LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 12/1 pp. 12-16
  • Il-Ġlieda Tagħna biex Nibqgħu b’Saħħitna Spiritwalment

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Ġlieda Tagħna biex Nibqgħu b’Saħħitna Spiritwalment
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Naqdu Waqt Projbizzjoni
  • Kif Żammejna l-​Fidi Meta Konna l-​Ħabs
  • Ommi Tinħeles mill-​Ħabs
  • Ngħixu Waqt Projbizzjoni
  • Tkompli l-​Ġlieda Spiritwali
  • Kif Żammejt il-Wegħda Tiegħi li Naqdi lil Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Mill-Kalzrijiet Mudlama għall-Alpi Svizzeri
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • L-Eżempju tal-Ġenituri Tiegħi Saħħaħni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 12/1 pp. 12-16

Bijografija

Il-​Ġlieda Tagħna biex Nibqgħu b’Saħħitna Spiritwalment

Kif rakkontata minn Rolf Brüggemeier

L-​ewwel ittra li rċivejt wara li ġejt mitfugħ il-​ħabs kienet mingħand ħabib. Hu informani li ommi u ħuti iżgħar minni​—Peter, Jochen, u Manfred​—kienu ġew arrestati wkoll. Dan ħalla liż-​żewġ ħutna bniet iż-​żgħar mingħajr ġenituri jew aħwa. L-​awtoritajiet tal-​Ġermanja tal-​Lvant għala ppersegwitaw lill-​familja tagħna? X’għenna nibqgħu b’saħħitna spiritwalment?

IT-​TIENI GWERRA DINJIJA kissret l-​atmosfera taʼ paċi li kellna fi tfulitna; aħna esperjenzajna personalment il-​kefrija tal-​gwerra. Missieri ngħaqad maʼ l-​armata Ġermaniża u miet bħala priġunier tal-​gwerra. Dan kien ifisser li ommi, li kien jisimha Berta, kellha tieħu ħsieb sitt itfal taʼ bejn sena u 16-il sena.

Il-knisja li kienet tattendi ommi ġagħlitha tħossha diżappuntata għalkollox bir-​reliġjon, u dan wassalha biex hi ma riedet tismaʼ xejn iktar dwar Alla. Iżda ġurnata minnhom fl-​1949, Ilse Fuchs, mara magħmula żgħira u diskreta, ġiet għandna tkellimna dwar is-​Saltna t’Alla. Il-​mistoqsijiet u l-​irraġunar tagħha qajmu l-​kurżità t’ommi. Studju tal-​Bibbja pprovdielha tama.

Madankollu, aħna s-​subien konna xettiċi għall-​ewwel. In-​Nazisti, u iktar tard il-​Komunisti, kienu għamlu wegħdi mill-​isbaħ, iżda kienu biss taʼ diżappunt għalina. Għalkemm aħna s-​subien kellna s-​suspetti dwar kwalunkwe wegħda ġdida, bqajna impressjonati meta sirna nafu li xi Xhieda kienu fil-​kampijiet tal-​konċentrament minħabba li rrifjutaw li jappoġġaw il-​gwerra. Is-​sena taʼ wara, jien, ommi, u Peter tgħammidna.

Ħuna Manfred, li kien iżgħar minna, ukoll kien tgħammed, iżda mid-​dehra l-​verità tal-​Bibbja ma rabbietx l-​għeruq f’qalbu. Meta l-​Komunisti pprojbew ix-​xogħol tagħna fl-​1950 u l-​pulizija sigrieta—il-​famużi Stasi—għamlitlu pressjoni, hu kixef il-​post fejn konna nagħmlu l-​laqgħat tagħna. Dan wassal għall-​arrest t’ommi u taʼ ħuti s-​subien l-​oħrajn.

Naqdu Waqt Projbizzjoni

Minħabba l-​projbizzjoni, aħna kellna ndaħħlu l-​letteratura Biblika bil-​moħbi fil-​Ġermanja tal-​Lvant. Bħala messaġġier, jien kont nikseb il-​provvisti fin-​naħa tal-​Lvant taʼ Berlin, fejn il-​letteratura tagħna ma kinitx projbita, u kont niħodha n-​naħa l-​oħra tal-​fruntiera. Lill-​pulizija ħrabtilhom iktar minn darba, iżda f’Novembru taʼ l-​1950 ġejt arrestat.

L-iStasi tefgħuni f’ċella bla twieqi taħt l-​art. Matul il-​ġurnata ma kellix permess norqod, u bil-​lejl kont niġi interrogat u xi drabi msawwat. Ma kien għad kelli ebda kuntatt mal-​familja tiegħi sakemm f’Marzu taʼ l-​1951, ommi, Peter, u Jochen ġew għall-​ġuri tiegħi fil-​qorti. Ngħatajt sentenza taʼ sitt snin ħabs.

Peter, Jochen, u ommi ġew arrestati sitt ijiem wara l-​ġuri tiegħi. Imbagħad, waħda minn sħabna fit-​twemmin ħadet ħsieb oħti Hannelore, li kellha 11-il sena, u waħda miz-​zijiet ħadet ħsieb Sabine, li kellha 7 snin. Il-​gwardji taʼ l-​iStasi ttrattaw lil ommi u lil ħuti s-​subien bħala kriminali perikolużi, saħansitra ħadulhom il-​lazzijiet taż-​żraben. Huma kellhom jibqgħu bil-​wieqfa matul l-​interrogazzjonijiet. Huma wkoll ngħataw sentenza taʼ sitt snin kull wieħed.

Fl-1953, jien u xi ħabsin Xhieda oħrajn ġejna inkarigati biex nibnu mitjar militari, imma aħna rrifjutajna. L-​awtoritajiet tawna kastig taʼ 21 ġurnata iżolament, li kien ifisser xejn xogħol, xejn ittri, u ftit ikel. Xi aħwa nisa Kristjani kienu jerfgħu xi ħobż mir-​razzjonijiet miżeri tagħhom stess u jġibuhulna bil-​moħbi. Dan wassal biex sirt naf lil Anni, waħda minn dawn l-​aħwa nisa, u wara li jien u hi ġejna meħlusin fl-​1957 u fl-​1956 rispettivament iżżewwiġna. Sena wara li żżewwiġna, twieldet bintna Ruth. Peter, Jochen, u Hannelore lkoll iżżewġu madwar l-​istess żmien.

Madwar tliet snin wara l-​ħelsien tiegħi, erġajt ġejt arrestat. Uffiċjal taʼ l-​iStasi pprova jipperswadini biex insir spjun. Hu qalli: “Għażiż Sur Brüggemeier, jekk jogħġbok kun raġunevoli. Int taf x’jiġifieri tkun il-​ħabs, u aħna ma rridukx terġaʼ tgħaddi minn dan kollu. Int tistaʼ tibqaʼ Xhud, tkompli bl-​istudji tiegħek, u titkellem dwar il-​Bibbja kemm trid. Aħna rridu biss li nibqgħu aġġornati. Aħseb dwar martek u t-​tifla ċkejkna tagħkom.” Din l-​aħħar sentenza tassew laqtitni fil-​laħam il-​ħaj. Madankollu, kont naf li waqt li kont se nkun il-​ħabs, Ġeħova kien se jieħu ħsieb il-​familja tiegħi aħjar milli stajt jien, u hekk għamel!

L-​awtoritajiet ipprovaw jisforzaw lil Anni biex taħdem full-time u tħalli lil ħaddieħor jieħu ħsieb Ruth matul il-​ġimgħa. Anni rreżistiet u ħadmet il-​lejl kollu sabiex tkun tistaʼ tieħu ħsieb Ruth matul il-​ġurnata. Ħutna spiritwali rġiel tassew ħadu ħsieb marti u tawha bosta affarijiet, tant li ftit minnhom setgħet taqsamhom m’oħrajn. Sadanittant, jien qattajt kważi sitt snin oħra l-​ħabs.

Kif Żammejna l-​Fidi Meta Konna l-​Ħabs

Meta rġajt dħalt il-​ħabs, ix-​Xhieda sħabi taʼ l-​istess ċella kienu ħerqanin biex ikunu jafu x’kien ġie pubblikat reċentement. Kemm fraħt li kont studjajt bir-​reqqa r-​rivista t-​Torri taʼ l-​Għassa u attendejt il-​laqgħat regolarment sabiex stajt inkun sors taʼ inkuraġġiment spiritwali għalihom!

Meta tlabna l-​gwardjani biex jagħtuna Bibbja, huma wieġbu: “Li tagħti Bibbja lix-​Xhieda taʼ Ġeħova hu perikoluż daqs li tagħti lil ħalliel maqful il-​ħabs l-​għodod biex jaħrab.” Kuljum, l-​aħwa rġiel li kienu jieħdu t-​tmexxija kienu jagħżlu vers mill-​Bibbja biex jiġi kunsidrat. Waqt il-​mixja taʼ nofs siegħa li konna nagħmlu kuljum fil-​bitħa ma kinux jinteressawna l-​eżerċizzju u l-​arja friska daqskemm kien jinteressana l-​benefiċċju li nieħdu mill-​vers Bibliku tal-​jum. Għalkemm kellna noqogħdu 15-il pied ’il bogħod minn xulxin u ma kellniex permess nitkellmu, xorta konna nsibu modi kif ngħaddu l-​vers lil xulxin. Lura fiċ-​ċelel tagħna, konna ngħaqqdu flimkien dak li kull wieħed minna kien jirnexxilu jismaʼ, u mbagħad kien ikollna d-​diskussjoni taʼ kuljum mill-​Bibbja.

Eventwalment, kien kixifna spjun u lili qafluni f’ċella waħdi. Kemm kont ferħan li sa dak iż-​żmien kont tgħallimt mijiet taʼ skritturi bl-​amment! Stajt nimla dawk il-​ġranet vojta billi nimmedita fuq varjetà taʼ suġġetti Bibliċi. Imbagħad, ġejt trasferit f’ħabs ieħor, fejn gwardjan poġġieni f’ċella maʼ żewġ Xhieda oħrajn u​—l-​iktar ħaġa li ferrħitna​—tana Bibbja. Wara sitt xhur maqful waħdi kont grat li għal darb’oħra stajt niddiskuti suġġetti Bibliċi maʼ sħabi fit-​twemmin.

Ħija Peter jiddeskrivi dak li għenu jissaporti f’ħabs ieħor: “Kont nimmaġina l-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida u żammejt moħħi okkupat bi ħsibijiet mill-​Bibbja. Aħna x-​Xhieda konna nsaħħu lil xulxin billi nistaqsu mistoqsijiet mill-​Bibbja jew nagħmlu testijiet fuq l-​Iskrittura. Il-​ħajja ma kinitx faċli. Kultant kien ikun hemm 11 minna magħluqin fi spazju taʼ madwar 12-il metru kwadru. Hemmhekk kien ikollna nagħmlu kollox​—nieklu, norqdu, ninħaslu, saħansitra nagħmlu l-​bżonnijiet tagħna. Sirna nervużi u irritabbli.”

Jochen, wieħed minn ħuti s-​subien l-​oħrajn, jiftakar dwar l-​esperjenzi tiegħu fil-​ħabs: “Kont inkanta l-​għanjiet li stajt niftakar mill-​ktieb taʼ l-​għanjiet tagħna. Kuljum kont nimmedita fuq skrittura li nkun tgħallimt bl-​amment. Wara l-​ħelsien tiegħi mill-​ħabs, jien komplejt b’rutina tajba taʼ taħriġ spiritwali. Kuljum kont naqra l-​vers tal-​jum mill-​Bibbja mal-​familja tiegħi. Ukoll, konna nippreparaw għal-​laqgħat kollha.”

Ommi Tinħeles mill-​Ħabs

Wara ftit iżjed minn sentejn il-​ħabs, ommi nħelset. Hi ħadet vantaġġ mil-​libertà tagħha biex tistudja l-​Bibbja maʼ Hannelore u Sabine, sabiex tgħinhom ikollhom bażi soda għall-​fidi tagħhom. Ukoll, hi għallmithom kif għandhom jittrattaw kwistjonijiet li kienu jqumu fl-​iskola minħabba l-​fidi tagħhom f’Alla. Hannelore tgħid: “Aħna ma konniex konċernati dwar il-​konsegwenzi għax id-​dar konna ninkuraġġixxu lil xulxin. Ir-​rabtiet qawwijin tal-​familja kienu jpattu għal kwalunkwe għawġ li konna nesperjenzaw.”

Hannelore tkompli tgħid: “Ukoll, konna nipprovdu ikel spiritwali lil ħutna fil-​ħabs. Konna niktbu rivista sħiħa tat-​Torri taʼ l-​Għassa b’kaligrafija żgħira fuq karti tax-​xamaʼ. Imbagħad, konna ngeżwru l-​paġni f’karti reżistenti għall-​ilma u konna naħbuhom qalb il-​pruna li konna nibagħtu fil-​pakkett taʼ kull xahar. Kemm konna nifirħu meta nirċievu l-​aħbar li l-​pruna kienet ‘tant bnina.’ Tant konna medhijin f’xogħolna li jkolli ngħid kien żmien verament sabiħ.”

Ngħixu Waqt Projbizzjoni

Peter jiddeskrivi x’kien ifisser li għal għaxriet taʼ snin tgħix waqt projbizzjoni fil-​Ġermanja tal-​Lvant: “Konna niltaqgħu fi djar privati fi gruppi żgħar, u konna naslu u nitilqu f’ħinijiet differenti. F’kull laqgħa konna nagħmlu arranġamenti għad-​darba li jkun imiss. Konna nagħmlu dan permezz taʼ sinjali u noti miktubin minħabba t-​theddida kontinwa min-​naħa taʼ l-​iStasi li kienu jissemmgħulna.”

Hannelore tispjega: “Kultant konna nirċievu programmi taʼ l-​assemblea rekordjati fuq kasetts. Din dejjem kienet raġuni għal laqgħa ferriħija. Il-​grupp żgħir tagħna kien jiltaqaʼ flimkien biex jismaʼ t-​taħriġ mill-​Bibbja għal diversi sigħat. Għalkemm ma stajniex naraw lill-​kelliema, aħna konna nsegwu l-​programm b’attenzjoni u nieħdu n-​noti.”

Peter jgħid: “Ħutna Kristjani f’pajjiżi oħrajn marru barra minn triqithom biex jipprovdulna l-​letteratura Biblika. F’dawk l-​aħħar għaxar snin qabel ma ġġarraf il-​Ħajt taʼ Berlin fl-​1989, huma pproduċew għalina pubblikazzjonijiet speċjali taʼ daqs żgħir. Xi wħud irriskjaw il-​karozzi tagħhom, flushom, u saħansitra l-​libertà tagħhom ħalli jittrasportaw l-​ikel spiritwali lejn il-​Ġermanja tal-​Lvant. Lejl minnhom, konna qed nistennew koppja miżżewġa taʼ Xhieda iżda dawn ma ġewx. Il-​pulizija kienu sabu l-​letteratura u ħadulhom il-​karozza tagħhom. Minkejja l-​perikli, aħna qatt m’għaddielna minn moħħna li nieqfu mix-​xogħol sabiex ikollna ħajja iktar kalma.”

Manfred, ħija li hu iżgħar minni u li ttradiena lura fl-​1950, jiddeskrivi dak li għenu jerġaʼ jikseb u jżomm il-​fidi tiegħu: “Wara li żammewni maqful għal ftit xhur, jien mort ngħix il-​Ġermanja tal-​Punent u tlaqt mit-​triq tal-​verità tal-​Bibbja. Mort lura l-​Ġermanja tal-​Lvant fl-​1954 u żżewwiġt is-​sena taʼ wara. Ftit wara, marti ħaddnet il-​verità, u fl-​1957 tgħammdet. Maż-​żmien, il-​kuxjenza tiegħi bdiet tniggiżni, u bl-​għajnuna taʼ marti rġajt lura lejn il-​kongregazzjoni.

“Aħwa Kristjani li kienu jafuni qabel ma tlaqt mill-​verità aċċettawni lura bi mħabba, qisu qatt ma kien xejn. Merħba bi tbissima ħelwa u tgħanniqa hija xi ħaġa meraviljuża. Tassew jien ferħan li ngħaqadt mill-​ġdid maʼ Ġeħova u maʼ ħuti.”

Tkompli l-​Ġlieda Spiritwali

Kulħadd fil-​familja tagħna kellu jiġġieled il-​ġlieda iebsa tal-​fidi. Ħija Peter jgħid: “Illum, iktar minn qatt qabel, aħna mdawrin minn bosta aljenazzjonijiet u materjaliżmu li jħajrek. Waqt il-​projbizzjoni, aħna konna kuntenti b’dak li kellna. Per eżempju, ħadd minna ma ried ikun fi grupp taʼ studju ieħor minħabba raġunijiet persunali, u ħadd ma lmenta li l-​laqgħat kienu ’l bogħod jew tard wisq. Ilkoll konna ferħanin li niltaqgħu flimkien, anki jekk xi wħud minna kellna nistennew sal-​ħdax taʼ fil-​għaxija biex jasal il-​ħin tagħna li nitilqu mill-​post tal-​laqgħa.”

Fl-1959, ommi ddeċidiet li tmur toqgħod il-​Ġermanja tal-​Punent maʼ Sabine, li dak iż-​żmien kellha 16-il sena. Minħabba li riedu jaqdu fejn kien hemm iżjed bżonn taʼ pubblikaturi tas-​Saltna, huma ngħataw direzzjoni mill-​uffiċċju tal-​fergħa biex imorru f’Ellwangen, Baden-Württemberg. Iż-​żelu t’ommi, minkejja s-​saħħa batuta tagħha, qanqal lil Sabine biex tibda taqdi bħala pijuniera meta kellha 18-il sena. Meta Sabine żżewġet, ommi​—fl-​età taʼ 58 sena—tgħallmet issuq il-​karozza sabiex tkun tistaʼ żżid is-​sehem tagħha fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Hi baqgħet tgħożż dan is-​servizz sakemm mietet fl-​1974.

Min-naħa tiegħi, wara li temmejt kważi sitt snin tat-​tieni sentenza l-​ħabs, fl-​1965 ġejt deportat lejn il-​Ġermanja tal-​Punent, mingħajr ma l-​familja tiegħi kienu jafu. Madankollu, maż-​żmien marti Anni u t-​tifla tagħna Ruth ngħaqdu miegħi. Staqsejt lill-​uffiċċju tal-​fergħa jekk stajniex naqdu fejn il-​bżonn għall-​pubblikaturi kien akbar, u għalhekk talbuna biex immorru Nördlingen, il-​Bavarja. Hemmhekk trabbew Ruth u ħuha Johannes. Anni bdiet taqdi bħala pijuniera. L-​eżempju tajjeb tagħha qanqal lil Ruth biex tibda x-​xogħol taʼ pijuniera eżatt wara li spiċċat l-​iskola. It-​tfal tagħna t-​tnejn li huma żżewġu pijunieri. Issa t-​tnejn għandhom familja, u aħna ġejna mberkin b’sitt neputijiet ħelwin.

Fl-1987 ħtaft l-​opportunità biex nirtira kmieni u ngħaqadt m’Anni fix-​xogħol taʼ pijunier. Tliet snin wara ġejt mistieden immur l-​uffiċċju tal-​fergħa taʼ Selters biex ngħin fit-​tkabbir tal-​faċilitajiet. Wara dan, tajna l-​għajnuna tagħna fil-​bini taʼ l-​ewwel Sala taʼ l-​Assemblea tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’dik li qabel kienet il-​Ġermanja tal-​Lvant, fi Glauchau, fejn iktar tard ġejna inkarigati nieħdu ħsieb il-​bini. Minħabba raġunijiet taʼ saħħa rġajna morna fil-​Kongregazzjoni taʼ Nördlingen fejn taqdi t-​tifla tagħna, u fejn qed naqdu bħala pijunieri.

B’ferħ kbir għalija, ħuti l-​irġiel u n-​nisa kollha u ħafna mill-​membri tal-​familja tagħna għadhom qed jaqdu lil Ġeħova, l-​Alla meraviljuż tagħna. Matul is-​snin, aħna tgħallimna li sakemm nibqgħu b’saħħitna spiritwalment, nistgħu nesperjenzaw il-​verità tal-​kliem li nsibu f’Salm 126:3: “Kbir f’għemilu l-​Mulej magħna! U aħna bil-​ferħ imtlejna.”

[Stampa f’paġna 13]

Fil-​ġurnata tat-​tieġ tagħna, fl-​1957

[Stampa f’paġna 13]

Mal-​familja tiegħi fl-​1948: (quddiem, mix-​xellug għal-​lemin) Manfred, Berta, Sabine, Hannelore, Peter; (wara, mix-​xellug għal-​lemin) jien u Jochen

[Stampi f’paġna 15]

Ktieb taʼ daqs żgħir li kien jintuża waqt il-​projbizzjoni u l-​apparat għas-​smigħ taʼ l-​“iStasi”

[Sors]

Forschungs- und Gedenkstätte NORMANNENSTRASSE

[Stampa f’paġna 16]

Maʼ ħuti: (quddiem, mix-​xellug għal-​lemin) Hannelore u Sabine; (wara, mix-​xellug għal-​lemin) jien, Jochen, Peter, u Manfred

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja