Nidderieġu Lill-Istudenti Lejn L-Organizzazzjoni Li Hemm Wara Isimna
1 “Dan huwa messaġġ li jingħad f’iktar minn 200 lingwa. Huwa messaġġ mismugħ f’iktar minn 210 pajjiżi. Huwa messaġġ mgħoddi personalment kulfejn jistgħu jinstabu n-nies. Huwa kollu kemm hu parti mill-akbar kampanja taʼ ppridkar li qatt rat id-dinja, messaġġ li jgħaqqad lil miljuni fuq l-art kollha. Ix-Xhieda taʼ Jehovah ilhom organizzati biex iwettqu dan ix-xogħol għal iktar minn mitt sena!”
2 Hekk jibda r-rakkont tal-vidjo Jehovah’s Witnesses—The Organization Behind the Name. Dan ikompli billi jwieġeb il-mistoqsijiet: Min huma verament ix-Xhieda taʼ Jehovah? L-attività tagħhom kif inhi organizzata? Iddireġuta? Iffinanzjata? Dan jimpressjona lill-ispettaturi bil-fatt li “x-Xhieda taʼ Jehovah tad-dinja kollha ġew imħarrġin bħala organizzazzjoni biex jgħinu lill-ġirien tagħhom ħalli jibnu fidi fil-Bibbja,” u jinkuraġġihom biex jaraw għalihom infushom l-organizzazzjoni li hemm wara isimna. Wara li rat dan il-vidjo, waħda mara li kienet qiegħda tistudja nfaqgħet tibki bil-ferħ u bl-apprezzament u qalet: “Kif jistaʼ xi ħadd ma jindunax li din hija l-organizzazzjoni taʼ dak Alla veru, Jehovah?”—Qabbel 1 Korintin 14:24, 25.
3 Waħda mara kienet studjat il-Bibbja għal ħafna żmien b’waqfiet minn darba għall-oħra, imma ma setgħetx taċċetta l-fatt li t-Trinità hi duttrina falza. Imbagħad hi u żewġha ġew murijin il-vidjo tagħna. Baqgħu impressjonati ħafna bil-preżentazzjoni u dik il-lejla stess reġgħu rawh darb’oħra. Fl-istudju tagħhom li kien imiss, il-mara esprimiet ix-xewqa tagħha li ssir Xhud. Qalet li kienet qagħdet tikkonċentra fuq it-twemmin tagħha fit-Trinità u kienet naqset li tħares lejn l-organizzazzjoni tagħna u n-nies taʼ ġo fiha. Mill-vidjo rrealizzat li kienet sabet l-organizzazzjoni vera t’Alla. Hi riedet tibda tippriedka minn dar għal dar dak in-nhar stess. Wara li spjegawlha x’inhuma l-passi neċessarji li wieħed irid jieħu biex isir pubblikatur mhux mgħammed, qalet: “Mela ejja ħalli nibdew nirsistu.” Irriżenjat mill-knisja tagħha, bdiet taħdem fl-attività tas-servizz taʼ l-għalqa, u saret esperta kif tispjega li t-Trinità m’hijiex minnha.
4 Hija xi ħaġa magħrufa sew li studenti tal-Bibbja jagħmlu progress spiritwali aħjar u jikbru lejn il-maturità iktar malajr meta dawn jagħrfu l-organizzazzjoni taʼ Jehovah u jissieħbu magħha. B’mod sinjifikanti, wara li t-3,000 ruħ tgħammdu f’Pentekoste, huma “baqgħu jagħtu lilhom infushom għat-tagħlim taʼ l-appostli u għas-sħubija flimkien.” (Atti 2:42, ntt.) Huwa essenzjali li ngħinu lill-istudenti biex jagħmlu l-istess ħaġa llum. Kif nistgħu nagħmlu dan?
5 Erfaʼ R-Responsabbiltà: Kull wieħed li jagħmel dixxipli jrid jirrealizza li hija r-responsabbiltà tiegħu li jidderieġi lill-istudent tal-Bibbja lejn l-organizzazzjoni t’Alla. (1 Tim. 4:16) Kull sessjoni taʼ studju għandha titqies bħala l-pass li jmiss lejn dak il-jum sabiħ meta l-wieħed ġdid se jissimbolizza d-dedikazzjoni tiegħu lejn Jehovah bil-magħmudija fl-ilma. Waħda mill-mistoqsijiet li dan se jiġi mistoqsi matul iċ-ċerimonja tal-magħmudija hija: “Tifhem int li d-dedikazzjoni u l-magħmudija tiegħek jidentifikawk bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah fi sħubija maʼ l-organizzazzjoni t’Alla ddireġuta mill-ispirtu tiegħu?” B’hekk, huwa importanti li jirrealizza li ma jistax jaqdi ’l Alla mingħajr ma jissieħeb b’mod attiv mal-vera kongregazzjoni Kristjana.—Matt. 24:45-47; Ġwn. 6:68; 2 Kor. 5:20.
6 Kompli eduka lill-istudent dwar il-kongregazzjoni lokali u l-organizzazzjoni internazzjonali li hemm wara x-Xhieda taʼ Jehovah. Agħmel dan f’kull sessjoni taʼ l-istudju tal-Bibbja, billi tibda minn dik taʼ l-ewwel. Mill-bidunett, stieden lill-istudent għal-laqgħat, u ibqaʼ stiednu.—Riv. 22:17.
7 Uża L-Għodod Li Huma Pprovduti: L-aqwa pubblikazzjonijiet li għandna biex nużawhom f’li nikkonduċu studji tal-Bibbja huma l-brochure Alla X’Jirrikjedi Minna? u l-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. It-tnejn li huma jenfasizzaw il-bżonn tas-sħubija mal-kongregazzjoni. It-tmiem taʼ lezzjoni 5 tal-brochure X’Jirrikjedi jgħid: “Jeħtieġ li tkompli titgħallem dwar Jehovah u tobdi l-ħtiġijiet tiegħu. Li tattendi l-laqgħat fis-Sala tas-Saltna lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah se jgħinek tagħmel hekk.” Il-ktieb Għarfien jinkuraġġixxi lill-istudent darba wara l-oħra biex jissieħeb fil-laqgħat. Kapitlu 5, paragrafu 22, jagħti din l-istedina: “Ix-Xhieda taʼ Jehovah . . . kordjalment iħeġġuk li taqsam magħhom f’li tqim lil Alla ‘bl-ispirtu u l-verità.’ (Ġwann 4:24)” Kapitlu 12, paragrafu 16, jgħid: “Hekk kif tkompli dan l-istudju u tagħmilha drawwa li tattendi l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Jehovah, il-fidi tiegħek se tiġi ffortifikata saħansitra iktar.” Kapitlu 16, paragrafu 20, jgħid: “Agħmilha d-drawwa tiegħek li tattendi l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Jehovah.” Ikompli jgħid: “Dan se jgħinek tifhem u mbagħad tapplika l-għarfien dwar Alla f’ħajtek u se jġiblek l-hena. Li tkun parti mill-fratellanza Kristjana mad-dinja kollha se jgħinek tibqaʼ qrib taʼ Jehovah.” Kapitlu 17 jiddiskuti bir-reqqa kif wieħed isib sigurtà vera fost il-poplu t’Alla. Hekk kif nistudjaw m’oħrajn, hija r-responsabbiltà tagħna li nenfasizzaw dawn is-siltiet mill-materjal.
8 Il-brochure Jehovah’s Witnesses—Unitedly Doing God’s Will Worldwide huwa biċċa għodda mill-aħjar li tħejja biex individwi jsiru midħla taʼ l-unika organizzazzjoni viżibbli li Jehovah qiegħed juża llum biex iwettaq ir-rieda tiegħu. L-informazzjoni dettaljata li fih dwar il-ministeru, il-laqgħat, u l-organizzazzjoni tagħna se tinkuraġġixxi lill-qarrej biex jissieħeb magħna f’li jqim lil Alla. Ladarba jiġi stabbilit studju tal-Bibbja, huwa rrikmandat li nagħtu kopja taʼ dan il-brochure lill-istudent biex jaqrah waħdu. M’hemmx għalfejn li nistudjawh miegħu bħalma kien isir fil-passat.
9 Xi wħud mill-vidjos li pproduċiet is-Soċjetà huma għodod mill-aqwa biex jidderieġu lill-istudenti lejn l-organizzazzjoni li hemm wara isimna. Ikun tajjeb jekk ikunu jistgħu jaraw (1) The New World Society in Action, reviżjoni tal-film taʼ l-1954 li wera ċar l-ispirtu seren, effiċjenti, u taʼ mħabba li bih tiffunzjona l-organizzazzjoni taʼ Jehovah; (2) United by Divine Teaching, li jeżamina l-unità paċifika li ntweriet fil-konvenzjonijiet internazzjonali tagħna fl-Ewropa tal-Lvant, fl-Amerka t’Isfel, fl-Afrika, u fl-Asja; (3) To the Ends of the Earth, li fakkar il-50 anniversarju tal-Watchtower Bible School of Gilead u juri l-effett li kellhom il-missjunarji fuq ix-xogħol taʼ l-ippridkar madwar id-dinja; (4) Jehovah’s Witnesses Stand Firm Against Nazi Assault, li jirrakkonta l-istorja eċċitanti tal-kuraġġ u t-trijonf li wrew ix-Xhieda waqt li ffaċċjaw il-persekuzzjoni brutali taʼ Hitler; u, m’għandniex xi ngħidu, (5) Jehovah’s Witnesses—The Organization Behind the Name.
10 Qiegħed Miri Progressivi Rigward Il-Laqgħat: Irid jiġi spjegat lill-istudenti li aħna għandna bżonn kemm tat-taħriġ privat li hu pprovdut fl-għamla taʼ studju tal-Bibbja fid-dar u kemm tad-diskussjonijiet f’forma taʼ klassi li jkollna fil-laqgħat tal-kongregazzjoni. (Ġwn. 6:45) Wieħed ġdid jeħtieġ li jipprogressa ugwalment fil-fehma tiegħu kemm taʼ l-Iskrittura u kemm taʼ l-organizzazzjoni. Għal dan l-għan, m’hemmx aħjar milli nattendu l-laqgħat. (Ebr. 10:23-25) Ibda stieden lill-individwu għal-laqgħat tal-kongregazzjoni mill-ewwel. Xi wħud ġodda li juru interess jibdew jattendu l-laqgħat saħansitra qabel ma jkollhom studju tal-Bibbja regulari fid-dar. M’għandniex xi ngħidu, irridu nħallu eżempju tajjeb aħna stess billi nattendu regolarment.—Luqa 6:40; Flp. 3:17.
11 Offri biżżejjed informazzjoni dwar il-laqgħat u dwar kif dawn jitmexxew sabiex l-istudent iħossu komdu meta jattendi l-ewwel laqgħa tiegħu. Peress li xi nies iħossuhom skomdi ħafna meta jkunu sejrin f’xi postijiet ġodda għall-ewwel darba, jistaʼ jkun taʼ vantaġġ li takkumpanja lill-istudent għas-Sala tas-Saltna meta jattendi laqgħa għall-ewwel darba. Hu se jħossu iktar komdu jekk tkun miegħu hekk kif jiltaqaʼ maʼ membri tal-kongregazzjoni. Fuq kollox, ilqaʼ tajjeb lill-viżitatur tiegħek, billi ġġagħlu jħossu milqugħ u komdu.—Matt. 7:12; Flp. 2:1-4.
12 Inkuraġġixxi lill-istudent biex maʼ l-ewwel opportunità jattendi xi jum t’assemblea speċjali, assemblea tas-circuit, jew konvenzjoni distrettwali. Forsi int tistaʼ tinkludih fl-arranġamenti tiegħek tat-trasport.
13 Nissel Apprezzament Li Jiġi Mill-Qalb: Il-ktieb Organized to Accomplish Our Ministry, paġna 92, jispjega: “Jekk l-apprezzament profond tiegħek stess lejn l-organizzazzjoni taʼ Jehovah huwa rifless fil-konversazzjonijiet tiegħek maʼ nies li juru interess, se jkun iktar faċli għalihom li jikbru fl-apprezzament u se jqanqalhom biex jimxu iktar ’il quddiem f’li jsiru jafu lil Jehovah.” Tkellem dejjem b’mod pożittiv, u qatt negattiv, dwar il-kongregazzjoni lokali tiegħek. (Salm 84:10; 133:1, 3b) Fit-talb tiegħek li toffri waqt l-istudju tal-Bibbja, semmi l-kongregazzjoni u l-bżonn taʼ l-istudent li jissieħeb regolarment magħha.—Efe. 1:15-17.
14 Aħna ċertament li rridu li wħud ġodda jiżviluppaw apprezzament li ġej mill-qalb għas-sħubija pjaċevoli u s-sigurtà spiritwali li nsibu fost il-poplu t’Alla. (1 Tim. 3:15; 1 Piet. 2:17; 5:9) Bħala Xhieda taʼ Jehovah, ejjew nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nidderieġu lil studenti tal-Kelma t’Alla lejn l-organizzazzjoni li hemm wara isimna.
[Kumment f’paġna 3]
L-istudenti jagħmlu progress spiritwali iktar mgħaġġel meta jaraw l-organizzazzjoni għalihom infushom
[Kumment f’paġna 4]
Iddumx ma tistieden lill-istudenti biex jattendu l-laqgħat