiha”?’ 30 Għalhekk, Ġeħova hekk jgħid kontra r-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda, ‘Hu mhu se jkollu lil ħadd li se joqgħod bilqiegħda fuq it-tron taʼ David, u l-ġisem mejjet tiegħu se jitħalla fis-sħana taʼ matul il-ġurnata u fil-kesħa taʼ billejl. 31 Se nikkastiga lilu, lill-familja tiegħu,* u lill-qaddejja tiegħu għall-iżball tagħhom, u jien se nġib fuqhom, fuq dawk li joqogħdu f’Ġerusalemm, u fuq in-nies taʼ Ġuda d-diżastru kollu li tkellimt kontrihom, imma huma ma semgħux minni.’”’”
32 Jien, Ġeremija, ħadt skroll ieħor u tajtu lis-segretarju Baruk bin Nerija u għedtlu biex jikteb dak kollu li kien hemm miktub fl-iskroll li r-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda ħaraq. U miegħu ġie miżjud ħafna kliem ieħor simili.