Xi Jfisser li Tkun Leali?
IL-ĦASIDIN Lhud tat-tieni seklu Q.E.K. kienu jħossu li huma kienu verament leali. Isimhom ġej minn cha·sidhʹ, it-terminu Ebrajk bażiku għall-kelma “leali.” Huwa meħud min-nom cheʹsedh, li spiss jiġi tradott “qalb tajba bl-imħabba,” “imħabba leali,” “qalb tajba,” “tjubija,” “ħniena.” Skond it-Theological Dictionary of the Old Testament, in-nom cheʹsedh “huwa attiv, soċjali, u dejjiemi [u] jissinjifika mhux biss attitudni umana, imma wkoll l-att li jirriżulta minn din l-attitudni. Huwa att li jħares jew jippromwovi l-ħajja. Huwa azzjoni għan-nom taʼ xi ħadd li qed isofri xi gwaj jew xi niket. Huwa turija taʼ ħbiberija.”
Ovvjament, f’ħafna lingwi ma teżistix kelma waħda li tistaʼ tesprimi t-tifsira sħiħa assoċjata maʼ dan it-terminu Ebrajk kif inhu użat fil-Bibbja. Hu x’inhu l-każ, il-lealtà fis-sens Bibliku tfisser iktar milli wieħed jonora lealment l-obbligi li jkun daħal għalihom. Tinkludi l-idea taʼ rabta b’imħabba flimkien maʼ li wieħed jieħu azzjoni pożittiva sabiex jibbenefika lil ħaddieħor. Biex tifhem xi tfisser il-lealtà vera, ikkunsidra kif intweriet minn Jehovah lejn Abraham, Mosè, David, il-ġens taʼ Iżrael, u l-bnedmin in ġenerali.
Jehovah Wera l-Lealtà
Jehovah qal lil ħabibu Abraham: “Jiena tarka għalik.” (Ġenesi 15:1; Isaija 41:8) Dan ma kienx kliem biss. Jehovah ipproteġa u ħeles lil Abraham u lin-nies taʼ daru mill-Fargħun u minn Abimelek. Hu għen lil Abraham biex dan isalva lil Lot minn attakk taʼ erbaʼ slaten f’daqqa. Jehovah reġaʼ ta l-qawwa prokreattiva lil Abraham li kellu 100 sena u lil Sara li kellha 90 sena sabiex permezz tagħhom setaʼ jiġi n-Nisel imwiegħed. Jehovah ikkomunika regolarment m’Abraham permezz taʼ viżjonijiet, ħolm, u messaġġiera anġeliċi. Fil-fatt, Jehovah wera l-lealtà lejn Abraham meta dan kien ħaj u wkoll żmien twil wara li miet. Matul is-sekli, Jehovah żamm il-wegħdi li kien għamel lid-dixxendenti t’Abraham, il-ġens taʼ Iżrael, minkejja r-ras iebsa tagħhom. Ir-relazzjoni li kellu Jehovah m’Abraham kienet turija taʼ x’inhi l-lealtà vera—l-imħabba msarrfa f’azzjoni.—Ġenesi, kapitli 12 sa 25.
Intqal li “l-Mulej kien ikellem lil Mosè wiċċ imbwiċċ, bħalma bniedem ikellem lil ħabibu.” (Eżodu 33:11, korsiv tagħna.) Iva, ir-relazzjoni li Mosè kellu maʼ Jehovah kienet iktar intima minn dik taʼ kwalunkwe profeta ieħor qabel Ġesù Kristu. Jehovah kif wera l-lealtà tiegħu lejn Mosè?
Bħala raġel t’40 sena mimli qawwa u abbiltà, Mosè bi prużunzjoni refaʼ fuq spallejh ir-responsabbiltà biex jeħles lill-poplu tiegħu. Imma kien għadu ma wasalx iż-żmien. Kellu jaħrab biex jibqaʼ ħaj. Dam 40 sena jirgħa n-nagħaġ f’Midjan. (Atti 7:23-30) Iżda Jehovah xorta waħda m’abbandunahx. Meta wasal iż-żmien addattat, Mosè nġieb lura biex joħroġ lil Iżrael mill-Eġittu.
B’mod simili, Jehovah wera l-lealtà tiegħu lejn David, it-tieni sultan famuż taʼ Iżrael. Meta David kien għadu żagħżugħ, Jehovah qal lill-profeta Samwel: “Qum u idilku, għax dan hu.” Minn dak in-nhar ’il quddiem, Jehovah ipproteġa u ggwida lealment lil David waqt li dan immatura bħala s-sultan futur għal Iżrael kollu. Jehovah ħelsu “minn ħalq l-iljun u l-ors” u minn id Gulija, il-ġgant Filisti. Lil David tah rebħa wara l-oħra fuq l-għedewwa taʼ Iżrael, u Jehovah ħeles lil David mil-lanza taʼ Sawl li kien jgħir għalih u jobogħdu.—1 Samwel 16:12; 17:37; 18:11; 19:10.
M’għandniex xi ngħidu, David ma kienx perfett. Fil-fatt, hu dineb b’mod gravi. Madankollu, minflok m’abbandunah, Jehovah urieh imħabba leali għax David kien nidem profondament. Matul il-ħajja taʼ David, Jehovah aġixxa ripetutament biex iħares u jippromwovi l-ħajja. Hu aġixxa għan-nom taʼ dak li kien qed isofri n-niket. Qalb tajba bl-imħabba, tabilħaqq!—2 Samwel 11:1–12:25; 24:1-17.
Il-ġens taʼ Iżrael bħala poplu daħal f’relazzjoni dedikata u speċjali maʼ Jehovah meta aċċetta t-termini tal-patt tal-Liġi Mosajka fuq il-Muntanja Sinaj. (Eżodu 19:3-8) Għaldaqstant, is-saltna taʼ Iżrael hija rappreżentata bħala li qiegħda f’relazzjoni taʼ żwieġ maʼ Jehovah. Lis-saltna taʼ Iżrael intqalilha: “Bħal mara . . . sejjaħlek il-Mulej.” U Jehovah qalilha: “Bi mħabba taʼ dejjem inħenn għalik.” (Isaija 54:6, 8) Jehovah kif urieha l-lealtà tiegħu f’din ir-relazzjoni speċjali?
Jehovah ħa l-inizjattiva biex jipprovdi għall-ħtiġijiet taʼ l-Iżraelin u biex isaħħaħ ir-rabtiet li kellhom miegħu. Hu ħelishom mill-Eġittu, organizzahom billi għamilhom ġens, u daħħalhom “f’art tnixxi ħalib u għasel.” (Eżodu 3:8) Hu pprovda istruzzjoni spiritwali regulari permezz tal-qassisin, il-Leviti, u linja kontinwa taʼ profeti u messaġġiera. (2 Kronaki 17:7-9; Neħemija 8:7-9; Ġeremija 7:25) Meta l-membri tal-ġens daru biex jaqdu allat oħrajn, Jehovah ikkoreġiehom. Meta nidmu, ħafrilhom. Irridu nammettu li s-saltna taʼ Iżrael kienet “mara” diffiċli. Madankollu, Jehovah ma kienx ħafif biex iwarrabha. Minħabba l-wegħdi li kien għamel lil Abraham, Hu baqaʼ marbut lealment maʼ l-Iżraelin sakemm twettqu l-iskopijiet Tiegħu f’konnessjoni magħhom. (Dewteronomju 7:7-9) X’eżempju eċċellenti għal min hu miżżewweġ illum!
Jehovah juri wkoll il-lealtà tiegħu lejn il-bnedmin in ġenerali billi jipprovdi l-ħtiġijiet bażiċi tal-ħajja għall-bnedmin kollha, it-tajbin u l-ħżiena. (Mattew 5:45; Atti 17:25) Iktar minn hekk, hu pprovda s-sagrifiċċju taʼ Ibnu bħala prezz tal-fidwa sabiex il-bnedmin kollha jkollhom l-opportunità li jiġu meħlusin mill-jasar tad-dnub u l-mewt u li jgawdu l-prospetti glorjużi taʼ ħajja perfetta għal dejjem fil-Ġenna taʼ l-art. (Mattew 20:28; Ġwann 3:16) Il-provvediment tal-fidwa kien l-att suprem biex iħares u jippromwovi l-ħajja. Dan kien tabilħaqq “azzjoni għan-nom taʼ xi ħadd li qed isofri xi gwaj jew xi niket.”
Agħti Prova tal-Lealtà Tiegħek b’Azzjonijiet Pożittivi
Peress li tfisser ukoll qalb tajba bl-imħabba, il-lealtà għandha wkoll sens qawwi taʼ li trodd lura. Jekk tintwerielek il-qalb tajba bl-imħabba, int tkun mistenni li tagħmel l-istess. Il-lealtà titpatta b’mod simili. Il-fatt li David fehem l-implikazzjonijiet assoċjati man-nom cheʹsedh huwa evidenti fil-kliem tiegħu: “B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek, u nroddlok ħajr.” Għala? “Għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek.” (Salm 138:2) Peress li rċieva l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah, ovvjament David tqanqal biex iqimu u jfaħħru. Għaldaqstant, hekk kif nimmeditaw fuq kif Jehovah jurina l-qalb tajba bl-imħabba, niġu mqanqlin aħna biex nagħmlu l-istess? Per eżempju, jekk isem Jehovah jiġi mmaqdar, se titqanqal biex titkellem ħalli tiddefendih għax tibżaʼ għar-reputazzjoni tiegħu?
Hekk ġralhom raġel Kristjan u martu li ma tantx ilhom fil-verità meta marru għall-funeral taʼ wieħed minn qrabathom li kien miet f’inċident bil-mutur. Ma kienx servizz reliġjuż, u dawk li attendew tħallew jgħidu xi ħaġa dwar il-mejjet. Wieħed mill-kelliema ssokta jitfaʼ l-ħtija fuq Alla għall-mewt qabel il-waqt taʼ dan iż-żagħżugħ billi qal, ‘Alla riedu fis-sema, u għalhekk ħadu.’ Il-Kristjan ħuna ma felaħx jibqaʼ sieket. Telaʼ fuq il-podjum, avolja la Bibbja u lanqas noti ma kellu. “Taħsbu intom li Alla ħanin, li jagħder, u li jistaʼ kollox japprova sitwazzjonijiet bħal din?” staqsa hu. Imbagħad għalkemm ma kienx preparat minn qabel, għamel taħdita taʼ għaxar minuti u permezz taʼ kwotazzjonijiet mill-Iskrittura spjega għala mmutu, dak li għamel Alla biex jeħles lill-bnedmin mill-mewt, u l-prospett meraviljuż taʼ rxoxt għal ħajja taʼ dejjem fuq l-art magħmula ġenna. Il-folla taʼ iktar minn 100 ruħ li kienet preżenti tgħidx kemm damet iċċapċap. Il-ħu iktar tard ftakar: “Ħassejt ferħ ġewwieni li qatt ma kont ħassejtu qabel. Irringrazzjajt lil Jehovah talli għallimni fl-għerf tiegħu u talli tani l-opportunità li niddefendi l-isem qaddis tiegħu.”
Il-lealtà lejn Jehovah tinkludi lealtà lejn il-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Għala? Għaliex permezz tal-paġni tal-Bibbja, Jehovah jgħallimna kif għandna ngħixu. Il-liġijiet u l-prinċipji li nsibu fiha huma tabilħaqq l-aqwa tagħlim tal-ħajja u l-iktar taʼ benefiċċju. (Isaija 48:17) Tħallix il-pressjoni minn ħaddieħor jew id-dgħjufijiet tiegħek stess iwaqqfuk milli żżomm mal-liġijiet taʼ Jehovah. Ibqaʼ leali lejn il-Kelma t’Alla.
Il-lealtà lejn Alla tinkludi wkoll lealtà lejn l-organizzazzjoni tiegħu. Matul is-snin kien hemm bżonn taʼ xi korrezzjonijiet u aġġustamenti tal-fehma tagħna dwar ċerti skritturi. Il-fatt hu li ħadd fid-dinja m’hu mitmugħ tajjeb spiritwalment daqsna. (Mattew 24:45-47) Bla dubju, Jehovah żamm lealment maʼ l-organizzazzjoni tiegħu fi żmienna. Ma nistgħux aħna nagħmlu l-istess? A. H. Macmillan hekk għamel. Ftit qabel ma miet, hu qal: “Meta f’Settembru taʼ l-1900 ddedikajt ruħi lil Alla fl-età taʼ tlieta u għoxrin sena, l-organizzazzjoni taʼ Jehovah rajtha tikber minn bidu żgħir għal soċjetà taʼ nies henjin minn madwar id-dinja kollha li qegħdin ixandru b’mod żeluż il-veritajiet tiegħu. . . . Ninsab konvint iktar minn qatt qabel, hekk kif nara riesaq it-tmiem tas-servizz tiegħi lil Alla fuq l-art, li Jehovah idderieġa lin-nies tiegħu u tahom preċiż dak li kellhom bżonn fiż-żmien xieraq.” Ħuna Macmillan qeda fedelment u lealment għal kważi 66 sena, sakemm miet nhar is-26 t’Awissu taʼ l-1966. Hu kien eżempju mill-aqwa taʼ lealtà lejn l-organizzazzjoni viżibbli t’Alla.
Minbarra li nkunu leali lejn l-organizzazzjoni, se nkunu leali lejn xulxin? Meta niġu mheddin b’persekuzzjoni ħarxa, se nibqgħu aħna leali lejn ħutna rġiel u nisa? Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, ħutna fl-Olanda kienu t’eżempju mill-aqwa f’dik li hi lealtà. Klaas de Vries, anzjan fil-Kongregazzjoni taʼ Groningen, ġie interrogat b’kefrija u bla ħniena mill-Gestapo tan-Nazi, mitfugħ f’ċella għalih waħdu għal 12-il jum, mogħti biss ħobż u ilma, u mbagħad reġaʼ ġie interrogat. B’rivolver ippontat lejh u mhedded bil-mewt, tawh żewġ minuti biex jikxef fejn kienu jinstabu l-aħwa responsabbli, kif ukoll informazzjoni vitali oħra. L-unika ħaġa li qal Klaas kienet: “Ma se tisimgħu xejn mingħandi. . . . M’iniex se nsir traditur.” Tliet darbiet ġie mhedded bir-rivolver. Fl-aħħar, tal-Gestapo qatgħu qalbhom, u Klaas intbagħat f’ħabs ieħor. Hu qatt ma ttradixxa lil ħutu.
Se nuru wkoll il-lealtà lejn l-iktar persuna qrib tagħna—is-sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ? Bħalma Jehovah onora r-relazzjoni taʼ patt li kellu mal-ġens taʼ Iżrael, se nibqgħu aħna leali lejn il-wegħdi li għamilna fiż-żwieġ? Mhux biss għandna nuru lealtà soda imma wkoll għandna nżommu ħajja relazzjoni mill-qrib mas-sieħeb jew is-sieħba tagħna. Ħu l-inizjattiva biex issaħħaħ iż-żwieġ tiegħek. Qattgħu l-ħin flimkien, ikkomunikaw liberament u b’mod sinċier bejnietkom, appoġġaw u inkuraġġixxu lil xulxin, agħtu widen lil xulxin, idħqu flimkien, ibku flimkien, ilagħbu flimkien, aħdmu flimkien biex tilħqu għanijiet komuni, ogħġbu lil xulxin, kunu l-ħbieb taʼ xulxin. Oqogħdu attenti speċjalment biex ma tiżviluppawx sentimenti romantiċi lejn ħaddieħor. Waqt li hu sewwa u xieraq li tiżviluppaw konoxxenzi u saħansitra ħbiberiji mill-qrib maʼ individwi oħrajn barra miż-żwieġ, is-sentimenti romantiċi għandhom ikunu limitati għal xulxin. Tħalli lil ħadd jidħol bejnek u bejn is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek.—Proverbji 5:15-20.
Ibqaʼ leali lejn ħbieb u membri tal-familja li jemmnu bħalek. Hekk kif jgħaddu s-snin, tinsihomx. Ibqaʼ f’kuntatt magħhom, iktbilhom, ċemplilhom, żurhom. Tkun xi tkun is-sitwazzjoni tiegħek fil-ħajja, ipprova tiddiżappuntahomx. Agħmilhom kburin li jgħidu li jafuk jew li huma qrabatek. Il-lealtà lejhom se żżommok determinat li tagħmel dak li hu sewwa u se tkun għalik sors taʼ inkuraġġiment.—Ester 4:6-16.
Iva, il-lealtà vera tinkludi azzjonijiet pożittivi biex tħares relazzjonijiet prezzjużi. Agħmel dak li tistaʼ biex trodd lura l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah. Imita l-lealtà taʼ Jehovah fil-mod kif taġixxi mal-kongregazzjoni Kristjana, mas-sieħeb jew is-sieħba tiegħek fiż-żwieġ, mal-familja, u mal-ħbieb. Xandar lealment il-virtujiet taʼ Jehovah lill-ġirien tiegħek. Is-salmista esprima dan b’mod eżatt meta qal: “It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni; f’kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.” (Salm 89:2 [89:1, NW]) Ma ninġibdux aħna lejn Alla bħal dan? Tabilħaqq, “għal dejjem it-tjieba tiegħu.”—Salm 100:5.
[Stampa f’paġna 23]
A. H. Macmillan