Meta Xi Ħadd li Tħobb Jitlaq lil Ġeħova
MARK u Louise huma tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova.a Bl-imħabba u l-attenzjoni, huma għallmu l-Iskrittura lil uliedhom, bħalma l-Bibbja tħeġġeġ lill-ġenituri Kristjani biex jagħmlu. (Proverbji 22:6; 2 Timotju 3:15) B’dispjaċir, mhux it-tfal kollha baqgħu jaqdu lil Ġeħova meta saru żgħażagħ. “Għandi qalbi maqsuma minħabba t-tfal li m’għadhomx jaqdu lil Ġeħova,” tgħid Louise. “Kif nistaʼ nagħmel taʼ bir-ruħi li ma nħossnix verament muġugħa kuljum? Meta oħrajn jitkellmu dwar uliedhom subien, titlagħli għoqla fi griżmejja u jkolli nżomm id-dmugħ.”
Iva, meta individwu jagħżel li jitlaq lil Ġeħova u l-mod taʼ ħajja li tinkuraġġixxi l-Iskrittura, huwa normali li l-membri leali tal-familja jesperjenzaw niket kbir. “Jien inħobbha ħafna lil oħti,” tgħid Irene. “Lesta li nagħmel minn kollox biex naraha terġaʼ lura lejn Ġeħova!” Maria, li ħuha ta dahru lil Ġeħova biex isegwi ħajja taʼ kondotta immorali, tgħid: “Dan kien żmien stressanti li kelli nissaporti għaliex f’kull aspett ieħor, hu kien ħu meraviljuż għalija. Nimmissjah speċjalment meta ninġabru bħala familja.”
Għala Huwa Daqstant Diffiċli?
Il-qraba Kristjani għala jħossuhom tant imnikktin meta xi ħadd mit-tfal jew xi ħaddieħor li hu għażiż ma jibqax jaqdi lil Ġeħova? Għaliex huma jafu li l-Iskrittura twiegħed ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna għal dawk li jibqgħu leali lejn Ġeħova. (Salm 37:29; 2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:3-5) Huma jħarsu ’l quddiem biex jaqsmu dawn il-barkiet maʼ żwieġhom, uliedhom, il-ġenituri tagħhom, ħuthom, u t-tfal tat-tfal tagħhom. Kemm iweġġagħhom il-ħsieb li l-maħbubin tagħhom li ma baqgħux jaqdu lil Ġeħova għandhom mnejn ma jkunux fosthom! Anki rigward il-ħajja preżenti tagħhom, il-Kristjani jifhmu li l-liġijiet u l-prinċipji taʼ Ġeħova huma għall-benefiċċju tagħhom. Il-Kristjani għalhekk iħossuhom qalbhom maqsuma meta jaraw lill-maħbubin tagħhom jiżirgħu b’tali mod li żgur se jaħsdu bil-qares.—Isaija 48:17, 18; Galatin 6:7, 8.
Jistaʼ jkun diffiċli għal xi wħud li qatt m’esperjenzaw telfa bħal din biex jifhmu kemm tistaʼ ġġib niket kbir. Kważi kull aspett tal-ħajja jiġi effettwat. “Saret iktar u iktar diffiċli biex noqgħod bil-qiegħda waqt il-laqgħat Kristjani u nara ġenituri jidħqu u jitkellmu maʼ wliedhom,” tgħid Louise. “Fi kwalunkwe ġrajja taʼ ferħ inħossni mdejqa minħabba n-nuqqas taʼ dawk li m’humiex magħna.” Wieħed anzjan Kristjan jiftakar l-erbaʼ snin li matulhom it-tifla taʼ martu ma baqgħetx tissieħeb magħhom. Hu jgħid: “Spiss, anki perijodi taʼ ferħ kienu diffiċli. Jekk kont nagħti lil marti rigal jew kont niħodha xi mkien sabiħ għal ftit jiem, hi kienet tinfaqaʼ tibki, għax kienet tiftakar li bintha ma kinitx qed taqsam il-ferħ tagħna.”
Qegħdin dawn il-Kristjani jagħmluha bi kbira? Mhux neċessarjament. Fil-fatt, jistaʼ jkun li sa ċertu punt qed jirriflettu l-kwalitajiet taʼ Ġeħova, li fix-xbieha tiegħu ġie maħluq il-bniedem. (Ġenesi 1:26, 27) Dan xi jfisser? Ġeħova kif ħassu meta l-poplu taʼ Iżrael irribella kontrih? Minn Salm 78:38-41 nitgħallmu li Ġeħova ħassu mnikket u mweġġaʼ. Madankollu, hu bil-paċenzja wissiehom u ddixxiplinahom, darba wara l-oħra hu ħafrilhom meta wrew l-indiema. Ovvjament, Ġeħova jħoss rabta persunali mal-ħlejjaq tiegħu, ‘l-opri taʼ idejh,’ u ma jaqtax qalbu minnhom malajr. (Ġob 14:15; Ġona 4:10, 11) Hu ta lill-bnedmin kapaċità biex ikollhom rabtiet leali simili, u r-rabta bejn il-membri tal-familja tistaʼ tkun b’saħħitha b’mod speċjali. Għalhekk, m’hijiex sorpriża li l-bnedmin jitnikktu minħabba t-telfa spiritwali taʼ qarib maħbub.
Tabilħaqq, it-telfa spiritwali taʼ xi ħadd maħbub hija fost l-iktar provi diffiċli li jġarrbu l-aduraturi veri. (Atti 14:22) Ġesù qal li dawk li aċċettaw il-messaġġ tiegħu setgħu jġarrbu firdiet fil-familja. (Mattew 10:34-38) Dan mhux għax il-messaġġ tal-Bibbja nnifsu jikkaġuna firdiet fil-familja. Minflok, membri tal-familja li m’humiex taʼ l-istess twemmin jew li ma jibqgħux leali jikkaġunaw firda għaliex ikunu ċaħdu, abbandunaw, jew saħansitra opponew it-triq tal-Kristjanità. Madankollu, aħna nistgħu nkunu grati li Ġeħova ma jħallix lill-uħud leali tiegħu mingħajr għajnuna biex ikampaw mal-provi li jiffaċċjaw. Jekk fil-preżent int imnikket minħabba t-telfa spiritwali taʼ xi ħadd maħbub, liema prinċipji Bibliċi jistgħu jgħinuk tissaporti n-niket u ssib ċertu ammont taʼ ferħ u kuntentizza?
Modi Kif Tkampa
“Billi tinbnew . . . , żommu ruħkom fl-imħabba t’Alla.” (Ġuda 20, 21) Skond iċ-ċirkustanzi tiegħek, għandu mnejn ma tkun tistaʼ tagħmel xejn bħalissa biex tgħin lil xi membru tal-familja li m’għadux jaqdi lil Ġeħova. Minkejja dan, int tistaʼ u għandek tibni lilek innifsek flimkien maʼ kwalunkwe membri oħrajn tal-familja li għadhom leali. Veronica, li rat tnejn mis-subien tagħha jitilqu mill-verità, tgħid: “Jien u r-raġel ġejna mfakkrin li jekk nibqgħu b’saħħitna spiritwalment, se nkunu fl-aħjar kundizzjoni biex nilqgħu lil uliedna lura meta jiġu f’sensihom. X’kien isir mill-iben il-ħali kieku missieru ma kienx f’kundizzjoni tajba biex jilqgħu lura?”
Sabiex iżżomm lilek innifsek f’kundizzjoni tajba, kun medhi b’attivitajiet spiritwali. Dan jinkludi li żżomm skeda għal studju tal-Bibbja fil-fond u attendenza għal-laqgħat Kristjani. Kun disponibbli biex tgħin lil oħrajn fil-kongregazzjoni skond kemm jippermettu ċ-ċirkustanzi tiegħek. Huwa minnu li għall-ewwel forsi ssibha diffiċli tagħmel dawn l-attivitajiet. Veronica tiftakar: “L-ewwel ħsieb tiegħi kien li ninqataʼ għalija waħdi bħal xi annimal ferut. Imma żewġi insista li nżommu rutina spiritwali tajba. Hu għamel żgur li nattendu l-laqgħat. Meta wasal iż-żmien biex nattendu l-konvenzjoni, jien kelli bżonn ħafna kuraġġ biex immur u niffaċċja n-nies. Madankollu, il-programm ressaqna eqreb lejn Ġeħova. It-tifel tagħna li kien baqaʼ leali ġie inkuraġġit b’mod partikulari minn din il-konvenzjoni.”
Maria, li ssemmiet qabel, issib li l-fatt li tibqaʼ bieżla fil-ministeru taʼ l-għalqa huwa tassew t’għajnuna, u fil-preżent qed tgħin erbaʼ persuni jitgħallmu dwar il-Bibbja. B’mod simili, Laura tgħid: “Għalkemm għadni nibki kuljum, nirringrazzja lil Ġeħova li għalkemm ma kellix is-suċċess li kellhom xi ġenituri fit-trobbija tat-tfal, għandi l-messaġġ perfett tal-Bibbja, li kapaċi jgħin lill-familji f’dawn l-aħħar jiem.” Ken u Eleanor, li t-tfal adulti tagħhom telqu mill-kongregazzjoni, irranġaw iċ-ċirkustanzi tagħhom biex imorru joqogħdu f’post fejn hemm bżonn akbar għal pubblikaturi tas-Saltna u fejn setgħu jieħdu sehem fil-ministeru full-time. Dan għenhom iżommu ħarsa bilanċjata u jevitaw li jħossuhom maħkumin min-niket.
Taqtax qalbek. L-imħabba “kollox tittama.” (1 Korintin 13:7) Ken, li ssemma qabel, jgħid: “Meta wliedna telqu mill-verità, jien ħsibt li kienu qishom mietu. Imma wara li mietet oħti, il-ħarsa tiegħi nbidlet. Jien grat li wliedi m’humiex mejtin letteralment u li Ġeħova għadu qed iħalli t-triq miftuħa għalihom biex jerġgħu lura lejh.” Tabilħaqq, l-esperjenza wriet li ħafna li jitilqu mill-verità eventwalment jerġgħu jiġu.—Luqa 15:11-24.
Evita li twaħħal fik innifsek. Il-ġenituri, b’mod partikulari, għandhom mnejn iħarsu lura b’dispjaċir li ma ttrattawx ċerti sitwazzjonijiet b’mod differenti. Madankollu, il-ħsieb prinċipali f’Eżekjel 18:20 hu li Ġeħova jqis lill-midneb, mhux lill-ġenituri tiegħu, bħala li hu responsabbli għall-għażla żbaljata tiegħu. Huwa taʼ interess li filwaqt li l-ktieb taʼ Proverbji jagħmel ħafna kummenti dwar l-obbligu li l-ġenituri għandhom biex irabbu lil uliedhom fis-sewwa, fih ukoll erbaʼ darbiet iktar pariri għaż-żgħażagħ biex jisimgħu u jobdu lill-ġenituri tagħhom. Iva, it-tfal għandhom ir-responsabbiltà biex iwieġbu għat-taħriġ ibbażat fuq il-Bibbja li jagħtuhom il-ġenituri imperfetti tagħhom. Int x’aktarx li aġixxejt bl-aħjar mod li stajt dak iż-żmien. Xorta waħda, anki jekk tħoss li għamilt ċerti żbalji u li dawn tassew kienu tort tiegħek, dan ma jfissirx neċessarjament li l-iżbalji tiegħek ġagħlu lill-maħbub tiegħek jitlaq mill-verità. Kien x’kien il-każ, m’int se tikseb xejn jekk toqgħod taħseb dwar xi stajt għamilt. Tgħallem mill-iżbalji tiegħek, kun determinat li ma terġax tagħmilhom, u itlob lil Ġeħova għall-maħfra. (Salm 103:8-14; Isaija 55:7) Imbagħad, ħares lejn il-futur u mhux lejn il-passat.
Kun paċenzjuż m’oħrajn. Jistaʼ jkun diffiċli għal xi wħud biex ikunu jafu kif għandhom jinkuraġġuk jew ifarrġuk, speċjalment jekk qatt m’għaddew minn esperjenza simili. Barra minn dan, in-nies għandhom ideat differenti dwar x’inhu l-inkuraġġiment u l-faraġ fil-ħarsa tagħhom. Għalhekk, jekk xi wħud jgħidu affarijiet li jweġġgħuk, applika l-parir taʼ l-appostlu Pawlu f’Kolossin 3:13: “Komplu issaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor.”
Irrispetta l-arranġament taʼ Ġeħova għad-dixxiplina. Jekk xi ħadd li jiġi minnek ikun irċieva xi dixxiplina mill-kongregazzjoni, ftakar li din hija parti mill-arranġament taʼ Ġeħova u hija għall-benefiċċju taʼ kulħadd, inkluż għal dak li jkun għamel il-ħażin. (Ebrej 12:11) Għalhekk, irreżisti kwalunkwe inklinazzjoni biex tikkritika lill-anzjani li kienu involuti jew id-deċiżjonijiet li ħadu. Ftakar li l-aħjar riżultati jiġu meta nagħmlu l-affarijiet kif jgħid Ġeħova, filwaqt li jekk nopponu l-arranġamenti taʼ Ġeħova dan jistaʼ biss iżid man-niket.
Wara li l-Iżraelin inħelsu mill-Eġittu, Mosè regolarment qeda bħala mħallef. (Eżodu 18:13-16) Ladarba deċiżjoni meħuda favur individwu probabbilment kienet tfisser li tkun kontra ieħor, mhux diffiċli timmaġina li xi wħud kienu diżappuntati bid-deċiżjonijiet taʼ Mosè. Jistaʼ jkun li wħud mill-każijiet tar-ribelljoni kontra t-tmexxija tiegħu nbdew minħabba li xi wħud ikkritikaw id-deċiżjonijiet tiegħu. Madankollu, Ġeħova kien qed juża lil Mosè biex imexxi lill-poplu Tiegħu, u Hu kkastiga lir-ribelli u l-familji tagħhom li appoġġawhom, mhux lil Mosè. (Numri 16:31-35) Nistgħu nitgħallmu minn dan billi nistinkaw biex nirrispettaw u nikkooperaw mad-deċiżjonijiet li jieħdu dawk li għandhom awtorità teokratika llum.
F’dan ir-rigward, Delores tiftakar kemm kienet diffiċli għaliha biex iżżomm ħarsa bilanċjata meta bintha ġiet dixxiplinata mill-kongregazzjoni. “Dak li għenni,” tgħid hi, “kien li naqra darba wara l-oħra l-artikli li ddiskutew ir-raġunevolezza taʼ l-arranġamenti taʼ Ġeħova. Żammejt pitazz apposta biex nikteb il-punti minn taħditiet u artikli li kienu se jgħinuni nkampa u nibqaʼ għaddejja.” Dan iwassal għal mod importanti ieħor kif tistaʼ tkampa.
Esprimi s-sentimenti tiegħek. Għandek mnejn issibha t’għajnuna jekk tiftaħ qalbek maʼ ħabib jew tnejn li juruk il-mogħdrija u li tafdahom. Jekk tagħmel dan, agħżel ħbieb li se jgħinuk iżżomm attitudni pożittiva. Ċertament li se jkun effettiv jekk ‘tiftaħ qalbek’ fit-talb maʼ Ġeħova.b (Salm 62:8, 9 [62:7, 8, NW]) Għala? Għax hu jifhem bis-sħiħ dak kollu li qed tħoss. Per eżempju, forsi tħoss li mhux sew li jkollok tesperjenza dan in-niket emozzjonali. Wara kollox, int ma tlaqtx lil Ġeħova. Esprimi s-sentimenti tiegħek maʼ Ġeħova fit-talb, u staqsih biex jgħinek ħalli ma tħallix is-sitwazzjoni tikkaġunalek daqstant uġigħ.—Salm 37:5.
Maż-żmien, x’aktarx li se tkun tistaʼ tikkontrolla s-sentimenti tiegħek. Sadattant, ibqaʼ stinka biex togħġob lil Missierek tas-sema, u qatt tħoss li dan huwa għalxejn. (Galatin 6:9) Ftakar li kieku kellna nitilqu lil Ġeħova, xorta se jkollna l-problemi. Mill-banda l-oħra, jekk nibqgħu leali lejh, se jkollna l-għajnuna tiegħu fil-provi li niffaċċjaw. Għalhekk, kun ċert li Ġeħova jifhem kemm hi diffiċli s-sitwazzjoni tiegħek u se jkompli jagħtik is-saħħa li għandek bżonn fiż-żmien xieraq.—2 Korintin 4:7; Filippin 4:13; Ebrej 4:16.
[Noti taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
b Rigward jekk tistax titlob għal xi qarib li ġie maqtugħ mis-sħubija, ara t-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Diċembru, 2001, paġni 30-1.
[Kaxxa f’paġna 19]
Kif Tistaʼ Tkampa
◆ “Billi tinbnew . . . , żommu ruħkom fl-imħabba t’Alla.”—Ġuda 20, 21.
◆ Taqtax qalbek.—1 Korintin 13:7.
◆ Evita li twaħħal fik innifsek. —Eżekjel 18:20.
Kun paċenzjuż m’oħrajn. —Kolossin 3:13.
◆ Irrispetta l-arranġament taʼ Ġeħova għad-dixxiplina.—Ebrej 12:11.
◆ Esprimi s-sentimenti tiegħek. —Salm 62:8, 9 (62:7, 8, NW).
[Kaxxa/Stampa f’paġna 21]
Tlaqtu Int lil Ġeħova?
Jekk iva, hi x’inhi r-raġuni, ir-relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova u l-prospetti eterni tiegħek jinsabu f’riskju. Forsi trid terġaʼ lura lejn Ġeħova. Qiegħed int tistinka biex tagħmel dan issa? Jew qed toqgħod lura għalissa sakemm ikun “iż-żmien xieraq”? Ftakar li s-sħab tal-maltempata t’Armageddon qed joqrob bil-ħeffa. Iktar minn hekk, il-ħajja f’din is-sistema hija qasira u inċerta. Ma tistax tkun taf jekk saħansitra hux se tkun ħaj għada. (Salm 102:4 [102:3, NW]; Ġakbu 4:13, 14) Wieħed raġel li nstab li kellu marda fatali qal: “Din il-marda qabditni waqt li kont qed naqdi lil Ġeħova full-time b’kuxjenza nadifa. U dan hu taʼ faraġ f’dan il-mument.” Però, immaġina kif kien iħossu kieku l-marda qabditu meta kien qed jgħid, “Xi darba nerġaʼ lura lejn Ġeħova!” Jekk int tlaqt lil Ġeħova, issa hu l-aħjar żmien biex tiġi lura.
[Stampi f’paġna 18]
Sabiex iżżomm ħarsa bilanċjata kun medhi b’attivitajiet spiritwali