LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • ijwbq artiklu 137
  • Xi tfisser il-​kelma “qaddis”?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Xi tfisser il-​kelma “qaddis”?
  • Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​tweġiba tal-​Bibbja
  • Tistaʼ persuna imperfetta tkun qaddisa?
  • Tistaʼ persuna ma tibqax qaddisa f’għajnejn Alla?
  • Ideat żbaljati dwar li wieħed ikun qaddis
  • “Kunu Qaddisin”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Għandek Int il-Ħarsa taʼ Ġeħova dwar l-Affarijiet Sagri?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Nidentifikaw l-Ispirtu Qaddis
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • “Qaddis, qaddis, qaddis” hu Ġeħova
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
Ara Iżjed
Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
ijwbq artiklu 137
Mosè u l-​għollieqa taqbad bin-​nar

Xi tfisser il-​kelma “qaddis”?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

Li xi ħaġa jew xi ħadd ikun qaddis ifisser li jkun separat minn dak li hu mniġġes. Fil-​fatt, il-​kelma Ebrajka tradotta “qaddis” ġejja minn terminu li jfisser “separat.” Għalhekk, dak li hu qaddis hu meqjus sagru, speċjalment minħabba li hu nadif u pur.

Alla hu l-​iktar wieħed qaddis. Il-​Bibbja tgħid: “M’hemm ħadd qaddis bħal Ġeħova.”a (1 Samwel 2:2) Allura, bix-​xieraq Alla hu dak li jiddeċiedi x’inhu qaddis.

Il-​kelma “qaddis” tistaʼ tirreferi għal kwalunkwe ħaġa li hi konnessa b’mod dirett m’Alla, speċjalment affarijiet li jintużaw għall-​qima biss. Pereżempju, il-​Bibbja titkellem dwar:

  • Postijiet qaddisa: Meta Mosè kien ħdejn l-​għollieqa taqbad bin-​nar, Alla qallu: “Il-​post fejn int wieqaf hu art qaddisa.”—Eżodu 3:2-​5.

  • Avvenimenti qaddisa: L-​Iżraelin tal-​qedem kienu jqimu lil Ġeħova f’festi reliġjużi li kienu jsiru b’mod regolari. Dawn kienu jissejħu “konvenzjonijiet imqaddsin.”—Levitiku 23:37.

  • Oġġetti qaddisa: Oġġetti li kienu jintużaw fil-​qima lil Alla fit-​tempju tal-​qedem f’Ġerusalemm kienu jissejħu “għodod imqaddsin.” (1 Slaten 8:4) Oġġetti sagri bħal dawn kellhom jintużaw b’rispett kbir, però qatt ma kellhom jingħataw qima.b

Tistaʼ persuna imperfetta tkun qaddisa?

Iva. Alla jikkmandahom hekk lill-​Kristjani: “Kunu qaddisin, għax jien qaddis.” (1 Pietru 1:16) Ovvjament, nies imperfetti qatt ma jistaʼ jkollhom il-​livell perfett taʼ qdusija t’Alla. Madankollu, nies li jobdu l-​liġijiet ġusti t’Alla jistgħu jitqiesu ‘qaddisin u aċċettabbli għal Alla.’ (Rumani 12:1) Persuna li tagħmel ħilitha biex tkun qaddisa turi dan bi kliemha u bl-​azzjonijiet tagħha. Pereżempju, hu jew hi timxi fi qbil mal-​pariri tal-​Bibbja biex ‘titqaddes u titbiegħed miż-​żína,’ jiġifieri mill-​immoralità sesswali, u biex tkun ‘qaddisa fil-​kondotta kollha tagħha.’—1 Tessalonikin 4:3; 1 Pietru 1:15.

Tistaʼ persuna ma tibqax qaddisa f’għajnejn Alla?

Iva. Jekk xi ħadd ma jibqax iġib ruħu skont il-​livelli t’Alla, Alla ma jibqax iqisu qaddis. Pereżempju, il-​ktieb Bibliku tal-​Ebrej hu indirizzat għall-​“aħwa qaddisin,” però jwissi li dawn jistaʼ jibda jkollhom ‘qalb mill-​agħar li tkun nieqsa mill-​fidi u jitbiegħdu mill-​Alla l-​ħaj.’—Ebrej 3:1, 12.

Ideat żbaljati dwar li wieħed ikun qaddis

Idea żbaljata: Wieħed jistaʼ jkun qaddis billi jiċċaħħad minn ċerti affarijiet jew jaħqar lilu nnifsu.

Fatt: Il-​Bibbja turi li “trattament aħrax tal-​ġisem,” jew li wieħed jiċċaħħad b’mod estrem, ‘ma jiswa xejn’ għal Alla. (Kolossin 2:23) Anzi, Alla jridna ngawdu affarijiet tajbin. “Kull bniedem għandu jiekol u jixrob u jgawdi affarijiet tajbin għax-​xogħol iebes kollu tiegħu. Din hi l-​għotja t’Alla.”—Ekkleżjasti 3:13.

Idea żbaljata: Wieħed li jkun ċelibat ikun iktar qaddis.

Fatt: Kristjan jistaʼ jagħżel li ma jiżżewwiġx. Però, il-​fatt li wieħed ikun ċelibat, jiġifieri ma jiżżewwiġx u ma jkollux relazzjonijiet sesswali għal raġunijiet reliġjużi, ma jagħmlux qaddis f’għajnejn Alla. Huwa minnu li dawk li jibqgħu single jistaʼ jkollhom inqas xi jtellifhom fil-​qima tagħhom. (1 Korintin 7:32-​34) Madankollu, il-​Bibbja turi li anki dawk miżżewġin jistgħu jkunu qaddisa. Fil-​fatt, minn tal-​inqas wieħed mill-​appostli taʼ Ġesù​—Pietru​—kien miżżewweġ.—Mattew 8:14; 1 Korintin 9:5.

Minn fejn oriġina t-​terminu “il-​Bibbja Mqaddsa”?

Għal sekli sħaħ, il-​kollezzjoni sħiħa tal-​kitba qaddisa ġiet imsejħa “il-​Bibbja Mqaddsa” jew “l-​Iskrittura Mqaddsa” għal dawn ir-​raġunijiet:

  • L-​oriġini tagħha. “Xi bnedmin tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-​ispirtu qaddis.”—2 Pietru 1:21.

  • Il-​messaġġ li fiha. “Il-​kmandament taʼ Ġeħova nadif, u jdawwal l-​għajnejn. Il-​biżaʼ taʼ Ġeħova pur, u jibqaʼ għal dejjem.”—Salm 19:8, 9.

B’hekk, il-​Bibbja tistaʼ titqies bħala qaddisa. Din hi differenti minn kitbiet oħra għax tiġi użata b’mod sagru fil-​qima u dak li hemm miktub fiha hu pur.

a Ġeħova hu l-​isem personali t’Alla. Mijiet taʼ versi tal-​Bibbja jassoċjaw dan l-​isem mal-​kliem “qaddis” u “qdusija.”

b Il-​Bibbja tikkundanna li n-​nies iqimu r-​relikwi. Relikwi huma fdalijiet tal-​ġisem taʼ xi ħadd mejjet li kien meqjus bħala qaddis jew xi oġġetti li ġew f’kuntatt miegħu.—1 Korintin 10:14.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja