Tagħmel Differenza Liema Reliġjon Tagħżel?
ĦAFNA minna nħobbu jkollna varjetà tajba t’affarijiet minfejn nagħżlu meta mmorru nixtru. Meta suq joffri varjetà taʼ frott u ħxejjex, aħna nistgħu nagħżlu dak li nieħdu pjaċir nieklu l-iktar u dak li hu tajjeb għall-familja tagħna. Jekk ħanut tal-ħwejjeġ joffri ħafna stili u kuluri taʼ ħwejjeġ bi prezzijiet raġunevoli, aħna nistgħu nagħżlu dak li jixirqilna l-iktar. Xi wħud mill-għażliet li nagħmlu fil-ħajja huma sempliċement kwistjoni taʼ gosti persunali. Madankollu, għażliet oħrajn jeffettwaw il-benesseri tagħna, bħal per eżempju, l-għażla tagħna taʼ ikel sustanzjuż jew taʼ ħbieb għaqlin. Għalhekk, xi ngħidu għall-għażla tagħna tar-reliġjon? Għandu l-mod taʼ qima tagħna jkun sempliċement kwistjoni taʼ gosti persunali? Jew huwa l-mod taʼ qima xi ħaġa li teffettwa serjament il-benesseri tagħna?
Hemm varjetà kbira taʼ reliġjonijiet minfejn wieħed jistaʼ jagħżel. Ħafna pajjiżi issa jiggarantixxu l-libertà tar-reliġjon, u n-nies iħossuhom iktar u iktar liberi li jitilqu r-reliġjon tal-ġenituri tagħhom. Fi stħarriġ li sar fl-Istati Uniti nstab li 80 fil-mija mill-Amerikani “jemmnu li iktar minn reliġjon waħda tistaʼ tkun triq għas-salvazzjoni.” Skond dan l-istess stħarriġ, “wieħed minn kull ħames parteċipanti qal li kien bidel ir-reliġjon tiegħu meta sar adult.” Stħarriġ li sar fil-Brażil irrivela li kważi 25 fil-mija mill-Brażiljani kollha bidlu r-reliġjon tagħhom.
Fil-passat, in-nies kienu jiddibattu b’rabja dwar id-duttrini li jiddistingwu reliġjon minn oħra. Issa, il-ħarsa popolari hija, ‘Mhux importanti liema reliġjon tagħżel.’ Iżda huwa importanti? Tistaʼ l-għażla tar-reliġjon tiegħek teffettwak?
Sewwasew bħalma konsumaturi għaqlin jistaqsu mistoqsijiet dwar l-oriġini tal-prodotti li qed jiġu offruti, hekk ukoll int, ikun għaqli li tistaqsi, ‘Dawn ir-reliġjonijiet differenti kollha kif bdew, u għala?’ Il-Bibbja tipprovdi t-tweġibiet.
Ir-Reliġjonijiet Kif Jibdew?
F’Iżrael tal-qedem, is-Sultan Ġerobogħam beda reliġjon ġdida kważi elf sena qabel ġie Ġesù fuq l-art. Ġerobogħam kien l-ewwel sultan mis-saltna indipendenti taʼ Iżrael fit-tramuntana. Hu kellu l-inkarigu diffiċli li jiġbor in-nies sabiex jimxu skond l-iskopijiet tiegħu. “Wara li ħa parir, is-sultan Ġerobogħam għamel żewġ għoġiela tad-deheb, u lill-poplu qallu: ‘Ilkom tmorru biżżejjed Ġerusalemm! Iżrael, dawn huma l-allat tagħkom li tellgħukom mill-art taʼ l-Eġittu.’” (1 Slaten 12:28) B’mod ċar, is-sultan ried juża r-reliġjon biex ibiegħed il-lealtà tan-nies minn Ġerusalemm, fejn kienu jagħtu qima. Ir-reliġjon li beda Ġerobogħam damet teżisti għal sekli sħaħ u minħabba fiha miljuni taʼ nies mietu jew ittieħdu fl-eżilju meta Alla eventwalment talab kont mill-ġens apostata taʼ Iżrael. Ir-reliġjon taʼ Ġerobogħam kienet skema biex jikseb vantaġġ politiku. Xi reliġjonijiet taʼ l-Istat li għadhom jeżistu sa llum kienu bdew b’mod simili bħala sforzi biex isaħħu l-qawwa politika.
L-appostlu Pawlu rrivela motiv ieħor li n-nies għandhom biex jibdew reliġjon ġdida meta qal: “Jien naf li wara t-tluq tiegħi jidħlu fostkom ilpup ħorox li ma jittrattawx lill-merħla b’tenerezza, u minn fostkom stess iqumu rġiel li jitkellmu affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-dixxipli għal warajhom.” (Atti 20:29, 30) Mexxejja mkabbrin spiss jibdew movimenti reliġjużi biex jiġbdu l-attenzjoni lejhom infushom. Xi reliġjonijiet li b’mod falz jistqarru li huma Kristjani nqasmu f’bosta denominazzjonijiet.
Ir-Reliġjonijiet lil Min Iridu Jogħġbu?
Xi wħud jistgħu jitqanqlu biex jibdew reliġjon ġdida minħabba dak li jkunu jixtiequ n-nies in ġenerali. Per eżempju, ir-rivista Economist għamlet rapport dwar dawk li huma magħrufin bħala reliġjonijiet kbar fl-Istati Uniti. L-artiklu jgħid li dawn ir-reliġjonijiet qed jikbru minħabba li huma “bbażati fuq l-istess prinċipju tan-negozji li jkollhom suċċess: li l-klijent jiġi l-ewwel.” Xi wħud għandhom “ċerimonji mimlijin divertiment bil-vidjos, drama u mużika kontemporanja.” Ċerti mexxejja reliġjużi taʼ dawn ir-reliġjonijiet jistqarru li jgħallmu lill-membri tagħhom biex ikunu “sinjuri, f’saħħithom u mingħajr problemi.” Għalkemm reliġjonijiet bħal dawn jiġu kritikati għax qegħdin fl-industrija tad-divertiment jew tal-“kummerċ biex wieħed jgħin lilu nnifsu,” jgħid l-istess sors, “huma sempliċement qed iwieġbu għad-domanda tan-nies.” Ir-rapport jikkonkludi: “Ir-rabta bejn in-negozju u r-reliġjon kienet taʼ suċċess kbir ferm.”
Avolja reliġjonijiet oħrajn ma jkollhomx xejra taʼ negozju b’mod daqshekk ovvju, ir-reliġjonijiet li qed “iwieġbu għad-domanda” jfakkruna fi twissija li ta Pawlu. Hu kiteb: “Ikun hemm perijodu taʼ żmien meta ma jittollerawx it-tagħlim mimli saħħa, imma, fi qbil max-xewqat tagħhom, jiġbru għalliema madwarhom biex jgħarrxulhom widnejhom; u jbiegħdu widnejhom mill-verità, u jduru lejn stejjer foloz.”—2 Timotju 4:3, 4.
Ladarba ħafna reliġjonijiet nibtu minn xewqa għall-qawwa politika, il-prestiġju, u l-popolarità minflok minn xewqa li jogħġbu lil Alla, ma nistagħġbux li r-reliġjon hija involuta f’ħażen bħalma hu l-abbuż tat-tfal, il-frodi, il-gwerer, jew it-terroriżmu. Ħafna drabi, ir-reliġjon hija ingann. Kif tistaʼ tevita li tiġi mqarraq?
[Kumment f’paġna 4]
Ħafna reliġjonijiet nibtu minn xewqa għall-qawwa politika, il-prestiġju, u l-popolarità minflok minn xewqa li jogħġbu lil Alla