LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 11/1 pp. 22-26
  • Għandek Int il-Ħarsa taʼ Ġeħova dwar l-Affarijiet Sagri?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għandek Int il-Ħarsa taʼ Ġeħova dwar l-Affarijiet Sagri?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Għandna Rispett Profond Lejn Ġesù
  • Poplu Qaddis
  • Affarijiet Sagri fil-​Ħajja Kristjana Tagħna
  • “Nipperfezzjonaw il-​Qdusija fil-​Biżaʼ t’Alla”
  • Xi tfisser il-​kelma “qaddis”?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • “Qaddis, qaddis, qaddis” hu Ġeħova
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • It-Tempju Spiritwali Kbir taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • “Kunu Qaddisin”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 11/1 pp. 22-26

Għandek Int il-​Ħarsa taʼ Ġeħova dwar l-​Affarijiet Sagri?

“Oqogħdu attenti . . . li ma jkun hemm ebda żieni jew xi ħadd li ma japprezzax l-​affarijiet sagri.”—EBREJ 12:​15, 16.

1. Liema attitudni li hija komuni llum m’għandhomx il-​qaddejja taʼ Ġeħova?

ID-​DINJA in ġenerali tagħti dejjem inqas attenzjoni lill-​affarijiet sagri. Edgar Morin, soċjologu Franċiż, stqarr: “Il-​pedamenti kollha li fuqhom huma bbażati l-​morali​—Alla, in-​natura, pajjiżek, l-​istorja, u r-​raġuni​—tilfu kull ċertezza li kellhom. . . . In-​nies jagħżlu liema valuri jridu.” Dan jirrifletti “l-​ispirtu tad-​dinja,” jew “l-​ispirtu li issa qed jaħdem f’ulied id-​diżubbidjenza.” (1 Korintin 2:​12; Efesin 2:2) Dan l-​ispirtu bla rispett m’huwiex aċċettat minn dawk li ddedikaw lilhom infushom lil Ġeħova u li minn jeddhom jissottomettu ruħhom għas-​sovranità li għandu bi dritt. (Rumani 12:​1, 2) Minflok, il-​qaddejja t’Alla jirrealizzaw liema post vitali għandha l-​qdusija fil-​qima tagħhom lil Ġeħova. Liema affarijiet fil-​ħajja tagħna għandhom ikunu sagri? Dan l-​artiklu se jikkunsidra ħames affarijiet li huma qaddisa għall-​qaddejja kollha t’Alla. L-​artiklu li jmiss se jiffoka fuq il-​qdusija tal-​laqgħat Kristjani tagħna. Imma xi tfisser verament il-​kelma “qaddis”?

2, 3. (a) L-Iskrittura kif tenfasizza l-​qdusija taʼ Ġeħova? (b) Aħna kif inqisu isem Ġeħova bħala qaddis?

2 Bl-​Ebrajk li ntuża fil-​Bibbja, il-​kelma “qaddis” tagħti l-​ħsieb taʼ separazzjoni. Fil-​qima, “qaddis” tapplika għal dak li huwa separat mill-​użu komuni, jew kunsidrat bħala li hu sagru. Ġeħova huwa qaddis fis-​sens assolut. Huwa msejjaħ l-​“Iktar Wieħed Qaddis.” (Proverbji 9:​10, NW; 30:​3, NW) F’Iżrael tal-​qedem, il-​qassis il-​kbir kien jilbes turbant maʼ rasu bi plakka tad-​deheb li fuqha kellha l-​kliem imnaqqax “Qaddis lill-​Mulej.” (Eżodu 28:​36, 37) Il-​kerubini u s-​serafini li hemm fis-​sema madwar it-​tron taʼ Ġeħova huma deskritti fl-​Iskrittura bħala li qed ixandru: “Qaddis, qaddis, qaddis hu l-​Mulej.” (Isaija 6:​2, 3; Rivelazzjoni 4:​6-8) Din ir-​ripetizzjoni tenfasizza li Ġeħova huwa qaddis, nadif, u pur fl-​ogħla grad. Fil-​fatt, huwa s-​Sors taʼ kull qdusija.

3 Isem Ġeħova huwa sagru, jew qaddis. Is-​salmista esklama: “Ħa jfaħħru ismek, kbir u tal-​biżaʼ, għax hu qaddis.” (Salm 99:​3) Ġesù għallimna nitolbu: “Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek [jew, jinżamm sagru; trattat bħala qaddis].” (Mattew 6:9) Marija, omm Ġesù meta kien fuq l-​art, qalet: “Ruħi tfaħħar bil-​kbir lil Ġeħova . . . is-​Setgħan għamel miegħi għemejjel kbar, u ismu hu qaddis.” (Luqa 1:​46, 49) Bħala qaddejja taʼ Ġeħova, aħna nqisu lil ismu bħala xi ħaġa qaddisa u nevitaw li nagħmlu xi ħaġa li tistaʼ ġġib tmaqdir fuq l-​isem qaddis tiegħu. Iktar minn hekk, aħna għandna l-​istess ħarsa taʼ Ġeħova dwar il-​qdusija, jiġifieri, l-​affarijiet li hu jqishom imqaddsin aħna nqisuhom imqaddsin ukoll.​—Għamos 5:​14, 15.

Għala Għandna Rispett Profond Lejn Ġesù

4. Il-​Bibbja għala tiddeskrivi lil Ġesù bħala “l-​Qaddis”?

4 Bħala l-​“iben uniġenitu” taʼ Ġeħova, l-​Alla qaddis, Ġesù kien maħluq qaddis. (Ġwanni 1:​14; Kolossin 1:​15; Ebrej 1:​1-3) Għaldaqstant hu jissejjaħ “il-​Qaddis t’Alla.” (Ġwanni 6:​69) Hu żamm il-​qdusija tiegħu meta ħajtu ġiet trasferita mis-​sema għall-​art, għax kien bil-​qawwa taʼ l-​ispirtu qaddis li Marija wildet lil Ġesù. Anġlu kien qalilha: “L-​ispirtu qaddis jiġi fuqek . . . dak li jitwieled jissejjaħ qaddis, Bin Alla.” (Luqa 1:​35) F’talba lil Ġeħova, il-​Kristjani f’Ġerusalemm irreferew għall-​Iben t’Alla darbtejn bħala “l-​qaddej qaddis tiegħek, Ġesù.”​—Atti 4:​27, 30.

5. Ġesù liema missjoni sagra wettaq fuq l-​art, u d-​demm tiegħu għala hu prezzjuż?

5 Ġesù kellu missjoni sagra xi jwettaq meta kien fuq l-​art. Fil-​magħmudija tiegħu fis-​sena 29 E.K., Ġesù ġie midluk bħala Qassis il-​Kbir tat-​tempju spiritwali grandjuż taʼ Ġeħova. (Luqa 3:​21, 22; Ebrej 7:​26; 8:​1, 2) Iktar minn hekk, hu kellu jmut mewta taʼ sagrifiċċju. Id-​demm imxerred tiegħu kellu jipprovdi l-​fidwa li permezz tagħha l-​bnedmin midinba setgħu jiġu salvati. (Mattew 20:28; Ebrej 9:​14) Aħna għalhekk inqisu d-​demm taʼ Ġesù bħala sagru, “prezzjuż.”​—1 Pietru 1:​19.

6. X’inhi l-​attitudni tagħna lejn Kristu Ġesù, u għala?

6 Sabiex juri li aħna għandna rispett għal Ġesù Kristu, is-​Sultan u l-​Qassis il-​Kbir tagħna, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Alla eżaltah [lil Ibnu] għal pożizzjoni superjuri u b’qalb tajba tah l-​isem li hu fuq kull isem ieħor, sabiex f’isem Ġesù tintlewa kull irkoppa fis-​sema, fuq l-​art, u taħt l-​art, u kull ilsien jistqarr quddiem kulħadd li Ġesù Kristu hu Mulej għall-​glorja t’Alla l-​Missier.” (Filippin 2:​9-​11) Aħna nuru li għandna l-​ħarsa taʼ Ġeħova dwar l-​affarijiet sagri billi nissottomettu ruħna bil-​ferħ lejn Ġesù Kristu, il-​Mexxej u s-​Sultan tagħna li qed jaħkem bħalissa, il-​Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana.​—Mattew 23:10; Kolossin 1:18.

7. Aħna kif nuru s-​sottomissjoni tagħna lejn Kristu?

7 Is-​sottomissjoni lejn Kristu tinvolvi wkoll li nuru rispett xieraq lejn l-​irġiel li juża biex jieħdu t-​tmexxija fix-​xogħol li qed jidderieġi bħalissa. L-​irwoli taʼ dawk midlukin bl-​ispirtu li jifformaw il-​Ġemgħa li Tiggverna u taʼ l-​indokraturi maħturin minnhom fil-​friegħi, id-​distretti, is-​circuits, u l-​kongregazzjonijiet għandhom jiġu rikonoxxuti bħala responsabbiltà sagra. Għalhekk, dan l-​arranġament jitlob rispett profond u sottomissjoni min-​naħa tagħna.​—Ebrej 13:​7, 17.

Poplu Qaddis

8, 9. (a) L-Iżraelin b’liema mod kienu poplu qaddis? (b) Ġeħova kif naqqax il-​prinċipju tal-​qdusija fl-​Iżraelin?

8 Ġeħova għamel patt maʼ Iżrael. Din ir-​relazzjoni tat stat speċjali lil dan in-​nazzjon ġdid. Huma ġew imqaddsin, jew meħudin apparti. Ġeħova nnifsu qalilhom: “Tkunu għalija qaddisin, għax qaddis jien il-​Mulej, u għażiltkom minn fost il-​popli biex tkunu tiegħi.”​—Levitiku 19:2; 20:26.

9 Appena stabbilixxa l-​ġens taʼ Iżrael, Ġeħova naqqax il-​prinċipju tal-​qdusija fl-​Iżraelin. Bil-​piena tal-​mewt, huma lanqas biss setgħu jmissu l-​muntanja fejn ngħataw l-​Għaxar Kmandamenti. F’ċertu sens, dak iż-​żmien il-​Muntanja Sinaj kienet meqjusa bħala sagra. (Eżodu 19:​12, 23) Is-​saċerdozju, it-​tabernaklu, u l-​għamara taʼ ġo fih kellhom jitqiesu bħala sagri wkoll. (Eżodu 30:​26-​30) X’inhi s-​sitwazzjoni fil-​kongregazzjoni Kristjana?

10, 11. Għala jistaʼ jingħad li l-​kongregazzjoni Kristjana taʼ wħud midlukin hija sagra, u dan x’effett għandu fuq in-​“nagħaġ oħrajn”?

10 Il-​kongregazzjoni Kristjana taʼ wħud midlukin hija sagra f’għajnejn Ġeħova. (1 Korintin 1:2) Fil-​fatt il-​grupp sħiħ taʼ Kristjani midlukin fuq l-​art fi kwalunkwe żmien huma mxebbhin maʼ tempju qaddis, għalkemm huma ma jifformawx it-​tempju spiritwali kbir taʼ Ġeħova. Ġeħova joqgħod f’dak it-​tempju permezz taʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu. L-​appostlu Pawlu kiteb: “F’unjoni [maʼ Ġesù Kristu] il-​bini kollu, magħqud flimkien b’mod armonjuż, qed jikber f’tempju qaddis għal Ġeħova. F’unjoni miegħu intom ukoll qed tinbnew flimkien f’post fejn Alla jgħix bl-​ispirtu.”​—Efesin 2:​21, 22; 1 Pietru 2:​5, 9.

11 Pawlu kiteb ukoll lill-​Kristjani midlukin: “Ma tafux li intom it-​tempju t’Alla, u li l-​ispirtu t’Alla jgħammar fikom? . . . It-​tempju t’Alla hu qaddis, u dan it-​tempju hu intom.” (1 Korintin 3​:​16, 17) Permezz taʼ l-​ispirtu tiegħu, Ġeħova ‘jgħammar’ fost il-​midlukin u ‘jimxi fosthom.’ (2 Korintin 6:​16) Hu dejjem jiggwida lill-​“ilsir” leali tiegħu. (Mattew 24:​45-​47) In-​“nagħaġ oħrajn” jgħożżu l-​privileġġ tagħhom li jkunu mseħbin mal-​klassi tat-​“tempju.”​—Ġwanni 10:16; Mattew 25:​37-​40.

Affarijiet Sagri fil-​Ħajja Kristjana Tagħna

12. Liema affarijiet huma sagri f’ħajjitna, u għala?

12 Mela għalhekk, m’hijiex sorpriża li ħafna affarijiet relatati mal-​ħajjiet tal-​membri midlukin tal-​kongregazzjoni Kristjana u sħabhom huma sagri. Ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova hija xi ħaġa sagra. (1 Kronaki 28:9; Salm 36:8 [36:​7, NW]) Hija xi ħaġa taʼ valur kbir għalina li ma nħallu lil ħadd u xejn jidħol bejnna u bejn Alla tagħna, Ġeħova. (2 Kronaki 15:2; Ġakbu 4:​7, 8) It-​talb għandu rwol importanti biex aħna nżommu relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova. It-​talb tant kien sagru għall-​profeta Danjel li hu kompla bid-​drawwa tiegħu li jitlob lil Ġeħova saħansitra b’riskju għal ħajtu. (Danjel 6:​7-​11) It-​“talb tal-​qaddisin,” jew il-​Kristjani midlukin, huwa mxebbah maʼ inċens li jintuża fil-​qima tat-​tempju. (Rivelazzjoni 5:8; 8:​3, 4; Levitiku 16:​12, 13) Dan is-​simboliżmu jenfasizza kemm it-​talb huwa sagru. Xi privileġġ huwa li tkun tistaʼ tikkomunika mas-​Sovran taʼ l-​univers! Mhux taʼ b’xejn li t-​talb huwa meqjus bħala sagru f’ħajjitna!

13. Liema forza hija qaddisa, u kif għandna nħalluha taħdem f’ħajjitna?

13 Fil-​ħajja tal-​Kristjani midlukin u taʼ sħabhom hemm forza li huma bla dubju jqisuha bħala li hija sagra​—l-​ispirtu qaddis. Dan l-​ispirtu huwa l-​forza attiva taʼ Ġeħova, u ladarba dejjem jaħdem f’armonija mar-​rieda taʼ l-​Alla qaddis, bix-​xieraq dan jissejjaħ “l-​ispirtu qaddis,” jew “l-​ispirtu tal-​qdusija.” (Ġwanni 14:26; Rumani 1:4) Permezz taʼ l-​ispirtu qaddis, Ġeħova jipprovdi l-​qawwa lill-​qaddejja tiegħu biex jippridkaw l-​aħbar tajba. (Atti 1:8; 4:​31) Ġeħova jagħti l-​ispirtu tiegħu lil “dawk li jobduh bħala ħakkiem,” lil dawk li ‘jibqgħu mexjin bl-​ispirtu,’ mhux skond ix-​xewqat tal-​ġisem. (Atti 5:​32; Galatin 5:​16, 25; Rumani 8:​5-8) Din il-​forza b’saħħitha tgħin lill-​Kristjani jipproduċu “l-​frott taʼ l-​ispirtu”​—kwalitajiet mill-​aħjar—​u “atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.” (Galatin 5:​22, 23; 2 Pietru 3:​11) Jekk l-​ispirtu qaddis huwa xi ħaġa sagra għalina, aħna se nevitaw li nagħmlu xi ħaġa li tistaʼ tnikket lil dan l-​ispirtu, jew ittellef il-​ħidma tiegħu f’ħajjitna.​—Efesin 4:30.

14. Il-​midlukin liema privileġġ iqisuh bħala sagru, u dan il-​privileġġ kif jinqasam man-​nagħaġ oħrajn?

14 Il-​privileġġ li għandna li nġorru l-​isem taʼ l-​Alla qaddis, Ġeħova, u li nkunu x-​Xhieda tiegħu hija xi ħaġa oħra li nqisuha sagra. (Isaija 43:​10-​12, 15) Il-​Kristjani midlukin ġew kwalifikati minn Ġeħova ‘biex ikunu ministri taʼ patt ġdid.’ (2 Korintin 3:​5, 6) Għalhekk, huma inkarigati li jippridkaw “din l-​aħbar tajba tas-​saltna” u li ‘jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.’ (Mattew 24:14; 28:​19, 20) Huma qegħdin iwettqu dan l-​inkarigu b’lealtà, u miljuni taʼ wħud bħal nagħaġ qed iwieġbu, u b’mod simboliku qed jgħidu lill-​midlukin: “Ħa niġu magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom!” (Żakkarija 8:​23) Dawn l-​uħud jaqdu bil-​ferħ f’sens spiritwali bħala “bdiewa” u ‘dawk li jiżbru d-​dwieli’ għall-​“ministri [midlukin] t’Alla tagħna.” B’dan il-​mod, in-​nagħaġ oħrajn jagħtu ħafna għajnuna lill-​midlukin biex iwettqu l-​ministeru tagħhom madwar id-​dinja kollha.​—Isaija 61:​5, 6, NW.

15. L-​appostlu Pawlu liema attività qiesha bħala li hi sagra, u aħna għala għandna l-​istess ħarsa?

15 L-​appostlu Pawlu, biex insemmu wieħed, qies il-​ministeru pubbliku tiegħu bħala li hu sagru, jew qaddis. Hu tkellem dwaru nnifsu bħala “qaddej pubbliku taʼ Kristu Ġesù għall-​ġnus, okkupat bix-​xogħol qaddis taʼ l-​aħbar tajba t’Alla.” (Rumani 15:16) Meta kiteb lill-​Kristjani f’Korintu, Pawlu rrefera għall-​ministeru tiegħu bħala “teżor.” (2 Korintin 4:​1, 7) Permezz tal-​ministeru pubbliku tagħna, aħna nagħmlu magħruf “id-​dikjarazzjonijiet sagri t’Alla.” (1 Pietru 4:​11) Għaldaqstant, kemm jekk aħna mill-​midlukin jew min-​nagħaġ oħrajn, aħna nikkunsidrawh privileġġ sagru li nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ li nagħtu xiehda.

“Nipperfezzjonaw il-​Qdusija fil-​Biżaʼ t’Alla”

16. X’se jgħinna nevitaw li nsiru nies li ‘ma japprezzawx l-​affarijiet sagri’?

16 L-​appostlu Pawlu wissa lill-​Kristjani sħabu biex ma jsirux nies li ‘ma japprezzawx l-​affarijiet sagri.’ Minflok, hu tahom parir biex ‘ifittxu l-​qdusija,’ biex ‘joqogħdu attenti li ebda għerq velenuż ma jinbet u joħloq l-​inkwiet u ħafna jitniġġsu bih.’ (Ebrej 12:​14-​16) L-​espressjoni “għerq velenuż” tirreferi għal dawk il-​ftit uħud ġewwa l-​kongregazzjoni Kristjana li jistgħu joqogħdu jikkritikaw il-​mod kif isiru l-​affarijiet. Per eżempju, huma jistgħu ma jaqblux mal-​ħarsa taʼ Ġeħova dwar il-​qdusija taż-​żwieġ jew il-​bżonn għall-​indafa morali. (1 Tessalonikin 4:​3-7; Ebrej 13:4) Jew jistgħu jxerrdu ħsibijiet apostati, “diskors vojt li jipprofana dak li hu qaddis” mingħand dawk li “tbiegħdu mill-​verità.”​—2 Timotju 2:​16-​18.

17. Għalfejn hemm bżonn li dejjem isir sforz min-​naħa tal-​midlukin biex juru li għandhom il-​ħarsa taʼ Ġeħova dwar il-​qdusija?

17 Lil ħutu midlukin, l-​appostlu Pawlu kitbilhom: “Maħbubin, ladarba għandna dawn il-​wegħdi ħa nitnaddfu minn kull tinġis tal-​laħam u taʼ l-​ispirtu, u nipperfezzjonaw il-​qdusija fil-​biżaʼ t’Alla.” (2 Korintin 7:1) Din l-​istqarrija turi li l-​Kristjani midlukin ‘li għandhom sehem fis-​sejħa tas-​sema,’ iridu dejjem jagħmlu sforz biex jagħtu prova li huma għandhom l-​istess ħarsa taʼ Ġeħova dwar il-​qdusija f’kull aspett taʼ ħajjithom. (Ebrej 3:1) Bl-​istess mod, l-​appostlu Pietru ħeġġeġ lil ħutu midlukin bl-​ispirtu: “Bħal tfal ubbidjenti, tibqgħux magħġunin skond ix-​xewqat li kellkom qabel fl-​injoranza tagħkom, imma, fi qbil mal-​Qaddis li sejħilkom, kunu intom ukoll qaddisin fil-​kondotta kollha tagħkom.”​—1 Pietru 1:​14, 15.

18, 19. (a) Il-membri tal-​“folla kbira” kif juru li għandhom il-​ħarsa taʼ Ġeħova dwar l-​affarijiet sagri? (b) Liema aspett ieħor mill-​ħajja Kristjana tagħna se jiġi kunsidrat fl-​artiklu li jmiss?

18 Xi ngħidu għall-​membri tal-​“folla kbira,” li se jibqgħu ħajjin wara t-​“tribulazzjoni l-​kbira”? Huma wkoll iridu jagħtu prova li għandhom il-​ħarsa taʼ Ġeħova dwar l-​affarijiet sagri. Fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, huma jiġu rappreżentati bħala li qed jagħtu “servizz sagru” lil Ġeħova fil-​bitħa tat-​tempju spiritwali tiegħu fuq l-​art. Huma poġġew fidi fis-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Kristu, u b’mod simboliku “ħaslu lbieshom u għamluhom bojod fid-​demm tal-​Ħaruf.” (Rivelazzjoni 7:​9, 14, 15) Dan se jippermettilhom ikollhom reputazzjoni nadifa quddiem Ġeħova u jpoġġihom taħt l-​obbligu li ‘jitnaddfu minn kull tinġis tal-​laħam u taʼ l-​ispirtu, u jipperfezzjonaw il-​qdusija fil-​biżaʼ t’Alla.’

19 Aspett importanti fil-​ħajja tal-​Kristjani midlukin u sħabhom huwa li jiltaqgħu regolarment biex iqimu lil Ġeħova u biex jistudjaw il-​Kelma tiegħu. Ġeħova jqis il-​laqgħat tal-​poplu tiegħu bħala sagri. Fl-​artiklu li jmiss se jiġi kunsidrat kif u għala għandu jkollna l-​ħarsa taʼ Ġeħova dwar l-​affarijiet sagri f’dan l-​aspett vitali.

Bħala Reviżjoni

• Liema ħarsa dinjija m’għandhomx il-​qaddejja taʼ Ġeħova?

• Ġeħova għala huwa s-​Sors taʼ dak kollu li hu qaddis?

• Aħna kif nuru li nirrispettaw il-​qdusija taʼ Kristu?

• Liema affarijiet għandna nqisuhom sagri f’ħajjitna?

[Stampa f’paġna 23]

F’Iżrael tal-​qedem, is-​saċerdozju, it-​tabernaklu, u l-​għamara tiegħu kellhom jitqiesu bħala li huma sagri

[Stampa f’paġna 24]

Il-​Kristjani midlukin fuq l-​art jifformaw tempju qaddis

[Stampi f’paġna 25]

It-​talb u l-​ministeru pubbliku tagħna huma privileġġi sagri

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja