Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Nilħqu lil Dawk li Diffiċli Tilħaqhom
IX-XHIEDA TAʼ JEHOVAH jagħmlu ħilithom kollha biex jikkuntattjaw lil kulmin jistgħu bil-messaġġ tas-Saltna. Xi drabi jirrikjedi sforz straordinarju biex tilħaq lil dawk li rari jkunu d-dar. (Mark 13:10) F’dan ir-rigward, ħu li jaqdi bħala pijunier speċjali f’pajjiż li jinsab fl-Amerika t’Isfel jirrakkonta l-esperjenza li ġejja.
“Jum wieħed sirt naf li l-gvernatur taʼ l-istat kien se jżur it-territorju fejn ninsabu inkarigati jien u marti. Peress li hu kien ovvjament wieħed minn dawk li rari ssibhom id-dar, ktibtlu ittra u magħha bgħattlu diversi pubblikazzjonijiet Bibliċi, flimkien mal-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna? u l-kotba Mankind’s Search for God u l-Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Fl-ittra tiegħi spjegajtlu l-iskop taʼ kull pubblikazzjoni.
“Peress li kelli interess li nkun naf x’kienet ir-reazzjoni tiegħu għal-letteratura, staqsejt jekk stajtx niltaqaʼ miegħu. Xi ftit ġimgħat wara ngħatajt il-permess li niltaqaʼ miegħu, u ħadt miegħi kopja tal-vidjo Jehovah’s Witnesses—The Organization Behind the Name (Ix-Xhieda taʼ Jehovah—L-Organizzazzjoni Wara l-Isem). Il-laqgħa damet sejra xi sagħtejn. Wara li rajt il-vidjo mal-gvernatur, staqsejtu x’jaħseb dwaru. Hu weġibni: ‘M’hawnx organizzazzjoni oħra bħal tagħkom fuq l-art. Nixtieq kelli nies bħalkom li jistgħu jgħinuni nwettaq il-proġetti tal-gvern tiegħi!’ Imbagħad hu staqsieni jekk qattx irnexxieli mmur sal-kwartieri ġenerali taʼ l-organizzazzjoni tagħna. Jien għedtlu li għalkemm kienet il-mira tiegħi li nagħmel dan minn meta kelli 14-il sena, kienet għadha qatt ma ġietni l-opportunità biex inżur il-kwartieri ġenerali fi Brooklyn, New York. Kienet waħda minn dawk il-miri li huma diffiċli biex tilħaqhom. Għal mument hu ċċassa lejja. Imbagħad qalli li ried jagħtini dik l-opportunità. Ħa ħsieb il-permessi legali u tana żewġ biljetti taʼ l-ajru bħala rigal!
“Il-gvernatur issa jirċievi r-rivisti t-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! b’mod regulari. Nittamaw li dalwaqt inkunu nistgħu nibdew studju tal-Bibbja miegħu.”