LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 10/1 pp. 13-18
  • Kif Tistaʼ Tgħin lil Min Hu bħall-Iben il-Ħali?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tistaʼ Tgħin lil Min Hu bħall-Iben il-Ħali?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Xi Wħud Jiddeċiedu li Jitilqu
  • Ersaq Qrib Lejn Alla
  • Kun Paċenzjuż imma Żomm Sod
  • Meta Xi Ħadd taħt l-​Età Jiġi Maqtugħ mis-​Sħubija
  • Kif Oħrajn Jistgħu Jgħinu
  • Taqtax Qalbek
  • “Jaħweh! Alla li Jagħder u Jħenn”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Ħarreġ lit-​Tfal Tiegħek mill-​Infanzja
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Ġenituri—Ħarrġu lil Uliedkom bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ġenituri u Tfal: Poġġu lil Alla l-Ewwel!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 10/1 pp. 13-18

Kif Tistaʼ Tgħin lil Min Hu bħall-​Iben il-​Ħali?

“Nifirħu, għax . . . kien mitluf u nstab.”—LUQA 15:32.

1, 2. (a) Xi żgħażagħ kif irreaġixxew għall-​verità Kristjana? (b) Kif jistgħu jħossuhom il-​ġenituri u t-​tfal f’sitwazzjonijiet bħal dawn?

“ĦA NITLAQ mill-​verità!” Kif jinħasdu l-​ġenituri li għandhom il-​biżaʼ t’Alla u li jkunu pprovaw kemm felħu biex irabbu lil uliedhom fit-​triq Kristjana meta jisimgħu dan il-​kliem mingħand xi ħadd minn uliedhom! Żgħażagħ oħrajn sempliċement ‘jitbiegħdu’ mingħajr ma jgħidu attwalment x’għandhom f’moħħhom. (Lhud 2:1) Ħafna minn dawn jixbhu lill-​iben il-​ħali fil-​parabbola taʼ Ġesù. Dan l-​iben telaq minn dar missieru, mar f’art imbiegħda, u hemmhekk berbaq wirtu kollu.—Luqa 15:​11-16.

2 Għalkemm il-​biċċa l-​kbira mix-​Xhieda taʼ Jehovah m’għandhomx din il-​problema, għal dawk li għandhom, m’hemmx kliem taʼ faraġ li jistaʼ jneħħi kompletament in-​niket tagħhom. U ma rridux ninsew id-​dwejjaq li jistaʼ jġarrab hu stess, iż-​żagħżugħ li jiżvija. Fil-​fond taʼ qalbu, il-​kuxjenza tiegħu tistaʼ tniggżu. Fil-​parabbola taʼ Ġesù, l-​iben il-​ħali eventwalment “daħal fih innifsu,” u dan ġab ferħ kbir lil missieru. Kif jistgħu l-​ġenituri u oħrajn fil-​kongregazzjoni jgħinu lil min hu bħall-​iben il-​ħali biex ‘jidħol fih innifsu’?—Luqa 15:17.

Għala Xi Wħud Jiddeċiedu li Jitilqu

3. X’inhuma xi raġunijiet għala xi żgħażagħ jiddeċiedu li jitilqu mill-​kongregazzjoni Kristjana?

3 Hemm mijiet t’eluf taʼ żgħażagħ li jaqdu lil Jehovah bil-​ferħ fil-​kongregazzjoni Kristjana. Allura, għala hemm żgħażagħ oħrajn li jitilqu? Dawn jistgħu jħossu li qegħdin jitilfu xi ħaġa minn dak li toffri d-​dinja. (2 Timotju 4:10) Jew jistgħu jqisu li l-​maqjel protettiv tan-​nagħaġ taʼ Jehovah huwa restrittiv iżżejjed. Kuxjenza ħatja, interess qawwi fis-​sess oppost, jew xewqa li jkun aċċettat minn dawk taʼ mparu jistgħu wkoll iġagħlu lil żagħżugħ jitbiegħed mill-​merħla taʼ Jehovah. Żagħżugħ jistaʼ ma jibqax jaqdi lil Alla minħabba dik li tidher qisha ipokrisija min-​naħa tal-​ġenituri tiegħu jew taʼ xi Kristjan ieħor.

4. Spiss xi tkun ir-​raġuni bażika għala xi żgħażagħ jitbiegħdu mill-​verità?

4 L-​attitudni u l-​imġiba ribelluża taʼ tifel ġeneralment ikunu sintomi taʼ dgħjufija spiritwali, u jirriflettu dak li għandu f’qalbu. (Proverbji 15:13; Mattew 12:34) Tkun xi tkun ir-​raġuni għala żagħżugħ jitlaq, l-​għerq tal-​problema spiss ikun għaliex ma jkollux ‘għarfien eżatt dwar il-​verità.’ (2 Timotju 3:7) Iktar milli sempliċement iqimu lil Jehovah minn barra biss, ikun importanti li ż-​żgħażagħ jikkultivaw relazzjoni persunali mill-​qrib miegħu. X’se jgħinhom jagħmlu dan?

Ersaq Qrib Lejn Alla

5. X’inhu essenzjali sabiex iż-​żgħażagħ jikkultivaw relazzjoni persunali m’Alla?

5 “Ersqu lejn Alla,” kiteb id-​dixxiplu Ġakbu, “u hu jersaq lejkom.” (Ġakbu 4:8) Biex jagħmel dan, żagħżugħ irid jiġi megħjun jikkultiva xenqa għall-​Kelma t’Alla. (Salm 34:9 [34:​8, NW]) Għall-​ewwel ikun jeħtieġ il-​“ħalib”—it-​tagħlim bażiku tal-​Bibbja. Imma hekk kif jibda jitgħaxxaq bil-​Kelma t’Alla u bil-​mod il-​mod jibda jogħġbu l-​“ikel sħiħ”—tagħrif spiritwali profond—hu ma jdumx ma jsir matur spiritwalment. (Lhud 5:​11-14; Salm 1:2) Żagħżugħ li ammetta li kien inbelaʼ mill-​ispirtu tad-​dinja beda japprezza l-​valuri spiritwali. X’kien li għenu jdur lura? Hu applika suġġeriment li ngħatalu biex jaqra l-​Bibbja kollha kemm hi, u għamel skeda u beda jaqraha regolarment. Iva, li taqra l-​Kelma t’Alla regolarment huwa essenzjali biex tikkultiva rabta mill-​qrib maʼ Jehovah.

6, 7. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom jiżviluppaw xenqa għall-​Kelma t’Alla?

6 Kemm hu vitali li l-​ġenituri jgħinu lil uliedhom jikkultivaw xenqa għall-​Kelma t’Alla! Minkejja li kienet tistudja l-​Bibbja mal-​familja regolarment, tfajla adolexxenti assoċjat maʼ wħud delinkwenti. Rigward l-​istudju tal-​familja, hi tiftakar: “Meta Missieri kien jistaqsi l-​mistoqsijiet, jien kont sempliċement naqra t-​tweġibiet, mingħajr ma nħares lejn wiċċu.” Minflok ma sempliċement ikopru l-​materjal matul l-​istudju tal-​familja, ġenituri li huma għorrief jużaw l-​arti tat-​tagħlim. (2 Timotju 4:2) Biex żagħżugħ jieħu pjaċir bl-​istudju, irid iħossu involut. Għala ma tistaqsix mistoqsijiet li jitolbu l-​opinjoni tiegħu u tħallih jesprimi ruħu? Imbagħad inkuraġġieh biex japplika b’mod prattiku l-​materjal li jkun qed jiġi kunsidrat.a

7 Iktar minn hekk, id-​diskussjoni Skritturali trid tkun ħajja. Meta jkun xieraq, qabbad liż-​żgħażagħ jirreċtaw ġrajjiet u drammi mill-​Bibbja. Għinhom iġibu quddiem għajnejhom il-​postijiet u l-​karatteristiċi tal-​pajjiż fejn seħħew il-​ġrajjiet li qed jiġu diskussi. Bħala għajnuna, uża xi mapep u tabelli. Iva, bi ftit immaġinazzjoni, studju tal-​familja jistaʼ jsir ħaj u varjat. Il-​ġenituri jagħmlu tajjeb ukoll jekk jeżaminaw ir-​relazzjoni tagħhom stess maʼ Jehovah. Hekk kif huma nfushom jersqu eqreb lejn Jehovah, jistgħu jgħinu lil uliedhom jagħmlu l-​istess.—Dewteronomju 6:​5-7.

8. It-​talb kif jgħin lil dak li jkun jersaq qrib lejn Alla?

8 It-​talb ukoll jgħin lil dak li jkun jersaq qrib lejn Alla. Tfajla adolexxenti ħassitha maqsuma bejn il-​mod taʼ ħajja Kristjana u s-​sħubija tagħha maʼ ħbieb li ma kinux taʼ l-​istess twemmin bħalha. (Ġakbu 4:4) X’għamlet hi dwar din il-​problema? “Għall-​ewwel darba f’ħajti,” stqarret hi, “tlabt mill-​qalb lil Jehovah dwar kif kont qed inħossni.” Hi kkonkludiet li Jehovah wieġeb it-​talba tagħha meta eventwalment fil-​kongregazzjoni Kristjana sabet ħabiba li setgħet tiftaħ qalbha magħha. Peress li ħasset li Jehovah kien qed jiggwidaha, hi bdiet tibni relazzjoni persunali miegħu. Il-​ġenituri jistgħu jgħinu lil uliedhom billi jtejbu l-​kwalità tat-​talb tagħhom stess. Meta jitolbu bħala familja, il-​ġenituri jistgħu jiftħu qalbhom sabiex uliedhom ikunu jistgħu jħossu r-​rabta persunali li hemm bejn il-​ġenituri u Jehovah.

Kun Paċenzjuż imma Żomm Sod

9, 10. Jehovah liema eżempju tana billi stabar fit-​tul maʼ l-​Iżraelin stinati?

9 Meta żagħżugħ jibda jitbiegħed mill-​verità, hu għandu mnejn jipprova jinqataʼ għalih waħdu u jirreżisti kull sforz li jsir mill-​ġenituri tiegħu biex ikollhom xi diskussjoni spiritwali miegħu. X’jistgħu jagħmlu l-​ġenituri f’sitwazzjoni taʼ prova bħal din? Ikkunsidra x’għamel Jehovah fil-​każ taʼ Iżrael tal-​qedem. Hu ssaporta lill-​Iżraelin li kellhom ‘rashom iebsa’ għal iktar minn 900 sena qabel m’abbandunahom u telaqhom għal riħhom. (Eżodu 34:9; 2 Kronaki 36:​17-21; Rumani 10:21) Minkejja li ‘ġarrbuh’ kemm-il darba, Jehovah “kien iħenn” għalihom. “Ħafna drabi kien iżomm il-​korla, ma kienx jixgħel qilltu kollha.” (Salm 78:​38-42) Alla kien perfett fil-​mod kif ittratta magħhom. Ġenituri li jafu jħobbu jimitaw lil Jehovah u jkunu paċenzjużi meta wieħed minn uliedhom ma jweġibx minnufih għall-​isforzi tagħhom biex jgħinuh.

10 Il-​fatt li tistabar fit-​tul, jew li tkun paċenzjuż, jindika li tibqaʼ tittama għal titjib f’relazzjoni li fiha jeżistu l-​problemi. Jehovah tana eżempju fuq kif nistgħu nistabru fit-​tul. Hu ħa l-​inizjattiva billi bagħat lill-​messaġġiera tiegħu għand l-​Iżraelin “taʼ sikwit.” Jehovah “ġietu ħasra mill-​poplu tiegħu,” avolja “huma kienu jiddieħku bil-​mibgħutin tiegħu, imaqdru kliemu.” (2 Kronaki 36:​15, 16) Hu stieden lill-​Iżraelin, billi qalilhom: “Erġgħu lura, kull wieħed lura minn triqtu l-​ħażina.” (Ġeremija 25:​4, 5) Madankollu, Jehovah ma kkompromettiex il-​prinċipji taʼ tjieba tiegħu. Lill-​Iżraelin intqalilhom biex ‘jerġgħu lura’ lejn Alla u lejn triqatu.

11. Il-​ġenituri kif jistgħu jistabru fit-​tul waqt li jżommu sod meta jittrattaw maʼ żagħżugħ li jkun qed jitbiegħed mill-​verità?

11 Il-​ġenituri jistgħu jimitaw lil Jehovah f’dak li hu sabar fit-​tul billi ma jaqtgħux qalbhom malajr minn żagħżugħ li jkun qed jitbiegħed mill-​verità. Mingħajr ma jitilfu t-​tama, huma jistgħu jieħdu l-​inizjattiva biex itejbu l-​komunikazzjoni taʼ bejniethom jew jaraw li tiġi stabbilita mill-​ġdid. Waqt li jżommu sod mal-​prinċipji taʼ tjieba, huma jistgħu “taʼ sikwit” jistiednu liż-​żagħżugħ biex jerġaʼ lura lejn it-​triq tal-​verità.

Meta Xi Ħadd taħt l-​Età Jiġi Maqtugħ mis-​Sħubija

12. X’responsabbiltà għandhom il-​ġenituri lejn xi ħadd minn uliedhom taħt l-​età li jgħix magħhom imma li hu mkeċċi mill-​kongregazzjoni?

12 X’jiġri jekk xi ħadd taħt l-​età li jgħix mal-​ġenituri tiegħu jinvolvi ruħu f’għemil ħażin serju u minħabba li ma jindimx jitkeċċa mill-​kongregazzjoni? Ladarba ż-​żagħżugħ jgħix mal-​ġenituri tiegħu, huma xorta għadhom responsabbli biex jgħallmuh u jiddixxiplinawh fi qbil mal-​Kelma t’Alla. Dan kif jistaʼ jsir?—Proverbji 6:​20-22; 29:17.

13. Il-​ġenituri kif jistgħu jipprovaw jilħqu qalb binhom li jkun żbalja?

13 Jistaʼ jkun possibbli—tabilħaqq, ikun l-​aħjar—li l-​istruzzjoni u d-​dixxiplina jingħataw waqt studju privat tal-​Bibbja. Ġenitur ma jridx jiġġudika mill-​attitudni taʼ x’jimpurtani taż-​żagħżugħ, imma jrid jipprova jara x’hemm f’qalbu. Sa fejn twassal il-​marda spiritwali tiegħu? (Proverbji 20:5) Tistaʼ tintlaħaq il-​parti tenera taʼ qalbu? Liema skritturi jistgħu jintużaw b’mod effettiv? L-​appostlu Pawlu jassigurana: “Il-​kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija, taqtaʼ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-​ruħ u l-​ispirtu u l-​ġogi u l-​mudullun; u tgħarbel il-​ħsibijiet u l-​fehmiet tal-​qalb.” (Lhud 4:12) Iva, il-​ġenituri jistgħu jagħmlu iktar milli sempliċement jgħidu lil binhom biex ma jerġax jinvolvi ruħu f’għemil ħażin. Huma jistgħu jibdew irawmu fih il-​proċess tal-​fejqan.

14. Liema hu l-​ewwel pass li għandu jieħu żagħżugħ li jiżbalja biex jerġaʼ jistabbilixxi r-​relazzjoni tiegħu maʼ Jehovah, u l-​ġenituri kif jistgħu jgħinu liż-​żagħżugħ biex jieħu dan il-​pass?

14 Żagħżugħ li jiżbalja jkollu bżonn jerġaʼ jistabbilixxi r-​relazzjoni tiegħu maʼ Jehovah. L-​ewwel pass li jrid jieħu huwa li ‘jindem u jerġaʼ lura.’ (Atti 3:19; Isaija 55:​6, 7) Waqt li jgħinu liż-​żagħżugħ li hemm f’darhom biex jindem, il-​ġenituri jrid ikollhom ‘is-​sabar u jwiddbu bil-​ħlewwa’ liż-​żagħżugħ li ma jaqbilx magħhom. (2 Timotju 2:​24-26) Jeħtieġ li ‘jwiddbuh’ fis-​sens Bibliku. Il-​kelma Griega tradotta “jwiddbuh” tistaʼ tiġi tradotta wkoll “jagħtuh evidenza konvinċenti.” (Apokalissi 3:19; Ġwann 16:8) Għalhekk, biex twiddeb trid tagħti evidenza biżżejjed biex tikkonvinċi liż-​żagħżugħ kemm hi midinba t-​triq li qabad. Irridu nammettu li dan m’huwiex faċli tagħmlu. Fejn ikun possibbli, il-​ġenituri jistgħu jilħqulu qalbu, billi jużaw il-​mezzi kollha li huma xierqa Skritturalment biex jikkonvinċuh. Huma għandhom jipprovaw jgħinuh japprezza l-​ħtieġa li ‘jobgħod id-​deni u jħobb il-​ġid.’ (Għamos 5:15) Hu għandu mnejn jiġi lura f’sensih u ‘jeħles mix-​xibka tax-​Xitan.’

15. X’parti għandu t-​talb f’li jerġaʼ jistabbilixxi r-​relazzjoni maʼ Jehovah taʼ dak li żbalja?

15 Biex wieħed jerġaʼ jistabbilixxi r-​relazzjoni tiegħu maʼ Jehovah, it-​talb huwa indispensabbli. M’għandniex xi ngħidu, ħadd m’għandu jitlob dwar xi dnub serju li qed jiġi prattikat b’mod ċar u bla ndiema minn xi individwu li darba kien assoċjat mal-​kongregazzjoni Kristjana. (1 Ġwann 5:​16, 17; Ġeremija 7:​16-20; Lhud 10:​26, 27) Madankollu, il-​ġenituri jistgħu jitolbu lil Jehovah biex jagħtihom l-​għerf ħalli jittrattaw is-​sitwazzjoni. (Ġakbu 1:5) Jekk żagħżugħ li jkun maqtugħ mis-​sħubija jagħti evidenza taʼ ndiema imma ma jkollux ‘qalbu qawwija quddiem Alla,’ il-​ġenituri jistgħu jitolbu li jekk Alla jsib bażi biex jaħfer l-​iżball taż-​żagħżugħ, tkun magħmula r-​rieda Tiegħu. (1 Ġwann 3:21) Il-​fatt li jismaʼ dan it-​talb għandu jgħin liż-​żagħżugħ biex jara lil Jehovah bħala Alla mimli ħniena.b—Eżodu 34:​6, 7; Ġakbu 5:16.

16. Kif nistgħu ngħinu lill-​membri taʼ familji li jkollhom tfal taħt l-​età li ġew maqtugħin mis-​sħubija?

16 Jekk żagħżugħ mgħammed jiġi maqtugħ mis-​sħubija, il-​membri tal-​kongregazzjoni huma mistennijin li ‘ma jagħmluhiex’ miegħu. (1 Korintin 5:11; 2 Ġwann 10, 11) Dan eventwalment jistaʼ jgħinu biex ‘jidħol fih innifsu’ u jirritorna lejn il-​maqjel protettiv t’Alla. (Luqa 15:17) Madankollu, jiġi lura jew ma jiġix, il-​membri tal-​kongregazzjoni jistgħu jinkuraġġixxu lill-​familja taż-​żagħżugħ maqtugħ mis-​sħubija. Ilkoll kemm aħna nistgħu nfittxu opportunitajiet biex ‘inħossu għalihom’ u biex ikollna “qalb ħanina” lejhom.—1 Pietru 3:​8, 9.

Kif Oħrajn Jistgħu Jgħinu

17. Il-​membri tal-​kongregazzjoni x’għandhom iżommu f’moħħhom meta jipprovaw jgħinu lil xi ħadd taħt l-​età li jkun qed jitbiegħed mill-​verità?

17 Xi ngħidu għal żagħżugħ li mhux maqtugħ mis-​sħubija mill-​kongregazzjoni Kristjana imma li sar dgħajjef fil-​fidi? “Jekk membru jbati,” kiteb l-​appostlu Pawlu, “ibatu lkoll miegħu.” (1 Korintin 12:26) Oħrajn jistgħu jieħdu interess attiv f’dan iż-​żagħżugħ. M’għandniex xi ngħidu, hija meħtieġa ċerta attenzjoni, għaliex żagħżugħ li jkun marid spiritwalment jistaʼ jinfluwenza ħażin lil żgħażagħ oħrajn. (Galatin 5:​7-9) F’waħda mill-​kongregazzjonijiet, xi adulti li kellhom intenzjoni tajba u li riedu jgħinu lil xi żgħażagħ li kienu saru dgħajfin spiritwalment stidnuhom għal laqgħat soċjali biex idoqqu mużika popolari flimkien. Għalkemm iż-​żgħażagħ mill-​ewwel aċċettaw u ħadu pjaċir b’dawn il-​laqgħat, il-​mod kif influwenzaw lil xulxin eventwalment wassalhom biex ma jibqgħux jassoċjaw mal-​kongregazzjoni. (1 Korintin 15:33; Ġuda 22, 23) Dak li jistaʼ jgħin lil xi ħadd taħt l-​età li jkun marid spiritwalment m’huwiex xi laqgħat soċjali mingħajr direzzjoni spiritwali, imma s-​sħubija li tgħinu biex jibda jixxennaq għal affarijiet spiritwali.c

18. Kif nistgħu nimitaw l-​attitudni taʼ missier l-​iben il-​ħali fil-​parabbola taʼ Ġesù?

18 Meta żagħżugħ li jkun telaq mill-​kongregazzjoni jiġi lura fis-​Sala tas-​Saltna jew jattendi xi assemblea, ipprova aħseb kif iħossu. M’għandniex aħna nuru attitudni taʼ merħba bħalma wera missier l-​iben il-​ħali fil-​parabbola taʼ Ġesù? (Luqa 15:​18-20, 25-32) Adolexxent li telaq mill-​kongregazzjoni Kristjana u iktar tard attenda għal konvenzjoni distrettwali stqarr: “Ħsibt li kulħadd se jinjorani fil-​pożizzjoni li kont, imma l-​aħwa rġiel u nisa avviċinawni u laqgħuni. Dan qanqalni profondament.” Hu beda jistudja l-​Bibbja mill-​ġdid u iktar tard tgħammed.

Taqtax Qalbek

19, 20. Għala għandna nżommu attitudni pożittiva rigward uħud bħall-​iben il-​ħali?

19 L-​għajnuna li tingħata lil żagħżugħ li hu bħall-​iben il-​ħali biex ‘jidħol fih innifsu’ tirrikjedi l-​paċenzja u tistaʼ tkun taʼ sfida għall-​ġenituri u għal oħrajn. Imma taqtax qalbek. “Mhux għax jiddawwar il-​Mulej li jtemm il-​wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-​indiema.” (2 Pietru 3:9) Għandna l-​assiguranza Skritturali li Jehovah irid li n-​nies jindmu u jibqgħu jgħixu. Fil-​fatt, hu ħa l-​inizjattiva billi għamel arranġament biex jerġaʼ jħabbeb lill-​bnedmin miegħu. (2 Korintin 5:​18, 19) Il-​paċenzja tiegħu serviet biex miljuni sħaħ jiġu f’sensihom.—Isaija 2:​2, 3.

20 Għalhekk, m’għandhomx il-​ġenituri jużaw kull metodu Skritturali li hu possibbli biex jgħinu lil binhom li jkun bħall-​iben il-​ħali biex jidħol fih innifsu? Waqt li timita lil Jehovah, stabar fit-​tul hekk kif tieħu passi pożittivi biex tgħin lit-​tifel jew it-​tifla tiegħek tiġi lura lejn Jehovah. Żomm sod mal-​prinċipji tal-​Bibbja, u ipprova irrifletti l-​kwalitajiet taʼ Jehovah taʼ l-​imħabba, il-​ġustizzja, u l-​għerf waqt li titolbu biex jgħinek. Sewwa sew bħalma ħafna li webbsu qalbhom u rribellaw, iktar tard wieġbu għall-​istedina taʼ mħabba taʼ Jehovah biex jiġu lura, ibnek bħall-​iben il-​ħali jistaʼ jirritorna lejn il-​merħla protettiva t’Alla.—Luqa 15:​6, 7.

[Noti taʼ taħt]

a Għal iktar suġġerimenti dwar kif tgħallem lit-​tfal b’mod effettiv, ara It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Lulju, 1999, paġni 13-17.

b Talb bħal dan m’għandux isir pubblikament fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni għan-​nom taʼ xi ħadd taħt l-​età li jkun maqtugħ mis-​sħubija, għax oħrajn jistgħu ma jkunux konxji tal-​kundizzjoni taʼ l-​individwu maqtugħ mis-​sħubija.—Ara It-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Diċembru, 1979, paġna 15.

c Għal suġġerimenti speċifiċi, ara l-​Awake! tat-​22 taʼ Ġunju, 1972, paġni 13-16 u tat-​22 taʼ Settembru, 1996, paġni 21-3.

Tiftakar Int?

• X’jistaʼ jkun l-​għerq tal-​problema meta xi żgħażagħ jitilqu mill-​kongregazzjoni?

• Iż-żgħażagħ kif jistgħu jiġu megħjunin jikkultivaw relazzjoni persunali maʼ Jehovah?

• Il-ġenituri għala jeħtieġ li jistabru fit-​tul filwaqt li jżommu sod meta jgħinu lil min hu bħall-​iben il-​ħali?

• Il-membri tal-​kongregazzjoni kif jistgħu jgħinu lil min hu bħall-​iben il-​ħali biex jiġi lura?

[Stampa f’paġna 15]

Il-​qari tal-​Kelma t’Alla huwa vitali biex tinbena rabta mill-​qrib maʼ Jehovah

[Stampa f’paġna 15]

It-​talb mill-​qalb tal-​ġenituri jistaʼ jgħin lil uliedhom iħossu r-​rabta persunali li hemm bejn il-​ġenituri u Jehovah

[Stampa f’paġna 17]

Ilqaʼ lill-​iben il-​ħali meta ‘jidħol fih innifsu’

[Stampa f’paġna 18]

Ħu passi pożittivi biex tgħin lil xi ħadd minn uliedek jiġi lura lejn Jehovah

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja