Imita l-Ħniena taʼ Jehovah
“Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.”—LUQA 6:36.
1. Il-Fariżej kif urew li ma kellhom ebda ħniena?
GĦALKEMM maħluqin fi xbieha t’Alla, il-bnedmin taʼ spiss jonqsu li jimitaw il-ħniena tiegħu. (Ġenesi 1:27) Per eżempju, ikkunsidra l-Fariżej. Dawn bħala grupp, sabuha ferm diffiċli biex jifirħu meta Ġesù bil-ħniena kollha fejjaq l-id niexfa taʼ wieħed raġel fil-ġurnata tas-Sabat. Minflok, bdew jiftiehmu kontra Ġesù dwar “kif se jeqirduh.” (Mattew 12:9-14) F’okkażjoni oħra, Ġesù fejjaq raġel li kien għami mit-twelid. Għal darb’oħra, “xi wħud mill-Fariżej” ma raw ebda raġuni għala kellhom jifirħu minħabba l-mogħdrija li wera Ġesù. Minflok, huma lmentaw: “Dan il-bniedem m’huwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt.”—Ġwann 9:1-7, 16.
2, 3. Ġesù x’ried ifisser bl-istqarrija tiegħu, “Ilqgħu ruħkom mill-ħmira tal-Fariżej”?
2 Il-qalb iebsa li wrew il-Fariżej kienet delitt kontra l-umanità u dnub kontra Alla. (Ġwann 9:39-41) Mhux taʼ b’xejn li Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu, “Ilqgħu ruħkom mill-ħmira” taʼ dan il-grupp taʼ nies li jippretenduha u reliġjonisti oħrajn, bħalma kienu s-Sadduċej. (Mattew 16:6) Fil-Bibbja, il-ħmira hija wżata biex tirrappreżenta d-dnub jew il-korruzzjoni. Mela Ġesù kien qed jgħid li t-tagħlim tal-“kittieba [skribi] u l-Fariżej” setaʼ jikkorrompi l-qima pura. Kif? Minħabba li dan għallem lin-nies biex il-Liġi t’Alla jqisuha biss f’termini tar-regoli arbitrarji u r-ritwali tagħhom, waqt li jinjoraw “dak li hu l-aqwa,” inkluża l-ħniena. (Mattew 23:23) Din il-forma ritwalistika taʼ reliġjon, lill-qima t’Alla għamlitha tagħbija li ħadd ma kien jiflaħha.
3 Fit-tieni parti tal-parabbola tiegħu taʼ l-iben il-ħali, Ġesù kixef il-ħsieb korrott tal-mexxejja reliġjużi. Fil-parabbola, il-missier li jirrappreżenta lil Jehovah, kien ħerqan biex jaħfer lill-ibnu li kien niedem. Imma ħu t-tifel, li kien akbar minnu, u li kien jirrappreżenta lil ‘Fariżej u lill-kittieba [skribi],’ kien jaħsibha kompletament differenti fuq din il-kwistjoni.—Luqa 15:2.
Il-Korla taʼ Ħuh
4, 5. Ħu l-iben il-ħali f’liema sens kien “mitluf”?
4 “Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġaʼ lura, kif wasal qrib id-dar samaʼ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. ‘Hawn ħuk,’ qallu dak, ‘u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġaʼ kisbu qawwi u sħiħ.’ Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa.”—Luqa 15:25-28.
5 Jidher ċar li l-iben il-ħali ma kienx l-uniku wieħed li kellu problema. “Iż-żewġ ulied iffigurati hawnhekk huma mitlufin,” jgħid xogħol wieħed taʼ referenza, “wieħed minħabba n-nuqqas taʼ tjieba li jiddegradah, u l-ieħor minħabba li jqis lilu nnifsu bħala twajjeb, u dan jagħmih.” Innota li ħu l-iben il-ħali mhux talli rrifjuta li jifraħ imma talli “inkorla.” L-għerq tal-kelma “korla” fil-Grieg jissuġġerixxi, mhux sempliċement li telagħlu u beda jirrabja, imma kundizzjoni kontinwa tal-moħħ. Milli jidher, ħu l-iben il-ħali kien ilu jżomm f’qalbu għal ħuh, u għalhekk ħass li ma kienx xieraq li jiċċelebra r-ritorn taʼ xi ħadd li wara kollox qatt ma missu telaq mid-dar.
6. Ħu l-iben il-ħali lil min jirrappreżenta, u għala?
6 Ħu l-iben il-ħali jirrappreżenta tajjeb lil dawk li ma ħadux pjaċir bil-mogħdrija u l-attenzjoni li wera Ġesù mal-midinbin. Dawk li kienu jqisu lilhom infushom bħala twajbin ma tqanqlux mill-ħniena li wera Ġesù; lanqas ma rriflettew dak il-ferħ li jkun hemm fis-sema meta wieħed midneb jiġi maħfur. Minflok, il-ħniena li Ġesù wera ġagħlithom jinkorlaw, u bdew ‘jaħsbu ħażin’ f’qalbhom. (Mattew 9:2-4) Darba minnhom, xi wħud mill-Fariżej tant kienu rrabjati li baqgħu baqgħu sakemm sejħu lil dak ir-raġel li Ġesù kien fejqu, u mbagħad “keċċewh ’il barra” mis-sinagoga—mid-dehra qalftuh ’il barra! (Ġwann 9:22, 34) Il-mexxejja reliġjużi Lhud, bħal ħu l-iben il-ħali li “ma riedx jidħol ġewwa,” irrifjutawha l-opportunità li kellhom biex ‘jifirħu maʼ min jifraħ.’ (Rumani 12:15) Ġesù kompla jikxef ir-raġunamenti mill-agħar tagħhom hekk kif kompla bil-parabbola tiegħu.
Raġunament Żbaljat
7, 8. (a) Ħu l-iben il-ħali b’liema mod ma kienx fehem x’kien verament ifisser li tkun iben? (b) L-iben il-kbir fiex kien differenti minn missieru?
7 “Iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. ‘Ara,’ qal lil missieru, ‘ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni ġidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ maʼ ħbiebi! Mbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!’”—Luqa 15:28-30.
8 B’dan il-kliem, ħu l-iben il-ħali għamilha ċara kemm ma kienx fehem x’kien verament ifisser li tkun iben. Hu kien jaqdi lil missieru bil-mod li wieħed impjegat jaqdi lill-imgħallem tiegħu. Hu stess hekk qallu lil missieru: “ili . . . naqdik.” Veru li dan l-iben il-kbir qatt ma telaq mid-dar jew kiser il-kelma taʼ missieru. Imma kienet l-ubbidjenza tiegħu ġejja mill-imħabba? Kien hu jħossu verament ferħan li kien qed jaqdi lil missieru, jew minflok kien qed iħossu iktar u iktar sodisfatt bih innifsu, għax ħaseb li kien iben tajjeb sempliċement għax għamel dmiru u ħadem “fl-għalqa”? Kieku kien verament iben devot, għala naqas li jaħsibha kif kien jaħsibha missieru? Meta kellu opportunità li juri l-ħniena maʼ ħuh, għala ma kien hemm ebda lok għal mogħdrija f’qalbu?—Qabbel Salm 50:20-22.
9. Spjega kif il-mexxejja reliġjużi Lhud kienu jixbhu lill-iben il-kbir.
9 Il-mexxejja reliġjużi Lhud kienu jixbhu lil dan l-iben il-kbir. Kienu jaħsbu li kienu leali lejn Alla għaliex żammew b’mod strett mal-kodiċi tal-liġi. Veru, l-ubbidjenza hija vitali. (1 Samwel 15:22) Imma l-enfasi żejda li poġġew fuq l-għemejjel bidlu l-qima t’Alla f’rutina mekkanika, sempliċi qoxra taʼ devozzjoni b’ebda spiritwalità vera. Moħħhom kien ossessjonat bit-tradizzjonijiet. L-imħabba ma kinitx teżisti f’qalbhom. Mhux talli hekk, imma talli lin-nies komuni kienu jqisuhom bħala trab taħt saqajhom, saħansitra jirreferu għalihom b’disprezz bħala “nies misħuta.” (Ġwann 7:49) Tabilħaqq, kif setaʼ Alla jibqaʼ impressjonat bil-għemejjel taʼ dawn il-mexxejja meta qalbhom kienet ferm ’il bogħod minnu?—Mattew 15:7, 8.
10. (a) Il-kelmiet, “Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju” għala kienu parir f’waqtu? (b) Nuqqas taʼ ħniena kemm huwa serju?
10 Ġesù qal lill-Fariżej biex ‘imorru u jitgħallmu x’jiġifieri, “Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju.”’ (Mattew 9:13; Hosegħa 6:6, KŻ) Ma kinux jagħrfu eżattament x’kienu l-prijoritajiet, għax mingħajr il-ħniena s-sagrifiċċji kollha tagħhom ma kienu jiswew xejn. Din hija xi ħaġa verament serja, għax il-Bibbja tistqarr li dawk “bla qalb [“ħniena,” KŻ]” huma magħdudin fost dawk li Alla jgħid li ‘ħaqqhom il-mewt.’ (Rumani 1:31, 32) M’għandniex għalfejn niskantaw, għalhekk, li Ġesù qal li bħala klassi, il-mexxejja reliġjużi kien hemm qerda taʼ dejjem tistenniehom. Jidher ċar li kien in-nuqqas taʼ ħniena tagħhom li kkontribwixxa l-iktar biex ikun ħaqqhom dan il-ġudizzju. (Mattew 23:33) Imma forsi xi individwi minn din il-klassi setgħu jiġu megħjunin. Bħala konklużjoni għal din il-parabbola, Ġesù stinka biex jirranġa l-ħsieb taʼ dawn il-Lhud permezz tal-kliem li l-missier qal lill-ibnu l-kbir. Ejjew naraw kif.
Il-Ħniena taʼ Missier
11, 12. Il-missier fil-parabbola taʼ Ġesù kif jipprova jirraġuna maʼ ibnu l-kbir, u x’jistaʼ jkun sinjifikanti fil-fatt li l-missier uża l-kelma “ħuk”?
11 “‘Ibni,’ qallu missieru, ‘inti dejjem miegħi, u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġaʼ qam, kien mitluf u nstab.’”—Luqa 15:31, 32.
12 Innota li l-missier uża l-espressjoni “dan ħuk.” Għala? Sewwa, ftakar li iktar kmieni, meta kellem lil missieru, dan l-iben il-kbir kien sejjaħ lill-iben il-ħali “ibnek” mhux “ħija.” Donnu ma kienx jirrikonoxxi r-rabta familjari li kien hemm bejnu u bejn ħuh iż-żgħir. Għalhekk issa, il-missier kien fil-fatt qed jgħid lil dan ibnu l-kbir: ‘Dan m’huwiex biss ibni. Huwa ħuk l-għażiż, demmek stess. Ma taħsibx li għandek għalxiex tifraħ li ġie lura?’ Il-messaġġ taʼ Ġesù suppost kien ċar biżżejjed għall-mexxejja Lhud. Dawk il-midinbin li huma kienu jistmerru kienu fir-realtà “ħuthom.” Tabilħaqq, “ma ssibx bniedem ġust fid-dinja li jagħmel is-sewwa bla ma jaqaʼ f’xi ħtija.” (Koħèlet 7:20) Allura l-Lhud prominenti kellhom għalxiex jifirħu meta l-midinbin kienu jaslu għall-indiema.
13. Il-fatt li l-parabbola taʼ Ġesù tintemm ħesrem iħallina b’liema mistoqsija li ġġagħalna naħsbu?
13 Il-parabbola tintemm ħesrem wara din it-talba tal-missier. Huwa bħallikieku Ġesù qiegħed jistieden lis-semmiegħa tiegħu biex jagħmluha huma l-konklużjoni taʼ din l-istorja. Kien x’kien il-mod li bih irreaġixxa l-iben il-kbir, kull semmiegħ ġie ffaċċjat mill-mistoqsija, ‘Int se jkollok sehem fil-ferħ li jiġi esperjenzat fis-sema meta xi midneb jasal għall-indiema?’ Il-Kristjani llum ukoll għandhom l-opportunità li juru t-tweġiba tagħhom għal din il-mistoqsija. Kif?
Nimitaw il-Ħniena t’Alla Llum
14. (a) Kif nistgħu napplikaw il-parir taʼ Pawlu misjub f’Efesin 5:1 fejn tidħol il-ħniena? (b) Għal liema interpretazzjoni żbaljata rigward il-ħniena t’Alla rridu noqogħdu attenti?
14 Pawlu wissa lill-Efesin: “Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba.” (Efesin 5:1) Għaldaqstant, bħala Kristjani għandna napprezzawha l-ħniena t’Alla, indaħħluha fil-fond taʼ qalbna, u mbagħad nuru din il-kwalità fil-mod kif nittrattaw m’oħrajn. Madankollu, ikun xieraq li noqogħdu attenti. Il-ħniena t’Alla m’għandhiex tiġi interpretata ħażin bħala skuża biex innaqqsu s-serjetà tad-dnub. Per eżempju, hemm xi wħud li għandhom mnejn jirraġunaw b’indifferenza, ‘Jekk nagħmel dnub, dejjem nistaʼ nitlob lil Alla biex jaħfirli, u hu jkollu ħniena minni.’ Attitudni bħal din hija ekwivalenti għal dak li qal Ġuda, wieħed mill-kittieba tal-Bibbja, jiġifieri “li jaqilbu l-grazzja taʼ Alla tagħna f’żína.” (Ġuda 4) Għalkemm Jehovah huwa mimli ħniena, “ma jħalli xejn għaddej” meta jiġi biex jittratta maʼ dawk li jidinbu imma li ma jridux jindmu.—Eżodu 34:7; qabbel Ġożwè 24:19; 1 Ġwann 5:16.
15. (a) L-anzjani b’mod partikulari għala għandhom bżonn iżommu ħarsa bbilanċjata tal-ħniena? (b) Waqt li ma jittollerawx lil min jidneb apposta, l-anzjani x’għandhom jistinkaw biex jagħmlu, u għala?
15 Mill-banda l-oħra, għandna bżonn inkunu daqstant attenti li ma mmorrux fl-estrem l-ieħor—tendenza li nsiru riġidi u niġġudikaw lil dawk li juru ndiema ġenwina u jitnikktu bil-mod kif irid Alla, minħabba dnubiethom. (2 Korintin 7:11) Ladarba l-anzjani huma fdati biex jieħdu ħsieb in-nagħaġ taʼ Jehovah, huwa essenzjali li dawn iżommu ħarsa bbilanċjata f’dan ir-rigward, speċjalment meta jittrattaw kwistjonijiet ġudizzjali. Il-kongregazzjoni Kristjana trid tinżamm nadifa, u huwa xieraq skond l-Iskrittura li ‘jitneħħa l-bniedem il-ħażin’ billi jiġi maqtugħ mis-sħubija. (1 Korintin 5:11-13) Fl-istess ħin, huwa tajjeb li tintwera ħniena meta jkun hemm bażi ċara għal dan. Għalhekk, waqt li l-anzjani ma jittollerawx lil min jidneb apposta, huma jistinkaw biex ifittxu korsa taʼ mħabba u ħniena, li tkun fil-limitu tal-ġustizzja. Huma dejjem iżommu dan il-prinċipju Bibliku quddiem għajnejhom: “Il-ħaqq ikun bla ħniena għal min ma jurix ħniena; u l-ħniena tirbaħ fuq il-ħaqq.”—Ġakbu 2:13; Proverbji 19:17; Mattew 5:7.
16. (a) Permezz tal-Bibbja uri kif Jehovah verament jixtieq li l-midinbin jerġgħu lura għandu. (b) Kif nistgħu nuru li anki aħna nieħdu gost bir-ritorn taʼ midinbin li jaslu għall-indiema?
16 Il-parabbola taʼ l-iben il-ħali tagħmilha ċara li Jehovah jixtieq li dawk li jidinbu jerġgħu lura għandu. Tabilħaqq, hu jibqaʼ jistedinhom sakemm ma jkunx hemm iktar tama għalihom. (Eżekjel 33:11; Malakija 3:7; Rumani 2:4, 5; 2 Pietru 3:9) Bħall-missier taʼ dak l-iben il-ħali, Jehovah jittrattahom bid-dinjità lil dawk li jerġgħu lura, u jaċċettahom lura u jirrikonoxxihom bis-sħiħ bħala membri tal-familja. Qiegħed int timitah lil Jehovah f’dan ir-rigward? Kif taġixxi meta wieħed taʼ l-istess twemmin, li għal xi żmien kien maqtugħ mis-sħubija, jerġaʼ jiġi aċċettat bħala membru tal-kongregazzjoni? Aħna diġà nafu li jkun hemm ‘ferħ fis-smewwiet.’ (Luqa 15:7) Imma jkun hemm ferħ fuq l-art, fil-kongregazzjoni tiegħek, u saħansitra f’qalbek? Jew, bħal fil-każ taʼ l-iben il-kbir fil-parabbola, qed iżżomm f’qalbek, bħallikieku dak l-individwu ma jixraqlux li jiġi milqugħ għax wara kollox qatt ma missu telaq mill-merħla t’Alla?
17. (a) Liema sitwazzjoni żviluppat f’Korintu fl-ewwel seklu, u Pawlu x’parir ta lil dawk fil-kongregazzjoni fuq kif jittrattaw il-kwistjoni? (b) It-twissija taʼ Pawlu għala kienet prattika, u kif nistgħu napplikawha llum? (Ara wkoll il-kaxxa fuq il-lemin.)
17 Biex jgħinna neżaminaw lilna nfusna f’dan ir-rigward, ikkunsidra x’ġara għall-ħabta tas-sena 55 E.K. f’Korintu. Hemmhekk, raġel li kien tkeċċa mill-kongregazzjoni fl-aħħar irranġa ħajtu. L-aħwa x’kellhom jagħmlu? Kellhom huma jiddubitaw mill-indiema tiegħu u jkomplu jevitawh? Għall-kuntrarju, Pawlu ħeġġeġ lill-Korintin: “Mela issa intom għandkom tħennu għalih u tfarrġuh, li ma jmurx jaqtaʼ jiesu taħt it-toqol tan-niket. Għalhekk nitlobkom turuh imħabbitkom għalih.” (2 Korintin 2:7, 8) Taʼ spiss, dawk li jiżbaljaw u juru ndiema jkunu suxxettibbli partikolarment għal sentimenti taʼ diżunur u disperazzjoni. Għaldaqstant, dawn ikunu jeħtieġu li jkollhom l-assiguranza li kemm sħabhom fit-twemmin u kemm Jehovah jħobbuhom. (Ġeremija 31:3; Rumani 1:12) Dan huwa vitali. Għala?
18, 19. (a) Il-Korintin kif urew li iktar qabel kienu indulġenti żżejjed? (b) Attitudni bla ħniena kif irriżultat f’li l-Korintin ‘jiġu megħlubin mix-Xitan’?
18 Waħda mir-raġunijiet li Pawlu ta meta kien qed iwissi lill-Korintin ħalli jipprattikaw il-maħfra kienet, biex ‘ma jegħlibniex ix-Xitan, għax nafu x’inhuma l-ħsibijiet tiegħu.’ (2 Korintin 2:11) X’ried jgħid biha? Sewwa, iktar qabel Pawlu kellu jċanfar lill-kongregazzjoni taʼ Korintu għax kienet indulġenti żżejjed. Huma kienu ppermettew lil dan l-istess raġel ikompli għaddej bi dnubu qisu qatt ma kien xejn. Minħabba li għamlet hekk, il-kongregazzjoni—b’mod partikulari l-anzjani—bdew jogħġbu lil Satana, għax tgħidx kemm kien jieħu gost kieku rnexxielu jġib isem ħażin fuq il-kongregazzjoni.—1 Korintin 5:1-5.
19 Jekk issa jmorru fl-estrem l-ieħor u jirrifjutaw li jaħfru lil dak li jkun nidem, Satana jkun qed jegħlibhom b’mod ieħor. Kif? Billi hu setaʼ japprofitta ruħu mill-fatt li huma jkunu qed ikunu ħorox u bla ħniena. Jekk xi midneb li jkun nidem “jaqtaʼ jiesu taħt it-toqol tan-niket”—jew bħalma tgħid il-Bibbja taʼ Karm Żammit ‘jinbalaʼ bil-kobor żejjed tan-niket tiegħu’—ara l-anzjani x’responsabbiltà kbira jkollhom quddiem Jehovah! (Qabbel Eżekjel 34:6; Ġakbu 3:1.) Kellu raġun Ġesù, wara li wissa lis-segwaċi tiegħu kontra li jfixklu “lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin,” jgħid: “Oqogħdu attenti! Jekk ħuk jaqaʼ f’xi dnub, widdbu, u jekk jindem aħfirlu.”a (Korsiv tagħna.)—Luqa 17:1-4.
20. B’liema mod ikun hemm ferħ kemm fis-sema u kemm fuq l-art meta xi midneb jindem?
20 L-eluf li jerġgħu lura għall-qima pura kull sena huma grati għall-ħniena li Jehovah wera magħhom. “Qatt ma niftakar li kien hemm xi żmien f’ħajti li kont daqshekk ferħana fuq xi ħaġa,” tgħid oħt Kristjana dwar il-fatt li ġiet aċċettata lura bħala parti mill-kongregazzjoni. M’għandniex xi ngħidu, il-ferħ tagħha jidwi fost l-anġli. Jalla aħna wkoll ningħaqdu mal-‘ferħ fis-smewwiet’ li jseħħ meta xi midneb jasal għall-indiema. (Luqa 15:7) Meta nagħmlu dan, inkunu qed nimitaw il-ħniena taʼ Jehovah.
[Nota taʼ taħt]
a Għalkemm milli jidher dak il-midneb f’Korintu reġaʼ ġie aċċettat fil-kongregazzjoni f’perijodu taʼ żmien relattivament qasir, dan m’għandux jintuża bħala livell għall-każijiet kollha taʼ qtugħ mis-sħubija. Kull każ huwa differenti. Xi midinbin jibdew juru ndiema ġenwina kważi immedjatament wara li jitkeċċew. Oħrajn, jieħdu ftit taż-żmien mhux ħażin qabel ma din l-attitudni tkun evidenti. Madankollu, f’kull każ, dawk li jerġgħu jiġu aċċettati fil-kongregazzjoni jridu l-ewwel jagħtu evidenza li huma mnikktin bil-mod kif irid Alla, u fejn dan huwa possibbli, iridu juru xogħlijiet li jixirqu lill-indiema.—Atti 26:20; 2 Korintin 7:11.
Bħala Reviżjoni
◻ Ħu l-iben il-ħali b’liema mod kien jixbah lill-mexxejja reliġjużi Lhud?
◻ Ħu l-iben il-ħali b’liema mod ma kienx fehem x’kien verament ifisser li tkun iben?
◻ Meta nirriflettu fuq il-ħniena t’Alla, liema żewġ estremi jeħtieġ li nevitaw?
◻ Kif nistgħu nimitaw il-ħniena t’Alla llum?
[Kaxxa f’paġna 17]
‘URU MĦABBITKOM GĦALIH’
Rigward il-midneb li tkeċċa u li kien wera ndiema, Pawlu qal lill-kongregazzjoni Kristjana: “Nitlobkom turuh imħabbitkom għalih.” (2 Korintin 2:8) Il-kelma Griega tradotta “turuh” hija terminu legali li jfisser li “tagħmel validu.” Iva, uħud li jkunu wrew indiema u li jiġu aċċettati lura fil-kongregazzjoni jeħtieġ li jħossu li huma maħbubin u milqugħin mill-ġdid bħala membri tal-kongregazzjoni.
Irridu niftakru, madankollu, li l-biċċa l-kbira fil-kongregazzjoni ma jkunux jafu preċiżament x’kienu ċ-ċirkustanzi partikulari li wasslu biex individwu jitkeċċa jew biex jiġi aċċettat lura fil-kongregazzjoni. Barra minn hekk, jistaʼ jkun hemm xi wħud li kienu effettwati jew imweġġgħin personalment—forsi b’konsegwenzi għal tul taʼ żmien—mill-iżball taʼ dak li jkun nidem. Għalhekk, billi nkunu sensittivi fi kwistjonijiet bħal dawn, meta jsir xi avviż dwar xi ħadd li jkun ġie aċċettat lura fil-kongregazzjoni, aħna nistgħu nifhmu għala ma nlissnux espressjonijiet taʼ merħba sakemm dawn ikunu jistgħu jsiru fuq bażi persunali.
Kemm isaħħaħ il-fidi taʼ dawk li jkunu ġew aċċettati lura fil-kongregazzjoni meta jsiru jafu li ntlaqgħu lura bħala membri tal-kongregazzjoni Kristjana! Nistgħu ninkuraġġixxu lil dawn l-individwi li juru ndiema billi nitkellmu magħhom u nieħdu gost nissieħbu magħhom fis-Sala tas-Saltna, fil-ministeru, u f’okkażjonijiet addattati oħrajn. Billi nuru, jew nagħmlu valida, l-imħabba tagħna għal dawn l-individwi għeżież, ma nkunu bl-ebda mod qegħdin inċekknu s-serjetà tad-dnubiet li kkommettew. Minflok, flimkien mal-qtajjaʼ tas-sema, aħna nifirħu għall-fatt li huma ċaħdu l-korsa midinba u reġgħu lura għand Jehovah.—Luqa 15:7.
[Stampa f’paġna 15]
L-iben il-kbir irrifjuta li jifraħ għar-ritorn taʼ ħuh