LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 10/1 pp. 11-13
  • “Jaħweh! Alla li Jagħder u Jħenn”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Jaħweh! Alla li Jagħder u Jħenn”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Iben Ribelluż Jitlaq mid-​Dar
  • Disprament f’Pajjiż Imbiegħed
  • L-​Iben il-​Ħali Jiġi f’Sensih
  • Laqgħa mill-​Qalb
  • Imita l-Ħniena taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • L-Istorja taʼ Iben Mitluf
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • Kif Tistaʼ Tgħin lil Min Hu bħall-Iben il-Ħali?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • L-iben li kien mitluf jerġaʼ lura
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 10/1 pp. 11-13

“Jaħweh! Alla li Jagħder u Jħenn”

“Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-​tjieba [“qalb tajba bl-​imħabba,” “NW”] u l-​fedeltà.”—EŻODU 34:6.

1. (a) Il-​Bibbja liema faraġ tipprovdi lil dawk li raw lil xi ħadd mill-​maħbubin tagħhom jitbiegħed mill-​qima pura? (b) Jehovah kif iqishom lil dawn li jiżbaljaw?

“BINTI qaltli li ma tridx tibqaʼ tagħmel parti mill-​kongregazzjoni Kristjana,” jgħid missier Krist­jan. “Domt jiem, ġimgħat, u saħansitra xhur sħaħ inħossni mifni bl-​uġigħ li kelli maʼ ġismi kollu. Kien agħar mill-​mewt.” Huwa verament taʼ qsim il-​qalb li tara lil xi ħadd mill-​maħbubin tiegħek jitbiegħed mit-​triq tal-​qima pura. Qatt kellek xi esperjenza bħal din? Jekk inhu hekk, se tħossok titfarraġ meta tkun taf li Jehovah jaf eżatt x’qed tħoss. (Eżodu 3:7; Isaija 63:9) Imma kif iqishom lil dawn li jiżbaljaw? Il-​Bibbja turina li Jehovah bil-​ħniena kollha jistedinhom biex jerġgħu jiksbu l-​favur tiegħu. Lil-​Lhud ribellużi taʼ żmien Malakija talabhom bil-​ħniena: “Erġgħu lura lejja, u jien nerġaʼ lura lejkom.”—Malakija 3:7.

2. Il-​Bibbja kif turi li l-​ħniena hija parti intrinsika mill-​personalità taʼ Jehovah?

2 Il-​ħniena t’Alla ġiet enfasizzata lil Mosè fuq il-​Muntanja Sinaj. Hemmhekk, Jehovah rrivela lilu nnifsu bħala “Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-​tjieba [“qalb tajba bl-​imħabba,” NW] u l-​fedeltà.” (Eżodu 34:6) Din id-​dikjarazzjoni tenfasizza l-​fatt li l-​ħniena hija parti intrinsika mill-​personalità taʼ Jehovah. Hu jixtieq li “kulħadd jersaq għall-​indiema,” kiteb l-​appostlu Kristjan Pietru. (2 Pietru 3:9) M’għandniex xi ngħidu, il-​ħniena t’Alla m’hijiex bla limitu. “Imma ma jħalli xejn għaddej.” Hekk int­qallu lil Mosè. (Eżodu 34:7; 2 Pietru 2:9) Minkejja dan, “Alla hu mħabba,” u l-​ħniena hija aspett abbundanti taʼ dik il-​kwalità. (1 Ġwann 4:8; Ġakbu 3:17) Jehovah m’huwiex se ‘jżomm il-​korla tiegħu għal dejjem,’ u “jogħġbu juri ħniena.”—Mikea 7:18, 19.

3. Il-​mod kif Ġesù kien iqis il-​ħniena kif kien f’kuntrast maʼ dak taʼ l-​iskribi u l-​Fariżej?

3 Ġesù kien riflessjoni perfetta taʼ Missieru tas-​sema. (Ġwann 5:19) Il-​ħniena li kien juri meta kien jittratta maʼ dawk li jkunu żbaljaw ma kinitx tfisser li kien jagħlaq għajnejh għad-​dnubiet tagħhom, imma kienet espressjoni taʼ dawk l-​istess sentimenti teneri li wera lejn dawk li kienu morda fiżikament. (Qabbel Mark 1:40, 41.) Iva, Ġesù poġġa l-​ħniena fl-​istess kategorija taʼ “dak li hu l-​aqwa” fil-​Liġi t’Alla. (Mattew 23:23) B’kuntrast, ikkunsidra kif l-​iskribi u l-​Fariżej, bil-​konċetti legalistiċi kollha tagħhom tal-​ġustizzja, ġeneralment injoraw il-​ħniena għalkollox. Meta dawn raw lil Ġesù jagħmilha mal-​midinbin, huma lmentaw: “Nies midinba jilqaʼ għandu dan u jiekol magħhom!” (Luqa 15:1, 2) Lil dawk li akkużawh, Ġesù tahom risposta permezz taʼ tliet tixbihat, li kull waħda minnhom tenfasizza l-​ħniena t’Alla.

4. Ġesù liema żewġ tixbihat irrakkonta, u x’punt ried joħroġ f’kull waħda minnhom?

4 L-​ewwel, Ġesù tkellem dwar raġel li telaq lid-​99 nagħġa li kellu biex ifittex il-​waħda li ntilfitlu. X’punt ried joħroġ? “Ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn taʼ ndiema.” Imbagħad, Ġesù rrakkonta dwar waħda mara li fittxet il-​munita taʼ drakma li ntilfitilha u li tgħidx kemm ferħet meta sabitha. Kif applikaha din it-​tixbieha? “Ferħ ikun hemm fost l-​anġli taʼ Alla għal midneb wieħed li jindem.” Ġesù rrakkonta t-​tielet tixbieha tiegħu f’forma taʼ parabbola.a Ħafna jqisuha bħala l-​aqwa storja qasira li qatt ġiet irrakkontata. Jekk nikkunsidraw din il-​parabbola se niġu megħjunin biex napprezzaw u nimitaw il-​ħniena t’Alla.—Luqa 15:3-10.

Iben Ribelluż Jitlaq mid-​Dar

5, 6. L-​iben iż-​żgħir fit-​tielet tixbieha taʼ Ġesù, kif wera nuqqas t’apprezzament li jaħsdek?

5 “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-​żgħir qal lil missieru, ‘Missier, agħtini s-​sehem li jmiss lili mill-​ġid.’ U dak qass­milhom il-​ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-​żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajjra.”—Luqa 15:11-13.b

6 It-​tifel iż-​żgħir hawnhekk wera nuqqas t’apprezzament li jaħsdek. L-​ewwel, talab il-​wirt tiegħu, u mbagħad berbqu “f’ħajja mtajj­ra.” L-​espressjoni “ħajja mtajjra” hija tradotta minn kelma Griega li tfisser “ħajja ribelluża.” Studjuż wieħed jgħid li l-​kelma “tesprimi l-​abbandunar assolut tal-​karatt­ru.” Mhux taʼ b’xejn li t-​tifel iż-​żgħir tal-​parabbola taʼ Ġesù taʼ spiss jissejjaħ prodigu, kelma li tiddeskrivi individwu li jkun stravaganti żżejjed u ħali.

7. Min illum jixbah lill-​iben il-​ħali, u ħafna individwi bħal dawn għala jfittxu l-​indipendenza f’“pajjiż imbiegħed”?

7 Jeżistu nies illum li jixbhu lill-​iben il-​ħali? Iva. Jiddispjaċina ngħidu li numru relattivament żgħir telqu mid-​“dar” mimlija sigurtà taʼ Missierna tas-​sema, Jehovah. (1 Timotju 3:15) Xi wħud minn dawn iħossu li l-​ambjent taʼ dar Alla huwa restrittiv iżżejjed, u li jkunu taħt għajnejn Jehovah huwa iktar taʼ tfixkil milli taʼ protezzjoni. (Qabbel Salm 32:8.) Ikkunsidra lil waħda Kristjana li ġiet imrobbija fuq il-​prinċipji tal-​Bibbja, imma li iktar tard bdiet tabbuża mill-​alkoħol u mid-​drogi. Meta tirrifletti fuq dak il-​perijodu ikrah taʼ ħajjitha, hi tgħid: “Ridt nagħti prova li kont naf kif nirnexxi fil-​ħajja. Ridt nagħmel dak li jogħġob lili, u ma ridt lil ħadd jgħidli x’għandi nagħmel.” Bħall-​iben il-​ħali, din il-​mara żagħżugħa fitt­xet l-​indipendenza. Diżgrazzjatament, minħabba l-​prattiċi mhux skritturali tagħha, din kellha titkeċċa mill-​kongregazzjoni Kristjana.—1 Korintin 5:11-13.

8. (a) Liema għajnuna tistaʼ tiġi offruta lil dawk li jixtiequ jgħixu skond livelli li huma kuntrarji għal dawk t’Alla? (b) Għala għandna nagħtu konsiderazzjoni realistika għall-​għażla persunali fejn tidħol il-​qima?

8 Huwa verament taʼ qsim il-​qalb meta xi ħadd minn sħabna fit-​twemmin juri x-​xewqa li jgħix skond livelli li huma kuntrarji għal dawk t’Alla. (Filippin 3:18) Meta jiġri dan, l-​anzjani u oħrajn li għandhom kwalifiki spiritwali jistinkaw biex lil dak li jkun qed jiżbalja jgħinuh jirranġa. (Galatin 6:1) Madankollu, ħadd ma jiġi sforzat biex jaċċetta l-​madmad taʼ dixxiplu Kristjan. (Mattew 11:28-30; 16:24) Meta jkollhom l-​età tagħhom, anki ż-​żgħażagħ iridu jagħmlu l-​għażla persunali tagħhom fejn tidħol il-​qima. Fl-​aħħar mill-​aħħar, kull wieħed minna huwa aġent morali ħieles li jrid jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla. (Rumani 14:12) M’għandniex xi ngħidu, aħna wkoll se ‘naħsdu dak li niżirgħu’​—tagħlima li, l-​iben il-​ħali fil-​parabbola taʼ Ġesù ma damx biex tgħallimha.—Galatin 6:7, 8.

Disprament f’Pajjiż Imbiegħed

9, 10. (a) Liema bidla fiċ-​ċirkustanzi kellu l-​iben il-​ħali, u kif irreaġixxa għaliha? (b) Agħti eżempju taʼ kif xi wħud li llum jabbandunaw il-​qima vera jsibu ruħhom fi stat imwiegħer simili għal dak taʼ l-​iben il-​ħali.

9 “Meta ħela kull ma kellu, fuq dak il-​pajjiż waqaʼ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-​bżonn. U mar daħal maʼ wieħed minn dak il-​pajjiż, li bagħtu fir-​rabaʼ tiegħu jirgħa l-​ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-​ħarrub li kienu jieklu l-​ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.”—Luqa 15:14-16.

10 Għalkemm kien batut, l-​iben il-​ħali kien għad ma ħasibx li jerġaʼ lura d-​dar. Minflok, iltaqaʼ maʼ ċittadin li impjegah miegħu biex jirgħalu l-​ħnieżer. Ladarba l-​Liġi Mosajka stipulat li l-​ħnieżer kienu annimali mhux nodfa, impjieg bħal dan x’aktarx li ma kienx ikun aċċettabbli għal wieħed Lhudi. (Levitiku 11:7, 8) Imma jekk l-​iben il-​ħali nigżitu xi naqra l-​kuxjenza, dan kellu jrażżanha. Wara kollox, ma setax jistenna li dak li impjegah, ċittadin taʼ dak il-​pajjiż, kien se jimpurtah x’kien qed iħoss dan il-​barrani mġewwaħ. L-​istat imwiegħer taʼ l-​iben il-​ħali huwa simili għall-​esperjenza taʼ ħafna llum li jabbandunaw il-​mogħdija ġusta tal-​qima pura. Taʼ spiss dawn jinvolvu ruħhom f’attivitajiet li qabel huma stess kienu jqisuhom degradanti. Per eżempju, fl-​età taʼ 17-il sena, wieħed żagħżugħ irribella kontra t-​trobbija Kristjana tiegħu.“L-​immoralità u l-​abbuż tad-​drogi ġabu fix-​xejn snin sħaħ taʼ tagħlim minn fuq il-​Bibbja,” jammetti hu. F’qasir żmien, dan iż-​żagħżugħ sab ruħu l-​ħabs akkużat b’serq bl-​armi, u bi qtil. Għalkemm iktar tard reġaʼ rkupra spiritwalment, ara xi prezz għoli kellu jħallas għall-​‘hena tad-​dnub li jgħaddi f’qasir żmien’!—Qabbel Lhud 11:24-26.

11. Id-​dilemma li kellu l-​iben il-​ħali kif komp­liet sejra għall-​agħar, u xi wħud illum kif skoprew li l-​ħajriet tad-​dinja m’humiex ħlief “kliem qarrieq u fieragħ”?

11 Id-​dilemma li kellu l-​iben il-​ħali komp­liet sejra għall-​agħar minħabba l-​fatt li “ħadd ma kien jagħtih.” Fejn kienu l-​ħbieb il-​ġodda tiegħu? Issa li kien bla sold fil-​but, donnhom li ‘ma ridux’ jafu bih iktar. (Proverbji 14:20) Bl-​istess mod, ħafna llum li jitbiegħdu mill-​fidi jiskopru li l-​ħajriet u l-​opinjonijiet taʼ din id-​dinja m’humiex ħlief “kliem qarrieq u fieragħ.” (Kolossin 2:8) Waħda mara żagħżugħa li għal xi żmien kienet telqet mill-​organizzazzjoni t’Alla qalet: “Tant sofrejt uġigħ u qsim il-​qalb mingħajr il-​gwida taʼ Jehovah. Ipprovajt inkun bħad-​dinja, imma minħabba li ma kontx għalkollox bħall-​oħrajn, dawn irrifjutawni. Ħassejt­ni qisni xi tifla li ma tafx fejn hi sejra u kellha bżonn taʼ missier biex jiggwidaha. Kien f’dak il-​mument li rrealizzajt li kelli bżonn Jehovah. Qatt ma ridt nerġaʼ ngħix indipendenti minnu.” L-​iben il-​ħali fit-​tixbieha taʼ Ġesù wasal għal realizzazzjoni simili.

L-​Iben il-​Ħali Jiġi f’Sensih

12, 13. Liema fatturi għenu lil xi wħud illum biex jiġu f’sensihom? (Ara l-​kaxxa.)

12 “Mbagħad daħal fih innifsu u qal, ‘Kemm lavranti maʼ missieri għandhom ħobż bix-​xabaʼ, u jien qiegħed hawn immut bil-​ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, ‘Missier, dnibt kontra s-​sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-​lavranti tiegħek.’ Qam, u telaq għal għand missieru.”—Luqa 15:17-20.

13 L-​iben il-​ħali “daħal fih innifsu.” Għal xi żmien, kien moħħu biss fil-​pjaċiri, bħallikieku kien jgħix f’xi dinja tal-​ħolm. Imma issa sar verament konxju tal-​kundizzjoni spiritwali reali tiegħu. Iva, avolja kien waqaʼ, kien għad hemm tama għal dan ir-​raġel żagħżugħ. Kien għad għandu xi ħaġa tajba. (Proverbji 24:16; qabbel it-2 Kronaki 19:2, 3.) Xi ngħidu għal dawk li jħallu l-​merħla t’Alla llum? Huwa raġunevoli li nikkonkludu li m’hemmx tama għal dawn kollha, u li kien x’kien il-​każ, il-​korsa ribelluża tagħhom turi li huma dinbu kontra l-​ispirtu qaddis t’Alla? (Mattew 12:31, 32) Mhux neċessarjament. Numru minnhom jinsabu tturmentati mill-​korsa laxka tagħhom, u maż-​żmien ħafna minnhom jiġu f’sensihom. “M’għaddietx ġurnata li ma kontx niftakar f’Jehovah,” tgħid oħt, hekk kif tirrifletti fuq iż-​żmien li ma kinitx parti mill-​organizzazzjoni t’Alla. “Dejjem kont nitlob li b’xi mod, xi darba, hu jaċċettani lura fil-​verità.”—Salm 119:176.

14. L-​iben il-​ħali liema riżoluzzjoni għamel, u billi għamel dan kif wera umiltà?

14 Imma dawk li tbiegħdu, x’jistgħu jagħm­lu dwar is-​sitwazzjoni tagħhom? Fil-​parabbola taʼ Ġesù, l-​iben il-​ħali ddeċieda li jivv­jaġġa lura lejn id-​dar u jitlob lil missieru biex jaħfirlu. “Żommni b’wieħed mil-​lavranti tiegħek,” iddeċieda li jgħid l-​iben il-​ħali. Qaddej mikri kien jaħdem ġurnata b’ġurnata u setaʼ jitkeċċa billi jiġi avżat il-​ġurnata taʼ qabel. Dan kien inqas minn irsir li, f’ċertu sens, kien bħal membru tal-​familja. Għalhekk, l-​iben il-​ħali ma kellux f’moħħu li jerġaʼ jieħu postu bħala iben. Kien lest li jaċċetta l-​inqas pożizzjoni sabiex jagħti prova minn jum għal jum tal-​lealtà mġedda tiegħu lejn missieru. Madankollu, x’sorpriża kien hemm għal dan l-​iben il-​ħali!

Laqgħa mill-​Qalb

15-17. (a) Il-​missier kif irreaġixxa x’ħin ra lil ibnu? (b) Il-​libsa, iċ-​ċurkett, u s-​sandli li l-​missier ipprovda lill-​iben x’jissinjifikaw? (ċ) X’juri l-​fatt li l-​missier ordna biex issir festa?

15 “Kif kien għadu fil-​bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inx­teħet fuq għonqu u biesu. ‘Missier,’ qallu ibnu, ‘dnibt kontra s-​sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.’ Iżda l-​missier qal lill-​qaddejja tiegħu, ‘Isaw! Ġibulu l-​isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-​ċurkett f’sebgħu u s-​sandli f’riġlejh! Ġibu l-​għoġol l-​imsemmen u oqt­luh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġaʼ qam, kien mitluf u nstab!’ U għamlu festa.”—Luqa 15:20-24.

16 Kull ġenitur li jħobb ikun jixtieq li ibnu jew bintu jerġgħu jirkupraw spiritwalment. Għaldaqstant, nistgħu nimmaġinaw lill-​missier taʼ dan l-​iben il-​ħali kull jum iħares kollu ansjuż lejn it-​trejqa taʼ quddiem id-​dar tiegħu, bit-​tama li jara lil ibnu ġej lura. Issa jilmaħ lil ibnu ġej minn dik it-​trejqa! Id-​dehra taż-​żagħżugħ kienet bla dubju nbidlet. Xorta waħda, missieru jagħrfu hekk kif “għadu fil-​bogħod.” Hu ma jagħtix kas tal-​ħwejjeġ imċerċrin u taʼ l-​ispirtu dipress; hu jara lil ibnu, u jmur jiġri biex jiltaqaʼ miegħu!

17 Meta l-​missier wasal ħdejn ibnu, għann­qu miegħu u biesu b’mod teneru. Imbagħad ikkmanda lill-​irsiera tiegħu biex lil ibnu jġibulu libsa, ċurkett, u sandli. Din il-​libsa ma kinitx xi libsa komuni, imma kienet “l-​isbaħ libsa”​—forsi libsa kollha rakkmu bħal dawk li kienu joffru lil xi mistieden ipprivileġġat. Ladarba l-​irsiera ġeneralment ma kontx tarahom b’xi ċurkett jew b’xi sandli, il-​missier kien qed jagħmilha ċara li ibnu kien qed jiġi milqugħ bħala membru sħiħ tal-​familja. Imma l-​missier għamel iktar minn hekk. Hu ordna li ssir festa biex jiġi ċċelebrat ir-​ritorn taʼ ibnu. Bla ebda dubju, dan ir-​raġel ma kienx qed jaħfer lil ibnu kontra qalbu, jew sempliċement għax ir-​ritorn taʼ ibnu għamel dan obbligatorju; hu ried jaħfirlu. Dan ġagħlu jifraħ.

18, 19. (a) Il-​parabbola taʼ l-​iben il-​ħali x’tgħallimna dwar Jehovah? (b) Bħalma huwa muri minn kif ittratta maʼ Ġuda u Ġerusalemm, Jehovah kif ikun “imxennaq” għar-​ritorn taʼ wieħed midneb?

18 X’għallmitna s’issa, din il-​parabbola taʼ l-​iben il-​ħali dwar dak Alla li aħna għandna l-​privileġġ li nqimu? L-​ewwel, li Jehovah “jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-​tjieba [“qalb tajba bl-​imħabba,” NW] u l-​fedeltà.” (Eżodu 34:6) Tabilħaqq, il-​ħniena hija kwalità li tispikka t’Alla. Huwa normali għalih li jaġixxi hekk maʼ dawk fil-​bżonn. Imbagħad, il-​parabbola taʼ Ġesù tgħallimna li Jehovah ‘[“lest biex,” Karm Żammit] jaħfer.’ (Salm 86:5) Hu jinsab attent, biex ngħidu hekk, biex josserva kwalunkwe bidla fil-​qalb min-​naħa taʼ bnedmin midinbin li tipprovdilu bażi biex jurihom il-​ħniena.—2 Kronaki 12:12; 16:9.

19 Aħseb ftit, per eżempju, dwar il-​mod kif Alla ttratta maʼ Iżrael. Il-​profeta Isaija ġie mnebbaħ minn Jehovah biex jiddeskrivi lil Ġuda u lil Ġerusalemm bħala ‘morda minn qiegħ ir-​riġel sar-​ras.’ Madankollu, hu qal ukoll: “[I]mxennaq il-​Mulej biex jagħdirkom, u għalhekk iqum biex iħenn għalikom.” (Korsiv tagħna.) (Isaija 1:5, 6; 30:18; 55:7; Eżekjel 33:11) Bħall-​missier fil-​parabbola taʼ Ġesù, Jehovah qiegħed bħallikieku ‘attent għat-​trejqa.’ Hu jantiċipa bil-​ħerqa r-​ritorn taʼ min tbiegħed minn daru. Mhux dan tistenna minn missier kollu mħabba?—Salm 103:13.

20, 21. (a) Il-​ħniena taʼ Jehovah b’liema mod qiegħda tiġbed lil ħafna llum? (b) X’se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss?

20 Kull sena, il-​ħniena taʼ Jehovah tiġbed lil ħafna biex jiġu f’sensihom u jerġgħu lura għall-​qima vera. X’ferħ iġib dan lill-​maħbubin tagħhom! Ħu, per eżempju, dak il-​missier Kristjan li semmejna fil-​bidu. Nieħdu gost ngħidu li bintu rkuprat spiritwalment u issa qed taqdi bħala ministru full-time. “Ma nistax inkun iktar ferħan f’din is-​sistema qadima,” qal hu. “Id-​dmugħ taʼ niket tiegħi nbidel fi dmugħ taʼ ferħ.” Żgur li anki Jehovah jifraħ!—Proverbji 27:11.

21 Imma l-​parabbola taʼ l-​iben il-​ħali tfisser iktar minn hekk. Ġesù kompla l-​istorja tiegħu sabiex ikun jistaʼ jagħmel kuntrast bejn il-​ħniena taʼ Jehovah u l-​attitudni riġida u pronta biex tiġġudika taʼ l-​iskribi u l-​Fariżej. Kif għamel dan​—u x’ifisser għalina—​se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a Il-parabboli u t-​tixbihat l-​oħrajn irrakkontati fil-​Bibbja mhux neċessarjament ikunu ġraw veru. Barra minn hekk, ladarba l-​iskop taʼ dawn l-​istejjer huwa li jagħtu tagħlima morali, m’hemmx għalfejn infittxu għal xi tifsira simbolika f’kull dettall.

b  Is-sinjifikat profetiku taʼ din il-​parabbola huwa diskuss fil-​ktieb L-​Aqwa Bniedem li Qatt Għex, kapitlu 86.

Bħala Reviżjoni

◻ L-​attitudni taʼ Ġesù lejn il-​ħniena kif kienet f’kuntrast maʼ dik tal-​Fariżej?

◻ Min illum jixbah lill-​iben il-​ħali, u kif?

◻ Liema ċirkustanzi wasslu biex l-​iben il-​ħali jiġi f’sensih?

◻ Il-​missier kif wera ħniena lejn ibnu li nidem?

[Kaxxa f’paġna 11]

DAWN ĠEW F’SENSIHOM

X’inhu dak li għen lil xi wħud li darba tkeċċew mill-​kongregazzjoni Kristjana biex jiġu f’sensihom? Il-​kummenti li ġejjin jitfgħu dawl fuq il-​kwistjoni.

“F’qalbi dejjem kont naf fejn kienet il-​verità. Dawk is-​snin sħaħ nistudja l-​Bibbja u mmur għal-​laqgħat Kristjani kellhom impatt kbir fuqi. Kif stajt nibqaʼ nagħti dahri lil Jehovah? Mhux hu kien telaqni; jien kont tlaqtu. Fl-​aħħar, ammettejt kemm kont żbaljata u rasi iebsa, u kemm dejjem kellha raġun il-​Kelma taʼ Jehovah​—‘dak li tiżraʼ taħsad.’”—C.W.

“It-​tarbija tiegħi bdiet tgħid l-​ewwel kliem tagħha, u dak tant missli qalbi ladarba xtaqt ngħallimha affarijiet bħal, min hu Jehovah u kif tistaʼ titlob lilu. Ma kontx inkun nistaʼ norqod, u darba tard bil-​lejl qbadt il-​karozza u mort fi ġnien u nfqajt nibki. Bkejt u tlabt lil Jehovah għall-​ewwel darba wara ħafna żmien. Kulma kont naf hu, li kelli bżonn lil Jehovah lura f’ħajti, u bdejt nittama li setaʼ jaħfirli.”—G.H.

“Meta xi ħadd kien jaqbadha fuq ir-​reliġjon, jien kont ngħidlu illi li kieku kelli nagħżel ir-​reliġjon li kienet tgħallem il-​verità, bilfors kelli nkun waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Imbagħad kont ngħidlu li qabel jien kont waħda minnhom, imma ma kontx kapaċi nżomm il-​livelli meħtiġin, u għalhekk tlaqt. Meta kont nirrealizza dan, spiss kont inħossni ħatja u mdejqa. Fl-​aħħar ammettejt, ‘Kemm inħossni mdejqa! Għandi bżonn nagħmel bidliet drastiċi.’”—C.N.

“Ħamsa u tletin sena ilu, jien u żewġi ġejna maqtugħin mis-​sħubija. Imbagħad, fl-​1991, kell­na sorpriża verament sabiħa meta ġew iżuruna żewġ anzjani u tawna informazzjoni dwar il-​possibbiltà li nerġgħu lura lejn Jehovah. Kemm fraħna meta sitt xhur wara, erġajna ġejna aċċettati bħala parti mill-​kongregazzjoni! Żewġi għandu 79 sena, u jien għandi 63.”—C.A.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja