LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • gt kap. 86
  • L-Istorja taʼ Iben Mitluf

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Istorja taʼ Iben Mitluf
  • L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Meta l-​Iben Mitluf Jinstab
  • L-iben li kien mitluf jerġaʼ lura
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • “Jaħweh! Alla li Jagħder u Jħenn”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Imita l-Ħniena taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • “It-Triq, il-Verità, u l-Ħajja”
    “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
Ara Iżjed
L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
gt kap. 86

Kapitlu 86

L-​Istorja taʼ Iben Mitluf

BILLI għadu kif spiċċa jirrakkonta xi tixbihat lill-​Fariżej dwar li wieħed jerġaʼ jsib nagħġa mitlufa u munita taʼ drakma mitlufa, Ġesù jkompli issa b’tixbieha oħra. Din il-​waħda hija dwar missier li jħobb u dwar kif hu jittratta maż-​żewġ uliedu, li t-​tnejn li huma għandhom ħtijiet serji.

L-ewwel, hemm l-​iben iż-​żgħir, il-​karattru prinċipali tat-​tixbieha. Hu jiġbor il-​wirt tiegħu, li jingħatalu minn missieru bla ma jaħsibha darbtejn. Hu mbagħad jitlaq mid-​dar u jinvolvi ruħu f’mod taʼ ħajja immorali ferm. Imma ismaʼ waqt li Ġesù jirrakkonta l-​istorja, u ara jekk tistax tiddetermina lil min jirrappreżentaw il-​karattri.

“Ċertu raġel,” jibda Ġesù, “kellu żewġ ulied. U l-​iżgħar wieħed minnhom qal lil missieru, ‘Missier, agħtini l-​parti tal-​propjetà li hija sehmi.’ Imbagħad [il-missier] qassmilhom il-​mezz taʼ għixien tiegħu.” Dan l-​iżgħar wieħed x’jagħmel b’dak li jirċievi?

“Iktar tard,” jispjega Ġesù, “wara ftit jiem, l-​iben iż-​żgħir ġabar l-​affarijiet kollha flimkien u siefer lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq il-​propjetà tiegħu billi għex ħajja laxka.” Attwalment, hu jonfoq il-​flus tiegħu billi jgħix mal-​prostituti. Wara dan jiġu żminijiet ibsin, bħalma Ġesù jissokta jirrakkonta:

“Meta kien nefaq kollox, ġuħ kbir seħħ maʼ dak il-​pajjiż kollu, u hu beda jħoss ruħu fil-​bżonn. Hu saħansitra mar u ssieħeb maʼ wieħed miċ-​ċittadini taʼ dak il-​pajjiż, u dan bagħtu ġol-​egħlieqi tiegħu biex jirgħa l-​ħnieżer. U hu kien ikun jixtieq li jimla żaqqu bl-​imżiewed tal-​ħarrub li kienu qed jieklu l-​ħnieżer, u ħadd ma kien jagħtih xi ħaġa.”

Kemm hu degradanti li tiġi mġiegħel taqbad ix-​xogħol taʼ li tirgħa l-​ħnieżer, ladarba dawn l-​annimali kienu maħmuġin skond il-​Liġi! Imma l-​iktar ħaġa li weġġgħet lill-​iben kienet il-​ġuħ persistenti li saħansitra ġiegħlu jixtieq l-​ikel li kien mitmugħ lill-​ħnieżer. Minħabba l-​gwaj terribbli tiegħu, Ġesù qal, hu “ġie f’sensih.”

Billi jkompli l-​istorja tiegħu, Ġesù jispjega: “Hu qal [bejnu u bejn ruħu], ‘Kemm irġiel mikrijin taʼ missieri għandhom ħobż bix-​xabaʼ, waqt li jien qed ngħib hawn bil-​ġuħ! Se nqum u nivvjaġġa lejn missieri u ngħidlu: “Missier, jien dnibt kontra s-​sema u kontra tiegħek. M’għadux jistħoqqli li nissejjaħ ibnek. Agħmilni bħal wieħed mill-​irġiel mikrijin tiegħek.”’ Mela hu qam u mar għand missieru.”

Hawnhekk hawn xi ħaġa x’nikkunsidraw: Kieku missieru kien dar fuqu u kien għajjat bir-​rabja miegħu meta telaq mid-​dar, l-​iben x’aktarx li ma kienx ikun daqshekk deċiż dwar x’għandu jagħmel. Hu forsi kien jiddeċiedi li jmur lura u jipprova jsib ix-​xogħol x’imkien ieħor f’pajjiżu biex ma jkollux iħabbat wiċċu maʼ missieru. Madankollu, ebda ħsieb bħal dan ma kellu f’moħħu. Daru kienet il-​post fejn hu ried li jkun!

Biċ-ċar, il-​missier fit-​tixbieha taʼ Ġesù jirrappreżenta lil Alla Jehovah, Missierna tas-​sema, kollu mħabba u ħniena. U int forsi tirrikonoxxi wkoll li l-​iben mitluf, jew prodigu, jirrappreżenta lil midinbin magħrufin. Il-​Fariżej, li lilhom Ġesù qiegħed ikellem, ikkritikaw iktar kmieni lil Ġesù talli kiel maʼ dawn l-​istess uħud. Imma l-​iben il-​kbir lil min jirrappreżenta?

Meta l-​Iben Mitluf Jinstab

Meta l-​iben mitluf, jew prodigu, fit-​tixbieha taʼ Ġesù jmur lura lejn dar missieru, liema xorta taʼ riċeviment ikollu? Ismaʼ waqt li Ġesù jiddeskrivih:

“Waqt li kien għadu ’l bogħod, missieru lemħu u tqanqal mill-​ħasra, u hu ġera u xteħet fuq għonqu u biesu b’mod teneru.” X’missier ħanin u taʼ qalb tajba, li jirrappreżenta tant tajjeb lil Missierna tas-​sema, Jehovah!

X’aktarx li l-​missier kien semaʼ bil-​ħajja laxka taʼ ibnu. Iżda hu jilqgħu d-​dar mingħajr ma jistenna spjegazzjoni dettaljata. Ġesù wkoll għandu spirtu ospitabbli bħal dan, billi jieħu l-​inizzjattiva f’li jilqaʼ lill-​midinbin u lil dawk li jiġbru t-​taxxi, li huma rrappreżentati fit-​tixbieha mill-​iben prodigu.

Veru, il-​missier li għandu d-​dehen fit-​tixbieha taʼ Ġesù bla dubju għandu xi ideja dwar l-​indiema taʼ ibnu billi josserva l-​wiċċ sogħbien u skuraġġit tiegħu hu u ġej lura. Imma l-​inizzjattiva bl-​imħabba tal-​missier tagħmilha iktar faċli għall-​iben biex jistqarr dnubietu, bħalma jirrakkonta Ġesù: “Imbagħad l-​iben qallu, ‘Missier, jien dnibt kontra s-​sema u kontra tiegħek. M’għadnix jistħoqqli li nissejjaħ ibnek. Agħmilni bħal wieħed mill-​irġiel mikrijin tiegħek.’”

Iżda, il-​kliem bil-​kemm għadu ħareġ minn fomm l-​iben meta l-​missier jidħol fl-​azzjoni, billi jordna lill-​irsiera tiegħu: “Ħaffu! oħorġu libsa, l-​aħjar waħda, u libbsuhielu, u poġġu ċurkett fuq idu u sandli fuq saqajh. U ġibu l-​għoġol l-​imsemmen, oqtluh u ejjew nieklu u nieħdu pjaċir, għaliex dan ibni kien mejjet u reġaʼ ħa l-​ħajja; kien mitluf u nstab.” Imbagħad huma jibdew “jieħdu pjaċir.”

Sadanittant, l-​‘iben il-​kbir’ tal-​missier “kien fil-​għalqa.” Ara jekk inti tistax tidentifika lil min jirrappreżenta hu billi tismaʼ l-​bqija tal-​istorja. Ġesù jgħid dwar l-​iben il-​kbir: “Waqt li kien ġej u wasal qrib id-​dar hu semaʼ kunċert taʼ mużika u żfin. Mela hu sejjaħ lil wieħed mill-​qaddejja lejh u staqsa x’kienu jfissru dawn l-​affarijiet. Hu qallu, ‘Ġie ħuk, u missierek qatel il-​għoġol l-​imsemmen, għaliex ħadu lura f’saħħtu.’ Imma hu sar imgħaddab u ma riedx jidħol ġewwa. Imbagħad missieru ħareġ barra u beda jitolbu bil-​ħniena. Bi tweġiba hu qal lil missieru, ‘Ili tant snin nitjassar għalik u lanqas darba ma ksirt il-​kmandament tiegħek, u madankollu lili int lanqas darba ma tajtni gidi biex ingawdi maʼ ħbiebi. Imma malli wasal dan ibnek li kiel il-​mezz taʼ għixien tiegħek maʼ nisa żienja, int qtilt il-​għoġol l-​imsemmen għalih.’”

Min, bħall-​iben il-​kbir, kien qed jikkritika l-​ħniena u l-​attenzjoni murijin lejn il-​midinbin? Mhux l-​iskribi u l-​Fariżej? Ladarba hija l-​kritika tagħhom lejn Ġesù għaliex hu jilqaʼ lill-​midinbin li qanqlet din it-​tixbieha, huma b’mod ċar iridu jkunu dawk li huma rrappreżentati mill-​iben il-​kbir.

Ġesù jikkonkludi l-​istorja tiegħu bl-​appell tal-​missier lil ibnu l-​kbir: “Ibni, int dejjem kont miegħi, u l-​affarijiet kollha li huma tiegħi huma tiegħek; imma aħna sempliċement kellna nieħdu pjaċir u nifirħu, għaliex dan ħuk kien mejjet u ħa l-​ħajja, u kien mitluf u nstab.”

Ġesù b’hekk ma jgħidx x’jagħmel l-​iben il-​kbir eventwalment. Tabilħaqq, iktar tard, wara l-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù, “folla kbira taʼ qassisin bdew ikunu ubbidjenti lejn il-​fidi,” possibbilment inklużi xi wħud minn dawn tal-​klassi tal-​‘iben il-​kbir’ li lilhom Ġesù qiegħed hawn ikellem.

Imma llum min huma dawk irrappreżentati miż-​żewġ ulied? Bil-​fors li jirrappreżentaw lil dawk li saru jafu biżżejjed dwar il-​għanijiet taʼ Jehovah biex ikollhom bażi biex jidħlu f’relazzjoni miegħu. L-​iben il-​kbir jirrappreżenta lil xi membri tal-​“merħla ċkejkna,” jew “kongregazzjoni tal-​imweldin l-​ewwel li ġew miktubin fis-​smewwiet.” Dawn adottaw attitudni bħal dik tal-​iben il-​kbir. Huma ma kellhom ebda xewqa biex jilqgħu klassi tal-​art, in-​“ngħaġ oħra,” li huma ħassew li kienu qed jisirqu l-​attenzjoni.

L-iben prodigu, mill-​banda l-​oħra, jirrappreżenta lil dawk mill-​poplu t’Alla li jitilqu biex igawdu l-​pjaċiri li d-​dinja toffri. Maż-​żmien, madankollu, dawn iduru lura b’indiema u għal darb’oħra jsiru qaddejja attivi t’Alla. Tabilħaqq, il-​Missier kemm hu taʼ mħabba u ħanin lejn dawk li jirrikonoxxu li għandhom bżonn maħfra u jduru lura lejh! Luqa 15:11-32; Levitiku 11:​7, 8; Atti 6:7; Luqa 12:32; Ebrej 12:23; Ġwann 10:16.

▪ Ġesù lil min igħidha din it-​tixbieha, jew storja, u għala?

▪ Min hu l-​karattru prinċipali fl-​istorja, u x’jiġrilu?

▪ Il-​missier u l-​iben iż-​żgħir lil min jirrappreżentaw fi żmien Ġesù?

▪ Ġesù kif jimita l-​eżempju tal-​missier li jħenn tat-​tixbieha tiegħu?

▪ L-​iben il-​kbir kif iħares lejn il-​laqgħa li kellu ħuh, u l-​Fariżej kif iġibu ruħhom bħall-​iben il-​kbir?

▪ It-​tixbieha taʼ Ġesù kif tapplika fi żmienna?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja