LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 11/1 pp. 8-12
  • Ġeħova Ppremja bil-Kbir ix-Xewqa Tiegħi li Nkun Missjunarja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova Ppremja bil-Kbir ix-Xewqa Tiegħi li Nkun Missjunarja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ix-​Xewqa Tiegħi li Nkun Missjunarja
  • Lejn l-​Irlanda
  • Lejn Gilgħad
  • Lejn il-​Brażil
  • Niffaċċjaw l-​Isfida tal-​Mard
  • Ġeħova Bierek il-​Ministeru Tiegħi
  • Ħajja Sempliċi iżda Premjanti
  • Infittxu l-Ewwel is-Saltna—Ħajja Hienja u fis-Sigurtà
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 11/1 pp. 8-12

Bijografija

Ġeħova Ppremja bil-​Kbir ix-​Xewqa Tiegħi li Nkun Missjunarja

Kif rakkontata minn Sheila Winfield da Conceição

Darba waħda, missjunarja li ġiet mill-​Afrika qaltilna li fl-​inkarigu tagħha kulħadd kien jistidinha ġewwa u jismaʼ b’attenzjoni l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. ‘Kemm nixtieq naħdem f’territorju bħal dak!’ ħsibt bejni u bejn ruħi. Dak iż-​żmien kelli 13-il sena u dik il-​konversazzjoni nibbtet fija x-​xewqa li nkun missjunarja.

MADANKOLLU, il-​familja tagħna bdiet titgħallem dwar Ġeħova minn ħafna iktar qabel. Għodwa waħda fl-​1939, żewġt irġiel żgħażagħ lebsin pulit ħabbtulna l-​bieb f’Hemel Hempstead, ftit ’il barra minn Londra, l-​Ingilterra. Huma kienu Xhieda taʼ Ġeħova. Jien twilidt is-​sena taʼ qabel, u għalhekk ma niftakarhiex iż-​żjara. Sabiex tkeċċihom ’l hemm, ommi qaltilhom li missieri kellu mnejn ikun interessat iżda li qabel id-​disgħa taʼ fil-​għaxija ma kienx se jiġi lura d-​dar. Kemm kienet sorpriża meta ġew lura dik il-​lejla stess! Wara li aċċerta ruħu dwar kif kienu jaħsbuha rigward kwistjonijiet politiċi u nazzjonalistiċi, missieri, Henry Winfield, stidinhom jidħlu ġewwa u aċċetta studju tal-​Bibbja. Hu għamel progress malajr u tgħammed. Ftit snin wara, ommi, Kathleen, ukoll bdiet tistudja. Hi tgħammdet fl-​1946.

Fl-1948 bdejt nieħu sehem b’mod regolari fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Bdejt nara li kelli bżonn arloġġ taʼ l-​idejn biex inkun nistaʼ nirrapporta bl-​eżatt il-​ħin li nkun qattajt fil-​ministeru. Jekk konna noqogħdu bil-​għaqal, kull nhar taʼ Sibt aħna t-​tfal konna ningħataw munita taʼ sitt soldi. Għamilt kważi sentejn inġemmaʼ s-​sitt soldi tiegħi biex nixtri l-​irħas arloġġ taʼ l-​idejn li kont issib dak iż-​żmien. Madankollu, ħija Ray, iż-​żgħir fost iż-​żewġ ħuti, dejjem kien jitlob lil missieri għal żewġ muniti taʼ tliet soldi l-​waħda, iżda qatt għal munita waħda taʼ sitt soldi. Ġurnata minnhom hu tant insista li jkollu żewġ muniti li missieri rrabja. Ray beda jibki u qal li hu kellu bżonn iż-​żewġ muniti taʼ tliet soldi minħabba sigriet li kellu maʼ Ġeħova. Fl-​aħħar, Ray qal: “Munita waħda biex nitfagħha fil-​kaxxa għall-​kontribuzzjonijiet, u l-​oħra biex inżommha jien.” Ommi qabżilha d-​dmugħ bil-​ferħ u missieri malajr ra kif għamel biex ikollu l-​muniti ż-​żgħar, u jien tgħallimt l-​importanza taʼ li nappoġġaw ix-​xogħol tas-​Saltna b’mod finanzjarju.

Kien għal din il-​ħabta li missieri għamel arranġamenti biex immorru naqdu fejn il-​bżonn għal proklamaturi tas-​Saltna kien akbar. Fl-​1949 hu biegħ ir-​razzett tiegħu u l-​barriera tar-​ramel u ż-​żrar u beda jaqdi bħala pijunier, jiġifieri bħala ministru full-time tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Jien tgħammidt fl-​24 taʼ Settembru, 1950, b’simbolu tad-​dedikazzjoni tiegħi lil Ġeħova. Minn dakinhar ’il quddiem, matul il-​vaganzi tas-​sajf kont ninkiteb biex naqdi bħala pijuniera fil-​vaganzi (illum pijuniera awżiljarja) u niddedika 100 siegħa fix-​xahar għall-​ministeru. Iżda dan kien biss il-​bidu. Malajr nibtet xewqa qawwija f’qalbi li nagħmel saħansitra iżjed biex immexxi ’l quddiem il-​qima pura.

Ix-​Xewqa Tiegħi li Nkun Missjunarja

Fl-​1951, missieri ġie inkarigat biex jaqdi f’Bideford, fin-​naħa taʼ fuq taʼ Devon. Ftit wara li wasalna hemmhekk, il-​missjunarja li kienet taqdi fl-​Afrika żaret il-​kongregazzjoni tagħna, bħalma semmejt fil-​bidu. Wara dan, ix-​xewqa tiegħi li nsir missjunarja influwenzat id-​deċiżjonijiet kollha tiegħi. L-​għalliema taʼ l-​iskola kienu jafu bil-​mira tiegħi u għamlu minn kollox biex jaqtgħuli qalbi, bit-​tama li jien naqbad karriera sekulari. Madankollu, fl-​aħħar ġurnata tiegħi taʼ l-​iskola, meta mort fil-​kamra taʼ l-​għalliema biex nirringrazzjahom u nagħtihom l-​aħħar tislima, wieħed minnhom qal: “Nawguralek! Int l-​unika studenta li tassew taf xi trid fil-​ħajja. Nittamaw li tilħaq il-​mira tiegħek.”

Mingħajr dewmien, jien sibt xogħol part-time u fl-​1 taʼ Diċembru, 1955, sirt pijuniera regulari. Iktar tard, ommi u ħuti saru pijunieri wkoll. Għalhekk, għal diversi snin, il-​familja kollha kienet qed taqdi fis-​servizz full-time.

Lejn l-​Irlanda

Sena wara rċivejt stedina biex naqdi fl-​Irlanda. Dan kien pass eqreb lejn il-​mira tiegħi li nsir missjunarja. Fi Frar taʼ l-​1957, flimkien maʼ June Napier u Beryl Barker, żewġ pijunieri żgħażagħ oħrajn, wasalt Cork, fin-​naħa t’isfel taʼ l-​Irlanda.

Is-servizz taʼ l-​għalqa fl-​Irlanda kien taʼ sfida. Kien hemm ħafna oppożizzjoni mill-​Knisja Kattolika Rumana. Tgħallimna nagħmlu ċert li kien ikun hemm post minfejn stajna noħorġu minn blokk t’appartamenti jew djar, f’każ li kien ikollna nitilqu ħesrem. Konna naħbu r-​roti tagħna ftit ’il bogħod, iżda spiss kien isibhom xi ħadd u jċarrtilna jew iniżżlilna t-​tajers.

Darba minnhom, filwaqt li jien u Beryl konna qed inżuru r-​residenti taʼ blokk kbir taʼ djar, grupp taʼ tfal bdew jinsultawna u jgarawlna l-​ġebel. Għalhekk, dħalna ġo ħanut, li kien parti minn dar taʼ xi ħadd, fejn kien jinbiegħ il-​ħalib. Barra l-​ħanut bdiet tinġabar ġemgħa taʼ nies. Peress li Beryl kienet tħobb il-​ħalib, hi xorbot żewġ jew tliet tazzi bil-​mod ħafna, bit-​tama li l-​ġemgħa titlaq ’l hemm. Iżda dan ma kienx il-​każ. Imbagħad, daħal qassis żagħżugħ ġol-​ħanut. Peress li ħasibna xi turisti, hu qal li xtaq idawwarna ftit maʼ l-​inħawi. Madankollu, l-​ewwel ħadna f’kamra oħra tad-​dar, u hekk kif konna kwieti bil-​qiegħda, hu għamel il-​griżma tal-​morda lil wieħed raġel xiħ li kien qed imut. Imbagħad tlaqna mid-​dar flimkien mal-​qassis. Peress li rawna nitkellmu mal-​qassis, il-​ġemgħa telqet ’l hemm.

Lejn Gilgħad

Fl-​1958 kellha tinżamm l-​Assemblea Internazzjonali Rieda Divina fi New York. Missieri kien sejjer u jien ridt immur ukoll iżda ma kellix flus. Imbagħad, nannti mietet bla mistenni u ħallietli 100 lira sterlina (madwar Lm65). Il-​passaġġ lejn l-​assemblea u lura kien taʼ 96 lira sterlina (madwar Lm62), u għalhekk ibbukkjajt il-​biljetti taʼ l-​ajru minnufih.

Ftit wara, ġie jżurna rappreżentant mill-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova tal-​Britannja u stieden lil dawk il-​pijunieri speċjali kollha li kienu sejrin għall-​assemblea biex japplikaw għat-​taħriġ tal-​missjunarji fl-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead). Ma stajtx nemmen lil widnejja! Hu qassam l-​applikazzjonijiet lil kulħadd minbarra lili. Kont żgħira wisq biex nikkwalifika għal Gilgħad. Jien staqsejt biex niġi inkluża billi spjegajt li kont diġà ħallejt pajjiżi u tistaʼ tgħid kont fuq inkarigu missjunarju. Malli ra d-​determinazzjoni tiegħi, hu tani formola. Kemm tlabt li niġi aċċettata! It-​tweġiba malajr waslet u ġejt mistiedna biex nattendi Gilgħad.

Ferħana se ntir, inktibt fit-​33 klassi taʼ Gilgħad, flimkien maʼ 81 pijunier ieħor minn 14-il pajjiż differenti. Il-​ħames xhur tal-​kors taru. Lejn it-​tmiem, Ħuna Nathan H. Knorr tana taħdita inkuraġġanti li damet erbaʼ sigħat. Hu ħeġġeġ lil dawk li setgħu ma jiżżewġux biex jagħmlu hekk. (1 Korintin 7:​37, 38) Iżda għal dawk minna li xtaqu li xi darba jiżżewġu, hu ssuġġerixxa li nagħmlu lista tal-​ħtiġijiet persunali għal sieħeb jew sieħba adattata. Imbagħad, jekk jiġi xi ħadd li għandu mnejn jilħaq dawn il-​ħtiġijiet, nistgħu neżaminaw il-​persuna b’dawn il-​ħtiġijiet bħala gwida.

Il-​lista persunali tiegħi tal-​ħtiġijiet għal raġel prospettiv kienet tinkludi dan li ġej: Hu kellu jkun wieħed li jaqdi bħala missjunarju miegħi u jħobb lil Ġeħova, ikun jaf iktar dwar veritajiet Bibliċi milli kont naf jien, ikun lest li ma jkollniex tfal qabel Armageddon sabiex inkomplu naqdu fis-​servizz full-time, ikun jitkellem bl-​Ingliż b’mod fluwenti, u jkun akbar minni. Din il-​lista kienet t’għajnuna kbira għalija, tfajla taʼ 20 sena li kont se nirċievi inkarigu f’art imbiegħda.

Lejn il-​Brażil

Nhar il-​Ħadd, 2 t’Awissu, 1959, iggradwajna u ġejna informati bl-​inkarigi tagħna. Flimkien maʼ Vehanouch Yazedjian, Sarah Greco, Ray u Inger Hatfield, Sonia Springate, u Doreen Hines, jien ġejt assenjata l-​Brażil. Konna se ntiru bil-​ferħ. Kont nimmaġina foresti, sriep, siġar tal-​gomma, u Indjani. Madankollu, kemm kont sorpriża meta wasalt! Minflok il-​foresta tropikali taʼ l-​Amazon sibt il-​belt xemxija u moderna taʼ Rio de Janeiro, li dak iż-​żmien kienet il-​belt kapitali tal-​pajjiż.

L-ewwel sfida tagħna kienet li nitgħallmu l-​Portugiż. Matul l-​ewwel xahar, aħna konna nistudjaw għal 11-il siegħa kuljum. Wara li ppridkajt fil-​belt taʼ Rio u għext għal ftit żmien fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova hemmhekk, jien intbgħatt f’dar missjunarja f’Piracicaba, fl-​Istat taʼ São Paulo, u iktar tard f’dar missjunarja f’Porto Alegre, fl-​Istat taʼ Rio Grande do Sul.

Imbagħad, kmieni fl-​1963 irċivejt stedina biex naħdem fid-​Dipartiment tat-​Traduzzjoni fil-​fergħa. Floriano Ignez da Conceição, li kien għallimna l-​Portugiż għall-​bidu li wasalna, kien jieħu ħsieb id-​dipartiment. Hu tgħallem il-​verità fl-​1944, meta kien hemm biss madwar 300 Xhud fil-​Brażil, u hu attenda t-​22 klassi taʼ Gilgħad. Ġurnata minnhom, xi ftit xhur wara, Ħuna Conceição staqsieni biex nibqaʼ wara li ddoqq il-​qanpiena taʼ nofsinhar għax ried ikellimni. Għall-​ewwel inkwetajt. Kont għamilt xi ħaġa ħażina? Meta fl-​aħħar daqqet il-​qanpiena għall-​ikel taʼ nofsinhar, jien staqsejtu x’ried jgħidli. Hu wiġibni, “Trid tiżżewwiġni?” Ħallieni bla kliem. Tlabtu jagħtini ż-​żmien biex naħsibha u tlaqt niġri isfel għall-​ikla taʼ nofsinhar.

Floriano ma kienx l-​ewwel ħu li esprima interess romantiku fija. Madankollu, sa dak il-​mument ħadd ma kien laħaq il-​ħtiġijiet persunali tiegħi għal sieħeb fiż-​żwieġ adattat. Nemmen li l-​lista tiegħi kienet għenitni nevita li nagħmel deċiżjoni ħażina. Din id-​darba kien differenti. Floriano ssodisfa l-​ħtiġijiet kollha tiegħi! Għalhekk, fil-​15 taʼ Mejju, 1965, iżżewwiġna.

Niffaċċjaw l-​Isfida tal-​Mard

Iż-​żwieġ kien esperjenza sabiħa għalija u għal Floriano, minkejja l-​isfidi li ffaċċjajna. Waħda minnhom kienet il-​problemi taʼ saħħa taʼ Floriano, li bdew ftit qabel iżżewwiġna. Diversi snin qabel, il-​pulmun tiegħu tax-​xellug ma baqax jiffunzjona u l-​konsegwenzi issa kienu bdew jikkaġunawlu ħafna tbatija. B’riżultat taʼ dan, ħallejna Betel u ġejna assenjati bħala pijunieri speċjali fil-​belt taʼ Teresópolis, fir-​reġjun muntanjuż taʼ l-​Istat taʼ Rio de Janeiro. Aħna ttamajna li l-​klima t’hemmhekk kienet se tgħinu jirkupra.

Barra minn hekk, f’Diċembru taʼ l-​1965 irċivejt l-​aħbar li ommi kienet marida serjament bil-​kanċer. Konna niktbu regolarment lil xulxin, iżda jien kont ili ma nara lil ommi sebaʼ snin. Għalhekk, hi ħallsitilna l-​passaġġ għall-​Ingilterra biex immorru narawha. Ommi ġiet operata, iżda t-​tobba ma setgħux ineħħulha l-​kanċer. Għalkemm ma kinitx tiflaħ tqum mis-​sodda u kienet marida ħafna, hi żammet ix-​xewqa tagħha li tieħu sehem fix-​xogħol tax-​xandir. Hi kellha typewriter fil-​kamra tas-​sodda tagħha sabiex tkun tistaʼ tiddetta l-​ittri biex jiġu tajpjati. Ukoll, hi kienet tagħti ftit xiehda lil dawk li jżuruha. Hi mietet fis-​27 taʼ Novembru, 1966. F’dak l-​istess xahar hi rrapportat 10 sigħat taʼ servizz taʼ l-​għalqa! Missieri kompla jaqdi lealment fis-​servizz taʼ pijunier sakemm miet fl-​1979.

Wara l-​mewt t’ommi, jien u Floriano morna lura l-​Brażil, fejn għadna naqdu sa llum fl-​Istat taʼ Rio de Janeiro. Għall-​ewwel konna assenjati fix-​xogħol tas-​circuit fil-​belt kapitali taʼ l-​istat, iżda din kienet ferħa bla temma għax Floriano reġaʼ marad ħafna. Imbagħad, morna lura Teresópolis bħala pijunieri speċjali.

Fl-1974, wara snin taʼ kura taʼ wġigħ, it-​tobba fl-​aħħar neħħew il-​pulmun tax-​xellug taʼ Floriano. F’dak iż-​żmien hu ma setax jaqdi bħala indokratur li jippresiedi jew bħala pijunier speċjali, iżda hu setaʼ jikkonduċi studji tal-​Bibbja waqt il-​ħinijiet taż-​żjajjar fl-​isptar​—wieħed minnhom kien bl-​Ingliż maʼ Bob, Amerikan irtirat. Bob aċċetta l-​verità u iktar tard tgħammed. Bil-​mod il-​mod, Floriano rkupra u sa llum għadu jaqdi bħala pijunier regulari.

Ġeħova Bierek il-​Ministeru Tiegħi

Matul is-​snin, jien komplejt naqdi bħala pijuniera speċjali, u Ġeħova bierek il-​ministeru tiegħi. F’Teresópolis, kelli l-​privileġġ meraviljuż li ngħin iktar minn 60 persuna tiddedika ħajjitha lil Ġeħova. Fosthom kien hemm mara jisimha Jupira, li kont ngħallimha taqra wkoll. Maż-​żmien, studjajt maʼ tmienja mit-​tfal kbar tagħha. B’riżultat t’hekk, Jupira u iktar minn 20 qarib u membru tal-​familja qed jaqdu b’mod attiv lil Ġeħova llum. Wieħed huwa anzjan, tlieta huma qaddejja ministerjali, u tnejn huma pijunieri.

Tgħallimt inżomm attitudni pożittiva lejn il-​possibbiltà li n-​nies jitgħallmu l-​verità. F’okkażjoni minnhom, kont qed nikkonduċi studju tal-​Bibbja maʼ mara żagħżugħa jisimha Alzemira, meta r-​raġel tagħha, Antônio, heddidni li jkeskes żewġt iklieb kbar għal fuqi jekk ma nitlaqx mid-​dar minnufih. Wara dan, jien ma kellix kuntatt regulari m’Alzemira sa madwar sebaʼ snin wara, meta rnexxieli nikseb permess mingħand Antônio biex nerġaʼ nistudja magħha. Xorta waħda, hu ma ridnix nitkellem miegħu dwar il-​Bibbja. Madankollu, f’ġurnata xita, jien stidint lil Antônio biex jieħu sehem fl-​istudju. Imbagħad skoprejt li l-​problema tiegħu kienet li hu kien illetterat. Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, Floriano u oħrajn studjaw miegħu u għallmuh jaqra. Illum Alzemira u Antônio huma t-​tnejn mgħammdin. Hu huwa t’għajnuna kbira fil-​kongregazzjoni, billi jakkumpanja ħafna żgħażagħ fil-​ministeru.

Dawn huma biss ftit mill-​esperjenzi li kellna matul iktar minn 20 sena li qdejna f’Teresópolis. Kmieni fl-​1988 irċivejna inkarigu ġdid​—il-​belt taʼ Niterói, fejn qdejna għall-​ħames snin taʼ wara, qabel morna Santo Aleixo. Imbagħad ġejna mibgħutin fil-​Kongregazzjoni taʼ Japuíba fiċ-​ċentru taʼ l-​istat u kellna l-​privileġġ li nibdew il-​Kongregazzjoni taʼ Ribeira.

Ħajja Sempliċi iżda Premjanti

Matul is-​snin, jien u Floriano kellna l-​privileġġ li ngħinu iktar minn 300 persuna jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova. Bħalissa, uħud minnhom jaqdu fil-​fergħa, u wħud huma pijunieri, anzjani, u qaddejja ministerjali. Kemm jien grata li Alla, permezz taʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu, użana biex ngħinu daqstant nies!​—Marku 10:​29, 30.

Huwa minnu li Floriano kellu jkampa maʼ problemi serji tas-​saħħa. Minkejja l-​kundizzjoni tiegħu, hu jibqaʼ sod, ferħan, u fiduċjuż f’Ġeħova. Hu spiss jgħid: “Illum il-​ferħ ma jiġix milli wieħed ikollu ħajja mingħajr problemi. Jiġi milli jkollna l-​għajnuna taʼ Ġeħova biex inkampaw mal-​problemi tagħna.”​—Salm 34:20 (34:19, NW).

Fl-2003 nstab li kelli kanċer f’għajni tax-​xellug. Għamilt operazzjoni u għajni ġiet mibdula maʼ waħda artifiċjali, li trid tiġi mnaddfa bosta drabi kuljum. Minkejja dan, Ġeħova berikni bl-​enerġija biex inkompli naqdih bħala pijuniera speċjali.

Rigward l-​affarijiet materjali, jien għext ħajja sempliċi. Madankollu, Ġeħova berikni fl-​inkarigu tiegħi u għamilni għanja spiritwalment. Dak il-​kumment taʼ l-​oħt missjunarja dwar ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar fl-​Afrika ta prova li kien deskrizzjoni xierqa taʼ l-​inkarigu tagħna fil-​Brażil. Tabilħaqq, Ġeħova ppremja bil-​kbir ix-​xewqa tiegħi li nkun missjunarja!

[Stampa f’paġna 9]

Mal-​familja tiegħi, 1953

[Stampa f’paġna 9]

Nippriedka fl-​Irlanda, 1957

[Stampa f’paġna 10]

Il-​Brażil, 1959, maʼ missjunarji sħabi. Mix-​xellug għal-​lemin: Jien, Inger Hatfield, Doreen Hines, u Sonia Springate

[Stampa f’paġna 10]

Maʼ żewġi

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja