LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 9/1 pp. 3-5
  • Ir-Reliġjon—Kif Inhi taʼ Ġid?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ir-Reliġjon—Kif Inhi taʼ Ġid?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Ħafna Tbiegħdu mir-​Reliġjon
  • Ir-​Reliġjon Tintuża għal Skopijiet mill-​Agħar
  • “X’Jiswieli?”
  • Ninħelsu mir-Reliġjon Falza
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Nipprattikaw ir-Reliġjon Pura Biex Nibqgħu Ħajjin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Kif nistaʼ nsib ir-reliġjon vera?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Tagħmel Differenza Liema Reliġjon Tagħżel?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 9/1 pp. 3-5

Ir-​Reliġjon—Kif Inhi taʼ Ġid?

“NISTAʼ nkun tajjeb mingħajr ma nkun reliġjuż!” Din hija stqarrija komuni. Ħafna nies li huma onesti, jafu jagħdru, u li huma responsabbli, ma jinteressahomx mir-​reliġjon. Per eżempju, ftit huma dawk fil-​punent taʼ l-​Ewropa li jmorru l-​knisja, għalkemm ħafna minnhom jgħidu li jemmnu f’Alla.a Anki fl-​Amerika Latina, 15 sa 20 fil-​mija biss mill-​Kattoliċi jmorru l-​knisja regolarment.

Bħal ħafna oħrajn, forsi int tħoss li r-​reliġjon ma tgħinekx tgħix ħajja aħjar. Imma, forsi int taf li għaxriet taʼ snin ilu, fi żmien in-​nanniet tiegħek, bosta nies kienu ħafna iktar reliġjużi milli huma llum. Ir-​reliġjon kif tilfet il-​popolarità globali tagħha? Jistaʼ individwu jkun tajjeb mingħajr ma jkun reliġjuż? Hemm reliġjon li tistaʼ tkun taʼ ġid għalik?

Għala Ħafna Tbiegħdu mir-​Reliġjon

Għal sekli sħaħ, ħafna nies fil-​Kristjaneżmu kienu jemmnu li Alla jeħtieġ ubbidjenza. Huma kienu jmorru l-​knisja biex jiksbu l-​favur t’Alla, jew permezz taʼ ċerimonji mmexxija minn qassis jew permezz taʼ gwida provduta minn mexxej reliġjuż. M’għandniex xi ngħidu, ħafna kienu jafu bl-​ipokrisija fir-​reliġjon. L-​irwol tar-​reliġjon fil-​gwerra kien fatt magħruf sew, l-​istess bħalma kienet magħrufa sew l-​imġiba abbużiva taʼ ċerti membri tal-​kleru. Imma ħafna min-​nies ħassew li r-​reliġjon fiha nfisha kienet tajba. Oħrajn kienet togħġobhom l-​atmosfera misterjuża, it-​tradizzjoni, u l-​mużika; oħrajn saħansitra ħassewhom imqanqlin mit-​theddida taʼ kundanna dejjiema fl-​infern, li hu tagħlim li ma jinsabx fl-​Iskrittura. Imbagħad, diversi żviluppi biddlu l-​mod taʼ kif ħafna nies bdew iħarsu lejn ir-​reliġjon.

It-teorija taʼ l-​evoluzzjoni saret popolari. Xi wħud saru konvinti li l-​ħajja ġiet b’kumbinazzjoni​—mingħajr ma kien involut Alla. Ħafna mir-​reliġjonijiet ma rnexxilhomx jipprovdu evidenza konvinċenti li Alla hu s-​Sors tal-​ħajja. (Salm 36:10 [36:​9, NW]) Iktar minn hekk, hekk kif it-​teknoloġija bdiet tavanza, is-​suċċessi kbar fil-​mediċina, il-​mezzi taʼ trasport, u l-​mezzi taʼ komunikazzjoni taw l-​impressjoni lin-​nies li kwalunkwe problema tistaʼ tiġi solvuta bl-​għajnuna tax-​xjenza. Ukoll, in-​nies ħassew li l-​esperti tax-​xjenza soċjali u l-​psikoloġi pprovdew gwida aqwa minn dik tar-​reliġjonijiet. Min-​naħa tagħhom, ir-​reliġjonijiet ma rnexxilhomx juru biċ-​ċar li min jgħix skond il-​liġi t’Alla jkollu l-​aqwa mod taʼ ħajja.​—Ġakbu 1:25.

Minħabba f’hekk, ħafna knejjes biddlu l-​messaġġ tagħhom. Il-​qassisin u l-​mexxejja reliġjużi ma baqgħux jgħallmu li Alla jeħtieġ l-​ubbidjenza. Minflok, ħafna għallmu li kull individwu jrid jiddeċiedi għalih innifsu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Biex jipprovaw jintgħoġbu, xi mexxejja reliġjużi qalu li Alla jaċċettak minkejja l-​mod kif tgħix. Tagħlim bħal dan ifakkarna f’dak li bassret il-​Bibbja: “Ikun hemm perijodu taʼ żmien meta ma jittollerawx it-​tagħlim mimli saħħa, imma, fi qbil max-​xewqat tagħhom, jiġbru għalliema madwarhom biex jgħarrxulhom widnejhom.”—2 Timotju 4:3.

Dan it-​tagħlim biegħed lin-​nies minflok ma ġibidhom. Huma ovvjament irraġunaw: ‘Jekk il-​knejjes jiddubitaw fil-​qawwa t’Alla biex joħloq u fl-​għerf t’Alla biex jagħmel il-​liġijiet, x’ġid se jagħmilli jekk immur il-​knisja? Għala għandi noqgħod ngħallem ir-​reliġjon lil uliedi? Individwi li kienu sempliċement qed jipprovaw jgħixu ħajja tajba bdew iħarsu lejn ir-​reliġjon bħala li hi bla siwi. Huma telqu l-​knejjes, u r-​reliġjon ma baqgħetx importanti għalihom. Kif jistaʼ jkun li xi ħaġa li suppost hija tajba saret daqshekk ħażina? Il-​Bibbja tipprovdi spjegazzjoni konvinċenti.

Ir-​Reliġjon Tintuża għal Skopijiet mill-​Agħar

L-​appostlu Pawlu wissa lill-​Kristjani tal-​bidu li xi wħud kienu se jużaw il-​Kristjanità għal skopijiet mill-​agħar. Hu qal: “Jidħlu fostkom ilpup ħorox li ma jittrattawx lill-​merħla b’tenerezza, u minn fostkom stess iqumu rġiel li jitkellmu affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-​dixxipli għal warajhom.” (Atti 20:​29, 30) Wieħed li tkellem “affarijiet mgħawġin” kien Wistin, it-​teologu Kattoliku Ruman. Ġesù kien għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jikkonvinċu lil oħrajn billi jirraġunaw mill-​Iskrittura. Madankollu, Wistin għawweġ it-​tifsir tal-​kliem taʼ Ġesù mniżżel f’Luqa 14:​23, “Ġiegħel lin-​nies jidħlu,” biex ikun ifisser li kien ġustifikat li juża l-​forza fix-​xogħol biex jikkonverti lin-​nies. (Mattew 28:​19, 20; Atti 28:​23, 24) Wistin uża r-​reliġjon biex jikkontrolla lin-​nies.

Satana, anġlu ribelluż, huwa l-​kaġun taʼ l-​użu ħażin u l-​korruzzjoni tar-​reliġjon. Hu xewwex lill-​irġiel reliġjużi taʼ l-​ewwel seklu biex jipprovaw jikkorrompu lill-​kongregazzjonijiet Kristjani. Il-​Bibbja tgħid dwar dawn l-​irġiel: “Dawn l-​irġiel huma appostli foloz, ħaddiema qarrieqa, li jinbidlu f’appostli taʼ Kristu. U ma nistagħġibx, għax Satana nnifsu jibqaʼ jinbidel f’anġlu tad-​dawl. Għalhekk, mhix ħaġa kbira li l-​ministri tiegħu wkoll jibqgħu jinbidlu f’ministri tal-​ġustizzja.”—2 Korintin 11:​13-15.

Satana għadu juża r-​reliġjon li tagħti l-​impressjoni li hi Kristjana, morali, u li taparsi tagħti d-​dawl sabiex iġiegħel lin-​nies jgħixu skond il-​livelli tiegħu minflok il-​livelli t’Alla. (Luqa 4:​5-7) Int forsi nnotajt li ħafna membri tal-​kleru llum jużaw ir-​reliġjon biex jgħollu lilhom infushom b’titli kbar u biex jiksbu l-​flus mill-​imrieħel tagħhom. Il-​gvernijiet ukoll użaw ir-​reliġjon biex jipperswadu liċ-​ċittadini ħalli jissagrifikaw ruħhom fil-​gwerra.

Ix-Xitan juża r-​reliġjon ħafna iktar minn kemm jirrealizzaw xi wħud. Int tistaʼ taħseb li ftit estremisti reliġjużi biss qed jintużaw minn Satana. Imma skond il-​Bibbja, “dak li hu msejjaħ Xitan u Satana . . . qed iqarraq bl-​art abitata kollha.” Il-​Bibbja tgħid ukoll: “Id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.” (Rivelazzjoni 12:9; 1 Ġwanni 5:19) Alla kif iħossu dwar ir-​reliġjon li tintuża minn mexxejja li sempliċement iridu jiġbdu n-​nies għal warajhom?

“X’Jiswieli?”

Jekk int tiskanta minħabba l-​imġiba taʼ ċerti reliġjonijiet tal-​Kristjaneżmu, kun af li Alla li Jistaʼ Kollox xejn m’hu kuntent bihom. Il-​Kristjaneżmu jsostni li għandu patt m’Alla; anki Iżrael tal-​qedem kien isostni dan. It-​tnejn li huma wrew li m’humiex leali. Għalhekk, il-​kundanna taʼ Ġeħova fuq Iżrael tapplika bl-​istess qawwa għall-​Kristjaneżmu llum. Ġeħova qal: “Ma tawx widen għal kliemi u l-​liġi [tiegħi] ċaħduha. X’jiswieli l-​inċens ġej minn Saba? . . . Is-​sagrifiċċji tal-​ħruq tagħkom ma jogħġbunix.” (Ġeremija 6:​19, 20) Alla ma rrikonoxxiex atti taʼ qima li saru minn uħud ipokriti. Hu ma kienx interessat fir-​ritwali u t-​talb tagħhom. Hu qal lil Iżrael: “Il-​festi tagħkom, jien nobgħodhom, piż huma għalija, għejejt nerfgħu. Meta intom tiftħu jdejkom, jien inwarrab għajnejja minnkom; ukoll jekk tkattru t-​talb, jien ma nismagħkomx.”—Isaija 1:​14, 15.

Jogħġbuh lil Ġeħova l-​festi li l-​knejjes jippreżentawhom bħala li huma Kristjani imma li oriġinalment kienu jonoraw lil allat foloz? Jismaʼ hu t-​talb tal-​membri tal-​kleru li jikkorrompu t-​tagħlim taʼ Ġesù? Jaċċetta Alla kwalunkwe reliġjon li tiċħad il-​liġi tiegħu? Tistaʼ tkun ċert li r-​reazzjoni tiegħu għar-​ritwali tal-​knisja llum hija l-​istess reazzjoni għas-​sagrifiċċji taʼ Iżrael tal-​qedem, li dwarhom qal: “X’jiswieli?”

Minkejja dan, Ġeħova jimpurtah ħafna mill-​qima li tingħata bil-​verità minn nies sinċieri. Alla jieħu pjaċir meta individwi jesprimu l-​apprezzament tagħhom għal dak kollu li jirċievu mingħandu. (Malakija 3:​16, 17) Allura tistaʼ tkun bniedem tajjeb mingħajr ma tqim lil Alla? Individwu li ma jagħmel xejn għall-​ġenituri tiegħu li jħobbuh ma tantx jistaʼ jiġġustifika ruħu bħala li hu tajjeb, mhux hekk? Jistaʼ individwu li ma jagħmel xejn għal Alla jkun tajjeb? B’mod raġunevoli, aħna għandna nieħdu interess attiv fl-​Alla l-​veru, li minnu ġiet il-​ħajja nfisha. Fl-​artiklu li jmiss se naraw kif il-​qima vera mhux biss tonora lil Alla imma wkoll hi taʼ ġid għalina.

[Nota taʼ taħt]

a “F’ħafna pajjiżi, is-​snin sittin . . . immarkaw il-​bidu tal-​waqgħa tal-​kultura reliġjuża b’mod ġenerali.”​—The Decline of Christendom in Western Europe, 1750-​2000.

[Stampa f’paġna 4]

Il-​knejjes idderiġewhom lin-​nies lejn l-​evidenza li Alla ħalaq kollox?

[Stampa f’paġna 4, 5]

Huwa xieraq li rappreżentant t’Alla jieħu sehem fil-​gwerer?

[Stampa f’paġna 5]

Alla kif iħares lejn dan it-​tip taʼ festi?

[Sors]

AP Photo/Georgy Abdaladze

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja