LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 3/1 pp. 23-29
  • Infittxu l-Ewwel is-Saltna—Ħajja Hienja u fis-Sigurtà

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Infittxu l-Ewwel is-Saltna—Ħajja Hienja u fis-Sigurtà
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Mod taʼ Ħajjitna Nbidel
  • Huma Wkoll Għażlu s-​Servizz Full-Time
  • Fl-​Għalqa Missjunarja
  • Taħt Projbizzjoni Iżda Xorta Bqajna Naqdu
  • Ferħ Speċjali fix-​Xogħol taʼ l-​Ivvjaġġar
  • Iċ-​Ċirkustanzi Tagħna Nbidlu
  • Is-​Saltna Tibqaʼ Xorta l-​Ewwel
  • Qatt Ma Waqaft Nitgħallem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Sibt il-paċi m’Alla u m’ommi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Il-Ġenituri Tagħna Għallmuna Nħobbu lil Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • “Din Hi t-Triq. Imxu Fiha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 3/1 pp. 23-29

Bijografija

Infittxu l-​Ewwel is-​Saltna—Ħajja Hienja u fis-​Sigurtà

KIF RAKKONTATA MINN JETHA SUNAL

Wara l-​kolazzjon smajna avviż fuq ir-​radju: “Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma illegali, u xogħolhom projbit.”

KIENET is-​sena 1950, u konna erbaʼ xebbiet taʼ ftit iżjed minn 20 sena. Konna wasalna fir-​Repubblika Dominikana s-​sena taʼ qabel biex naqdu bħala missjunarji tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

Ix-xogħol missjunarju ma kienx minn dejjem il-​mira f’ħajti. Veru, meta kont tifla kont immur il-​knisja. Madankollu, matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija missieri ma baqax imur il-​knisja. Fl-​1933, meta għamilt il-​griżma fil-​Knisja Episkopali, l-​isqof qara vers wieħed biss mill-​Bibbja, u mbagħad qabad jitkellem fuq il-​politika. Ommi kienet ħaditha tant bi kbira li ma riditx tmur iktar il-​knisja.

Il-​Mod taʼ Ħajjitna Nbidel

Il-​ġenituri tiegħi, William Karl u Mary Adams, kellhom ħamest itfal. Is-​subien kienu Don, Joel, u Karl. Oħti, Joy, kienet l-​iżgħar waħda u jien kont il-​kbira. Naħseb li kelli xi 13-il sena meta darba wara l-​iskola, sibt lil ommi taqra ktejjeb pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah. It-​titlu taʼ dan il-​ktejjeb kien The Kingdom, the Hope of the World (Is-Saltna, it-​Tama tad-​Dinja). Qaltli: “Din hi l-​verità.”

Ommi kienet tkellimna lkoll dwar l-​affarijiet li kienet qiegħda titgħallem mill-​Bibbja. Bil-​kliem u bl-​eżempju tagħha, hi għenitna nifhmu ċar l-​importanza tal-​parir li ta Ġesù: “Fittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja taʼ Alla.”—Mattew 6:33.

Jien mhux dejjem kien ikolli aptit noqgħod nismagħha. Darba għedtilha, “Ma, toqgħodx tippridkali għax ma nixxottalekx platti iktar.” Imma hi bit-​tattika baqgħet tippersisti biex tkellimna. Kienet tiħodna regolarment ilkoll magħha għall-​istudji tal-​Bibbja. Dawn kienu jsiru ġod-​dar taʼ waħda mara jisimha Clara Ryan, li kienet toqgħod ftit ’il bogħod mid-​dar tagħna f’Elmhurst, Illinois, fl-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika.

Clara kienet tagħti wkoll lezzjonijiet tal-​pjanu. Kull sena, meta l-​istudenti tagħha kienu jdoqqu quddiem il-​pubbliku, kienet tieħu din l-​opportunità biex toqgħod titkellem dwar is-​Saltna t’Alla u t-​tama taʼ l-​irxoxt. Minn meta kelli sebaʼ snin studjajt il-​vjolin; għalhekk kont interessata fil-​mużika u bis-​saħħa t’hekk kont noqgħod nismaʼ dak li kellha x’tgħid Clara.

Aħna t-​tfal ma domniex m’attendejna l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni flimkien maʼ ommi fin-​naħa tal-​punent taʼ Chicago. Kien vjaġġ twil bil-​karozza tal-​linja u bit-​tramm, iżda dan kien qed iservi taʼ taħriġ għalina biex inkunu nafu x’kien jinvolvi li tfittex l-​ewwel is-​Saltna. Fl-​1938, tliet snin wara li ommi tgħammdet, mort magħha għal konvenzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Chicago. Dan kien wieħed minn 50 pajjiż li żamm kuntatt permezz tat-​telefon bir-​radju għal din l-​okkażjoni. Dak li smajt dakinhar messli qalbi.

Madankollu, l-​imħabba għall-​mużika kienet ġo qalbi. Fl-​1938 iggradwajt mill-​iskola sekondarja, u missieri rranġali biex immur nistudja fil-​Konservatorju Amerikan tal-​Mużika f’Chicago. Għalhekk matul is-​sentejn taʼ wara, studjajt il-​mużika, daqqejt f’żewġ orkestri, u kelli l-​ħsieb li naqbad karriera f’dik il-​linja.

L-għalliem tiegħi tal-​vjolin, Herbert Butler, kien telaq mill-​Ewropa biex imur jgħix fl-​Istati Uniti. Għalhekk tajtu l-​ktejjeb Refugees,a u ħsibt li forsi kien se jaqrah. Fil-​fatt, hekk għamel u wara l-​lezzjoni tiegħi l-​ġimgħa taʼ wara, qalli: “Jetha, inti ddoqq tajjeb, u jekk tkompli bl-​istudji tiegħek, tistaʼ ssib taħdem m’orkestra tar-​radju jew tgħallem il-​mużika.” Imbagħad, hu u jipponta subgħajh lejn il-​ktejjeb li kont tajtu, qalli, “Iżda naħseb li qalbek hija marbuta maʼ dan. Għala ma tagħmilx dan bħala x-​xogħol taʼ ħajtek?”

Ħsibt serjament dwar dak li qalli. Minflok ma komplejt l-​istudji tiegħi fil-​konservatorju, aċċettajt l-​istedina t’ommi biex immur il-​konvenzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Detroit, Michigan, f’Lulju taʼ l-​1940. Aħna qgħadna ġot-​tined f’post merfugħ għall-​kampijiet u l-​karavani. M’għandniex xi ngħidu, miegħi ħadt il-​vjolin, u daqqejt fl-​orkestra tal-​konvenzjoni. Iżda fil-​kampijiet, iltqajt maʼ ħafna pijunieri (evanġelizzaturi full-time). Kienu lkoll tassew ferħanin. Iddeċidejt li nitgħammed u applikajt għas-​servizz taʼ pijuniera. Tlabt lil Jehovah biex jgħinni fil-​ministeru full-time tul ħajti kollha.

Bdejt ix-​xogħol taʼ pijuniera fil-​pajjiż tiegħi stess. Iktar tard, mort naqdi f’Chicago. Fl-​1943, mort noqgħod f’Kentucky. Dak is-​sajf, ftit qabel il-​konvenzjoni, irċivejt stedina biex nattendi t-​tieni klassi taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad, fejn kont se nirċievi taħriġ għax-​xogħol missjunarju. Il-​klassi kellha tibda f’Settembru taʼ l-​1943.

Waqt il-​konvenzjoni dak is-​sajf, qgħadt m’oħt li offrietli dak kollu li ridt mill-​gwardarobba taʼ bintha. It-​tifla tagħha kienet marret għall-​militar, u kienet qalet lil ommha biex tagħti l-​affarijiet kollha tagħha. Għalija dawn l-​affarijiet bżonnjużi kienu twettiq tal-​wegħda li ta Ġesù: “Mela fittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.” (Mattew 6:33) Il-​ħames xhur f’Gilgħad għaddew tassew malajr, u meta fil-​31 taʼ Jannar taʼ l-​1944 iggradwajt, bdejt inħares ’il quddiem għas-​servizz missjunarju.

Huma Wkoll Għażlu s-​Servizz Full-Time

Ommi kienet applikat għas-​servizz taʼ pijuniera fl-​1942. F’dak iż-​żmien, it-​tliet ħuti subien u oħti kienu għadhom imorru l-​iskola. Taʼ spiss ommi kienet tiltaqaʼ magħhom wara l-​iskola u tiħodhom magħha fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Kienet ukoll turihom kif għandhom jagħtu daqqa t’id id-​dar. Ħafna drabi kienet tibqaʼ mqajma tard bil-​lejl biex tgħaddi l-​ħwejjeġ u tagħmel affarijiet neċessarji oħra biex b’hekk matul il-​ġurnata tkun tistaʼ toħroġ fil-​ministeru.

F’Jannar taʼ l-​1943, waqt li kont qiegħda naqdi bħala pijuniera f’Kentucky, ħija Don beda jagħmel dan ix-​xogħol ukoll. Missieri ddiżappunta ruħu ħafna għax kien qed jittama li t-​tfal kollha tiegħu jkollhom edukazzjoni f’kulleġġ, bħalma kienu għamlu hu u ommi. Wara li kien ilu jaqdi bħala pijunier għal xi sentejn, Don ġie mistieden biex ikompli l-​ministeru full-time tiegħu bħala parti mill-​istaff tal-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Jehovah fi Brooklyn, New York.

F’Ġunju taʼ l-​1943, waqt li kien għadu joqgħod id-​dar, Joel beda x-​xogħol taʼ pijunier. Matul dak iż-​żmien ipprova jikkonvinċi lil missierna biex jattendi l-​konvenzjoni, iżda ma rnexxilux. Madankollu, wara li Joel ipprova mingħajr suċċess jibda studju tal-​Bibbja fit-​territorju tagħna, missieri qabel li jibda studju miegħu fuq il-​ktieb “The Truth Shall Make You Free.” Missieri kien jirrispondi l-​mistoqsijiet malajr, imma kien jinsisti maʼ Joel biex isiblu prova Skritturali għal dak li kien qed jgħid il-​ktieb. Dan għen lil Joel biex il-​veritajiet tal-​Bibbja jidħlu f’moħħu u jinżlu f’qalbu.

Joel xtaq li l-​Bord tas-​Servizz Selettiv jeżentah mill-​militar billi jirrikonoxxih bħala ministru reliġjuż, kif kien għamel maʼ Don. Iżda meta tal-​bord raw kemm Joel kien jidher żgħir, irrifjutaw li jikklassifikawh bħala ministru reliġjuż, u bagħtulu avviż biex jirrapporta għas-​servizz militari. Meta rrifjuta li jieħu dan it-​taħriġ, ħarġulu ordni t’arrest. Wara li l-​FBI sabu fejn kien, spiċċa jqattaʼ tlett ijiem fil-​ħabs taʼ Cook County.

Missieri uża l-​valur tad-​dar tagħna bħala garanzija sabiex joħorġu fuq pleġġ. Minn dakinhar, beda jagħmel l-​istess ħaġa għal Xhieda żgħażagħ oħra li ffaċċjaw xi sitwazzjoni simili. Missieri rrabja ħafna b’din l-​inġustizzja kollha, u mar maʼ Joel f’Washington,  D.C., biex jara jekk kienx possibbli li jappella. Finalment, Joel ġie aċċettat bħala ministru reliġjuż, u l-​każ ġie sospiż. Meta kont fl-​inkarigu tiegħi bħala missjunarja, missieri kitibli, “Naħseb li l-​kredtu għal din il-​vittorja għandu jingħata kollu lil Jehovah!” Fl-​aħħar t’Awissu taʼ l-​1946, Joel ġie mistieden ukoll biex jaqdi bħala membru taʼ l-​istaff fil-​kwartieri ġenerali taʼ Brooklyn.

Taʼ spiss, Karl kien jagħmel ix-​xogħol taʼ pijunier fil-​vaganzi taʼ l-​iskola qabel ma spiċċa l-​iskola sekondarja fl-​1947, u mbagħad beda x-​xogħol taʼ servizz bħala pijunier regulari. Is-​saħħa taʼ missieri kienet sejra lura, u għalhekk Karl għenu bin-​negozju tiegħu għal xi żmien qabel ma ddeċieda li jmur jaqdi bħala pijunier f’xi post ieħor. Tard fl-​1947, Karl beda jaqdi maʼ Don u Joel fil-​kwartieri ġenerali fi Brooklyn bħala membru tal-​familja Betel.

Meta Joy spiċċat l-​iskola sekondarja, bdiet ix-​xogħol taʼ pijuniera. Imbagħad fl-​1951, marret taqdi ġewwa Betel maʼ ħutha. Hi kienet tieħu ħsieb it-​tindif u kienet taħdem ukoll fid-​Dipartiment taʼ l-​Abbonamenti. Fl-​1955 iżżewġet lil Roger Morgan, membru ieħor tal-​familja Betel. Xi sebaʼ snin wara, minħabba li xtaqu li jkollhom familja, telqu minn Betel. Maż-​żmien, kellhom żewġt itfal li wkoll jaqdu lil Jehovah.

Meta t-​tfal kollha kienu fis-​servizz full-time, ommi pprovdiet l-​inkuraġġiment li kien hemm bżonn, u b’hekk missieri wkoll iddedika ħajtu lil Jehovah u tgħammed fl-​1952. Għal 15-il sena, sakemm miet, hu kien kapaċi ħafna biex jaħtaf l-​opportunità f’li jaqsam il-​verità tas-​Saltna m’oħrajn, għalkemm il-​mard li kellu kien jillimitah milli jagħmel dan.

Wara li ommi kienet waqfet għal perijodu żgħir minħabba l-​marda li kellu missieri, hi reġgħet qabdet ix-​xogħol taʼ pijuniera u baqgħet tagħmel dan sa tmiem ħajjitha. Hi qatt ma kellha karozza; u lanqas ma kienet issuq rota. Kienet persuna taʼ statura żgħira li kienet timxi ħafna, u taʼ spiss ’il bogħod lejn il-​kampanja, biex tikkonduċi l-​istudji tal-​Bibbja.

Fl-​Għalqa Missjunarja

Wara li ggradwajna mill-​Iskola taʼ Gilgħad, grupp minna morna naqdu bħala pijunieri fit-​tramuntana tal-​Belt taʼ New York għal xi sena sakemm ksibna l-​karti legali li kellna bżonn biex insiefru. Fl-​aħħar mill-​aħħar, fl-​1945 tlaqna għall-​inkarigu tagħna, f’Kuba, fejn hemmhekk bdejna naġġustaw ruħna għal ħajja ġdida. Ir-​respons għall-​ippridkar tagħna kien tajjeb, u ħafna minna malajr bdejna nikkonduċu bosta studji tal-​Bibbja. Qdejna hemmhekk għal diversi snin. Imbagħad ġejna assenjati biex immorru naqdu fir-​Repubblika Dominikana. Darba minnhom iltqajt maʼ waħda mara li ħeġġitni biex nara klijenta tagħha, mara Franċiża li kien jisimha Suzanne Enfroy, li xtaqet l-​għajnuna biex tifhem il-​Bibbja.

Suzanne kienet Lhudija, u meta Hitler invada lil Franza, żewġha ħa lilha u liż-​żewġ uliedhom f’pajjiż ieħor. Suzanne malajr bdiet taqsam maʼ ħaddieħor l-​affarijiet li kienet tgħallmet. L-​ewwel tkellmet mal-​mara li kienet talbitni biex immur għandha, imbagħad maʼ Blanche, ħabiba minn Franza. It-​tnejn li huma mxew ’il quddiem u tgħammdu.

“X’nistaʼ nagħmel biex ngħin lil uliedi?” staqsietni Suzanne. Binha kien qiegħed jistudja l-​mediċina, u bintha kienet qiegħda tistudja l-​ballet, bit-​tama li xi darba tiżfen fir-​Radio City Music Hall fi New York. Suzanne kienet tibagħtilhom l-​abbonamenti tat-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! Bħala riżultat, it-​tifel taʼ Suzanne, martu, u oħt martu li kienet tewmija saru kollha Xhieda. Ir-​raġel taʼ Suzanne, Louis, kien imħasseb dwar l-​interess li martu kellha fix-​Xhieda taʼ Jehovah minħabba li l-​gvern tar-​Repubblika Dominikana kien, sa dak iż-​żmien, ipprojbixxa x-​xogħol tagħna bħala Xhieda. Iżda wara li l-​familja kollha marret lejn l-​Istati Uniti, hu wkoll sar Xhud.

Taħt Projbizzjoni Iżda Xorta Bqajna Naqdu

Għalkemm ftit wara li konna assenjati fir-​Repubblika Dominikana fl-​1949, ix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah ġie projbit, id-​determinazzjoni tagħna kienet li nobdu iktar lil Alla bħala Ħakkiem milli lill-​bniedem. (Atti 5:29) Bqajna nfittxu l-​ewwel is-​Saltna t’Alla billi xandarna l-​aħbar tajba, bħalma Ġesù istruwixxa lid-​dixxipli tiegħu biex jagħmlu. (Mattew 24:14) Madankollu, tgħallimna biex meta mmorru nippridkaw inkunu “għaqlin bħas-​sriep u safjin bħall-​ħamiem.” (Mattew 10:16) Per eżempju, il-​vjolin tiegħi sibtu t’għajnuna kbira. Kont nieħdu miegħi meta kont immur nikkonduċi l-​istudji tal-​Bibbja. L-​istudenti tiegħi ma sarux vjolinisti, iżda bosta familji saru qaddejja taʼ Jehovah!

Wara li tpoġġiet il-​projbizzjoni, aħna l-​erbgħa—jiena, Mary Aniol, Sophia Soviak, u Edith Morgan—ċaqalquna mid-​dar missjunarja f’San Francisco de Macorís għal dar missjunarja oħra li kienet tinsab fil-​fergħa f’Santo Domingo, il-​belt kapitali. Iżda kull xahar, kont nagħmel vjaġġ għall-​inkarigu oriġinali tagħna biex nagħti lezzjoni tal-​mużika. Dan għamilha possibbli għalija biex fil-​bagalja tal-​vjolin tiegħi nieħu ikel spiritwali għal sħabna l-​Kristjani, u lura kont nirritorna bir-​rapporti taʼ l-​attività taʼ l-​ippridkar tagħhom.

Meta l-​aħwa f’San Francisco de Macorís intefgħu l-​ħabs f’Santiago minħabba l-​waqfa Kristjana tagħhom dwar in-​newtralità, ġejt mitluba biex niħdilhom xi flus, jekk kien possibbli xi Bibbji, u biex nieħu lura miegħi xi aħbar lill-​familjari tagħhom. Meta l-​gwardji fil-​ħabs taʼ Santiago rawni bil-​bagalja tal-​vjolin tiegħi taħt idejja, staqsewni, “Dik x’inhi?” “Biex niddevertu ftit,” għedtilhom jien.

Fost l-​għanjiet li daqqejt kien hemm waħda li ġiet miktuba minn Xhud waqt li kien fil-​kamp tal-​konċentrament tan-​Nazi. Dik lgħanja issa għandha n-​numru 29 fil-​ktieb taʼ l-​għanjiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Kont indoqqha biex b’hekk ħutna li kienu l-​ħabs setgħu jitgħallmu jkantawha.

Sirt naf li ħafna mix-​Xhieda kienu ġew trasferiti ġewwa razzett li kien taʼ Trujillo, il-​kap tal-​gvern. Kienu qaluli li r-​razzett kien jinsab fejn kienet tgħaddi tal-​linja. Għalhekk, għal xi nofsinhar inżilt minn ġo tal-​linja u staqsejt għad-​direzzjonijiet. Sid taʼ ħanut żgħir ipponta lejn il-​muntanji u offrieli ż-​żiemel tiegħu u tifel biex jiggwidani, bil-​kundizzjoni li nħalli l-​vjolin warajja bħala garanzija li kont se nġiblu ż-​żiemel lura.

Wara dawk l-​għoljiet, kellna naqsmu xmara, u t-​tnejn li aħna qgħadna fuq iż-​żiemel hekk kif beda jgħum. Hemmhekk rajna qatgħa pappagalli, b’rixhom kulur aħdar u blu jgħajjat ileqq fix-​xemx. Kienet tassew dehra sabiħa! Jien tlabt: “Grazzi, Jehovah, talli għamilthom daqshekk sbieħ.” Finalment, fl-​erbgħa taʼ wara nofsinhar, wasalna fir-​razzett. Is-​suldat li kien qiegħed għassa ħallieni nitkellem maʼ l-​aħwa, u nagħtihom l-​affarijiet kollha li kont ġibtilhom, anki Bibbja żgħira.

Aħna u ġejjin lura, tlabt matul it-​triq kollha, peress li sa dak il-​ħin kien dalam. Wasalna lura l-​ħanut, imxarrbin għasra bix-​xita. Minħabba li l-​aħħar karozza tal-​linja kienet diġà għaddiet, staqsejt lil sid il-​ħanut biex iwaqqafli trakk li kien għaddej minn hemm. Kienet se tkun ħaġa għaqlija li mmur maʼ dawn iż-​żewġt irġiel fit-​trakk? Wieħed minnhom staqsieni: “Tafha lil Sophie? Studjat m’oħti.” Iddeċidejt li din kienet ir-​risposta taʼ Jehovah għat-​talba tiegħi! Huma ħaduni qawwija u sħiħa f’Santo Domingo.

Fl-1953, jien kont waħda fost dawk l-​uħud mir-​Repubblika Dominikana li attendew il-​konvenzjoni internazzjonali tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Yankee Stadium fi New York. Il-​familja kollha tiegħi, inkluż missieri, kienu hemm. Wara rapport li spjega kif ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar kien miexi ’l quddiem fir-​Repubblika Dominikana, jien u s-​sieħba missjunarja tiegħi, Mary Aniol, kellna parti żgħira fil-​programm biex nuru kif konna nippridkaw meta x-​xogħol kien projbit.

Ferħ Speċjali fix-​Xogħol taʼ l-​Ivvjaġġar

Dak is-​sajf iltqajt maʼ Rudolph Sunal, li sar żewġi s-​sena taʼ wara. Il-​familja tiegħu kienu saru Xhieda f’Allegheny, f’Pennsylvania, ftit wara l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Wara li qattaʼ xi żmien il-​ħabs bħala Kristjan newtrali matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, mar jaqdi f’Betel fi Brooklyn, New York. Ftit wara li żżewwiġna, ġie mistieden biex iżur il-​kongregazzjonijiet bħala indokratur li jivvjaġġa. Għat-​18-il sena taʼ wara, mort miegħu fix-​xogħol tas-​circuit.

L-inkarigu tagħna ħadna f’Pennsylvania, West Virginia, New Hampshire, Massachusetts, u pajjiżi oħra. Ġeneralment konna noqogħdu fid-​djar taʼ xi aħwa Kristjani. Kienet xi ħaġa sabiħa ħafna li nsiru nafuhom kollha b’mod aħjar u li naqdu lil Jehovah flimkien magħhom. L-​imħabba u l-​ospitalità li wrewna kienu dejjem ġenwini u mill-​qalb. Wara li Joel iżżewweġ lis-​sieħba missjunarja tiegħi, Mary Aniol, huma qattgħu tliet snin fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar, iżuru l-​kongregazzjonijiet f’Pennsylvania u f’Michigan. Wara dan, fl-​1958, Joel ġie mistieden għal darb’oħra biex isir membru tal-​familja Betel, din id-​darba maʼ Mary.

Karl kien ilu f’Betel għal xi sebaʼ snin meta ġie assenjat għal ftit xhur fix-​xogħol tas-​circuit fejn setaʼ jikseb iktar esperjenza. Wara sar għalliem fl-​Iskola taʼ Gilgħad. Fl-​1963 iżżewweġ lil Bobbie, li qdiet lealment f’Betel sakemm mietet f’Ottubru taʼ l-​2002.

Waqt dawk is-​snin kollha li qattaʼ f’Betel, Don minn żmien għal żmien ivvjaġġa lejn postijiet oħra biex jaqdi lil dawk li jaħdmu fl-​uffiċċji tal-​fergħat u fl-​għalqa missjunarja. L-​inkarigi tiegħu ħaduh lejn l-​Orjent, l-​Afrika, l-​Ewropa, u lejn partijiet differenti taʼ l-​Amerika. Il-​mara leali taʼ Don, Dolores, spiss tivvjaġġa miegħu.

Iċ-​Ċirkustanzi Tagħna Nbidlu

Wara marda li ħadet fit-​tul, missieri miet, iżda qabel ma miet qalli li kien ferħan ħafna li konna għażilna li naqdu lil Alla Jehovah. Hu qalli li konna qlajna ħafna iktar barkiet milli kieku ksibna edukazzjoni f’xi kulleġġ bħalma xtaq hu. Wara li għent lil ommi biex tippakkja ħalli tmur toqgħod f’post ieħor ħdejn oħti, Joy, ir-​raġel tiegħi u jien aċċettajna inkarigi biex naqdu bħala pijunieri fi New England biex b’hekk inkunu qrib t’ommu, li f’dak il-​perijodu kellha bżonn l-​għajnuna. Wara li ommu mietet, ommi għexet magħna għal 13-il sena. Imbagħad, fit-​18 taʼ Jannar, 1987, meta kellha 93 sena temmet l-​inkarigu tagħha fuq l-​art.

Taʼ spiss, meta l-​ħbieb kienu jfaħħruha talli kienet rabbiet lit-​tfal kollha tagħha biex iħobbu u jaqdu lil Jehovah, b’umiltà ommi kienet tweġibhom: “Inzerta kelli ‘art’ tajba x’naħdem.” (Mattew 13:23) X’barka kienet dik, li kellna ġenituri li kienu jħobbu lil Jehovah u li ħallewlna eżempju tajjeb taʼ żelu u umiltà!

Is-​Saltna Tibqaʼ Xorta l-​Ewwel

Aħna bqajna npoġġu s-​Saltna t’Alla l-​ewwel f’ħajjitna u pprovajna wkoll napplikaw il-​parir taʼ Ġesù dwar li naqsmu maʼ ħaddieħor. (Luqa 6:38; 14:​12-14) Bħala riżultat, Jehovah ipprovdielna b’mod ġeneruż għall-​bżonnijiet tagħna. Ħajjitna kienet hienja u fis-​sigurtà.

Jien u Rudy bqajna nħobbuha l-​mużika. Meta dawk li jħobbu l-​mużika bħalna jiġu d-​dar tagħna għal xi lejla u ndoqqu l-​istrumenti kollha flimkien, tassew nieħdu gost. Iżda l-​mużika m’hijiex il-​karriera tiegħi. Hija xi ħaġa li ġġibli iktar ferħ f’ħajti. Issa jien u żewġi nieħdu gost naraw ir-​riżultati tal-​ministeru tagħna bħala pijunieri, in-​nies li tajniehom l-​għajnuna tul iż-​żmien.

Minkejja l-​problemi taʼ saħħa, nistaʼ ngħid li għal iktar minn 60 sena fil-​ministeru full-time, ħajjitna kienet hienja u fis-​sigurtà. Kull fil-​għodu meta nqum, nirringrazzja lil Jehovah talli weġibli t-​talba tiegħi li kont għamilt meta dħalt fil-​ministeru full-time ħafna snin ilu, u bejni u bejn ruħi ngħid, ‘Illum kif nistaʼ nfittex is-​Saltna l-​ewwel?’

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah iżda m’għadux jiġi stampat.

[Stampa f’paġna 24]

Il-​familja tagħna fl-​1948 (mix-xellug għal-​lemin): Joy, Don, ommi, Joel, Karl, jien, u missieri

[Stampa f’paġna 25]

Ommi ħalliet eżempju żeluż fil-​ministeru

[Stampa f’paġna 26]

Karl, Don, Joel, Joy, u jien illum, iktar minn 50 sena wara

[Stampa f’paġna 27]

Mix-​xellug għal-​lemin: Jien, Mary Aniol, Sophia Soviak, u Edith Morgan bħala missjunarji fir-​Repubblika Dominikana

[Stampa f’paġna 28]

Maʼ Mary (xellug) f’Yankee Stadium, fl-​1953

[Stampa f’paġna 29]

Maʼ żewġi meta kien fix-​xogħol tas-​circuit

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja