LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 6/1 pp. 20-23
  • Kif Żammejt il-Wegħda Tiegħi li Naqdi lil Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Żammejt il-Wegħda Tiegħi li Naqdi lil Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Trobbija Tiegħi fil-​Litwanja
  • Kif Żammejt il-​Wegħda Tiegħi
  • Provi Bikrin tal-​Fidi
  • Projbizzjoni u Arrest mill-​Ġdid
  • Kif Żammejt il-​Fidi fil-​Ħabs
  • Lura għall-​Ministeru Full-Time
  • Bżonnijiet li Jinbidlu
  • Il-Ġlieda Tagħna biex Nibqgħu b’Saħħitna Spiritwalment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • “Kemm Nixtieq Ikolli Fidi li ma Tonqoslix”!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Inżommu l-Fidi taħt Ħakma Ħarxa Totalitarjana
    Stenbaħ!—2000
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 6/1 pp. 20-23

Kif Żammejt il-​Wegħda Tiegħi li Naqdi lil Alla

KIF IRRAKKONTAT MINN FRANZ GUDLIKIES

Erbgħa biss baqgħu ħajjin mill-​kumpanija taʼ iktar minn mitt suldat li kont fiha. Iffaċċjat bil-​mewt, inxħett għarkobbtejja u wegħedt lil Alla, ‘Jekk nibqaʼ ħaj wara din il-​gwerra, nibqaʼ naqdik għal dejjem.’

DIK il-​wegħda għamiltha 54 sena ilu, f’April taʼ l-​1945, meta kont suldat fl-​armata Ġermaniża. Kien ftit qabel it-​tmiem tat-​Tieni Gwerra Dinjija, u l-​armata Sovjetika kienet għaddejja b’offensiva militari qawwija kontra Berlin. In-​nies tagħna kienu stazzjonati biswit il-​belt taʼ Seelow, li tinsab fuq ix-​Xmara Oder, inqas minn 65 kilometru ’l bogħod minn Berlin. Hemmhekk konna bbombardjati lejl u nhar b’xita taʼ sparar taʼ l-​artillerija, u l-​kumpanija tiegħi kienet qed tispiċċa fix-​xejn.

Kien f’dak iż-​żmien li, għall-​ewwel darba f’ħajti, infexxejt nibki u tlabt lil Alla. Ftakart f’vers mill-​Bibbja li ommi, mara devota, kienet taʼ spiss tikkwotali: “Sejjaħli f’jum id-​dwejjaq; jien neħilsek, u int tweġġaħni.” (Salm 50:15) Kien hemmhekk, f’dawk it-​trinċieri, meta kont tant beżgħan għal ħajti, li wegħedt lil Alla dak li semmejt hawn fuq. Kif kelli l-​ħila nżommha? U kif spiċċajt bħala membru taʼ l-​armata Ġermaniża?

It-​Trobbija Tiegħi fil-​Litwanja

Fl-​1918, matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, il-​Litwanja ħadet l-​indipendenza tagħha u stabbiliet sistema taʼ gvern demokratika. Jien twelidt fl-​1925 fid-​distrett taʼ Memel (Klaipėda) ħdejn il-​Baħar Baltiku. Id-​distrett kien għadu kif ġie inkorporat mal-​Litwanja sena qabel twelidt jien.

Jien u l-​ħames ħuti bniet kellna tfulija ferriħija. Missieri kien bħal ħabib tal-​qalb, u dejjem kien iqattaʼ ħafna ħin magħna t-​tfal. Il-​ġenituri tagħna kienu membri tal-​Knisja Evanġelika, imma ma kinux jattendu għall-​funzjonijiet reliġjużi għax ommi kienet tħossha offiża minħabba l-​ipokresija tal-​ministru reliġjuż. Madankollu, hi kienet tħobb ħafna lil Alla u l-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, li kienet taqraha b’ħerqa kbira.

Fl-1939, il-​Ġermanja ħadet taħt idejha l-​parti mil-​Litwanja fejn konna noqogħdu aħna. Imbagħad, kmieni fl-​1943, bagħtu għalija biex nidħol fil-​militar, fl-​armata Ġermaniża. Waqt waħda mill-​battalji sfajt midrub, imma wara li rkuprajt mill-​ġrieħi li sofrejt, erġajt lura lejn il-​Front tal-​Lvant. Sa dan iż-​żmien, il-​folja kienet inqalbet, u l-​Ġermaniżi kienu qed jirtiraw quddiem l-​armata Sovjetika. Kien f’dan iż-​żmien li ħlistha mill-​mewt għal xagħra, bħalma ntqal fl-​introduzzjoni.

Kif Żammejt il-​Wegħda Tiegħi

Matul il-​gwerra, il-​ġenituri tiegħi marru joqogħdu f’Oschatz, ġewwa l-​Ġermanja, preċiż fix-​xlokk taʼ Leipzig. Peress li kienet għadha kif spiċċat il-​gwerra, kien diffiċli li nsibhom. Imma kemm fraħna meta fl-​aħħar erġajna ngħaqadna flimkien! Ftit wara, f’April taʼ l-​1947, mort m’ommi biex nismaʼ taħdita li ngħatat minn Max Schubert, wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Ommi kienet konvinta li kienet sabet il-​vera reliġjon, u wara li attendejt xi ftit laqgħat, jien ukoll bdejt naħsibha bħalha.

Ftit wara dan, ommi waqgħet minn fuq sellum, u sofriet ġrieħi li mietet kaġun tagħhom ftit xhur wara. Meta kienet l-​isptar qabel mietet, hi qaltli dan il-​kliem sabiħ taʼ inkuraġġiment: “Kont nitlob taʼ spiss li għall-​inqas xi ħadd minn uliedi jsib it-​triq t’Alla. Issa qed nara li t-​talb tiegħi ġie mwieġeb u nistaʼ mmut fil-​paċi.” Kemm inħares ’il quddiem lejn iż-​żmien meta ommi se tqum mill-​mewt u ssir taf li t-​talb tagħha kien twettaq!—Ġwann 5:28.

Fit-8 t’Awissu, 1947, erbaʼ xhur biss wara li smajt it-​taħdita taʼ Ħuna Schubert, jien tgħammidt f’assemblea f’Leipzig, b’simbolu tad-​dedikazzjoni tiegħi lil Alla Jehovah. Fl-​aħħar kont qed nieħu passi biex inwettaq il-​wegħda tiegħi lil Alla. Malajr sirt pijunier, bħalma jissejħu l-​ministri full-time tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Dak iż-​żmien kien hemm kważi 400 pijunier joqogħdu f’dik li iktar tard saret ir-​Repubblika Demokratika tal-​Ġermanja, jew il-​Ġermanja tal-​Lvant.

Provi Bikrin tal-​Fidi

Wieħed mill-​ġirien f’Oschatz ipprova jinteressani fil-​Marxiżmu, billi offrieli edukazzjoni universitarja sponsorjata mill-​Istat jekk ningħaqad mal-​Partit taʼ l-​Unità Soċjalista tal-​Ġermanja (SED). Jien irrifjutajtha din l-​offerta, l-​istess bħalma Ġesù rrifjuta l-​offerta taʼ Satana.—Mattew 4:8-10.

Jum wieħed f’April taʼ l-​1949, żewġ pulizija ġew fuq il-​post tax-​xogħol tiegħi u ordnawli biex immur magħhom. Ħaduni fl-​uffiċċju lokali tas-​servizz sigriet Sovjetiku fejn ġejt akkużat li kont qed naħdem għal xi kapitalisti fil-​Punent. Qaluli li stajt nagħti prova taʼ l-​innoċenza tiegħi billi nkompli bix-​xogħol tiegħi minn dar għal dar imma nirrapportalhom lil kulmin jitkellem b’mod negattiv dwar l-​Unjoni Sovjetika jew is-​SED u lil kulmin kien imur għal-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Meta rrifjutajt li nikkoopera, qafluni ġo ċella. Iktar tard, ħaduni quddiem dik li dehret li kienet qorti militari. Is-​sentenza tiegħi: 15-il sena taʼ xogħol iebes fis-​Siberja!

Jien bqajt kalm, u dan impressjonahom lill-​uffiċjali. Imbagħad qaluli li s-​sentenza tiegħi kienet se tibqaʼ tgħodd, imma kien ikun biżżejjed li nirrapporta darba fil-​ġimgħa sakemm inkun lest li nikkoopera magħhom. Billi xtaqt il-​parir taʼ Xhieda iktar maturi, ivvjaġġajt sa Magdeburg, fejn kien jinsab l-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Watch Tower Society dak iż-​żmien. Il-​vjaġġ ma kienx wieħed faċli, ladarba kont taħt sorveljanza. Ernst Wauer, li kien jaqdi fid-​Dipartiment Legali f’Magdeburg, qalli: “Iġġieled u tirbaħ. Agħmel kompromess u titlef kollox. Hekk tgħallimna fil-​kampijiet tal-​konċentrament.”a Dan il-​parir għenni nżomm il-​wegħda tiegħi li naqdi lil Alla.

Projbizzjoni u Arrest mill-​Ġdid

F’Lulju taʼ l-​1950, ġejt irrikkmandat biex naqdi bħala indokratur li jivvjaġġa. Madankollu, fit-​30 t’Awissu, il-​pulizija għamlet rejd fil-​bini tagħna f’Magdeburg, u x-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar ġie pprojbit. Għalhekk, l-​inkarigu tiegħi nbidel. Jien u Paul Hirschberger ġejna assenjati biex naħdmu maʼ xi 50 kongregazzjoni, billi nqattgħu jumejn jew tlieta maʼ kull waħda, u ngħinu lill-​aħwa jkunu organizzati biex ikomplu l-​ministeru tagħhom taħt il-​projbizzjoni. Fix-​xhur taʼ wara, sitt darbiet irnexxieli niskansa li niġi arrestat mill-​pulizija!

Waħda mill-​kongregazzjonijiet kienet ġiet infiltrata minn xi ħadd li ttradiena maʼ l-​iStasi, is-​Servizz tas-​Sigurtà taʼ l-​Istat. B’hekk, f’Lulju taʼ l-​1951, jien u Paul ġejna arrestati fit-​triq minn ħamest irġiel bl-​armi ppontati. Wara li qgħadna nirriflettu, indunajna li ma konniex straħna biżżejjed fuq l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Ħutna iktar anzjani minna kienu tawna l-​parir biex qatt ma nivvjaġġaw flimkien. Il-​kunfidenza żejda kienet wasslitna biex nitilfu l-​libertà tagħna! Iktar minn hekk, ma konniex iddiskutejna minn qabel x’konna se ngħidu kieku kellhom jarrestawna.

Waħdi fiċ-​ċella tiegħi, bid-​dmugħ iġelben maʼ ħaddejja, tlabt bil-​ħniena lil Jehovah għall-​għajnuna sabiex ma nittradixxix lil ħuti jew nikkomprometti l-​fidi tiegħi. Wara li marret għajni bija, f’daqqa waħda qajjimni l-​leħen taʼ ħabibi Paul. Preċiż fuq iċ-​ċella tiegħi kien hemm il-​kamra fejn kien qed jiġi interrogat mill-​iStasi. Peress li kien lejl sħun u umdu, il-​bieb tal-​gallarija kien miftuħ, u stajt nismaʼ kollox, għalkemm ma kienx jinstemaʼ ħafna. Iktar tard, meta interrogaw lili, tajt l-​istess tweġibiet, ħaġa li ssorprendiethom lill-​uffiċjali. Il-​vers mill-​Bibbja favorit t’ommi, “Sejjaħli f’jum id-​dwejjaq; jien neħilsek,” baqaʼ f’moħħi l-​ħin kollu, u dan inkuraġġieni ħafna.—Salm 50:15.

Wara l-​interrogazzjoni, jien u Paul qattajna ħames xhur arrestati qabel il-​ġuri tagħna, fil-​ħabs taʼ l-​iStasi f’Halle, u iktar tard f’Magdeburg. Waqt li konna f’Magdeburg, xi kultant kont nilmaħ il-​faċilitajiet tal-​fergħa tagħna li dakinhar kienu magħluqin. Kemm xtaqt li kont qed naħdem hemmhekk minflok li kont il-​ħabs! Fi Frar taʼ l-​1952 inqatgħet is-​sentenza tagħna: “10 snin ħabs u 20 sena mingħajr drittijiet ċivili.”

Kif Żammejt il-​Fidi fil-​Ħabs

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah li kienu ġew issentenzjati għal minn taʼ l-​inqas għaxar snin kienu jġorru sinjal taʼ identifikazzjoni speċjali waqt parti miż-​żmien li qattgħu fil-​ħabs. Mal-​qalza u mal-​komma tal-​ġakketta ħitulna biċċa kurdiċella ħamra. Barra minn hekk, mal-​bieb taċ-​ċella tagħna waħħlu dawra tonda żgħira tal-​kartun aħmar biex il-​gwardjani jkunu avżati li aħna konna kriminali perikolużi.

L-awtoritajiet fil-​fatt kienu jikkunsidrawna bħala l-​agħar kriminali. Ma kinux iħalluna jkollna Bibbja għax, kif spjega wieħed mill-​gwardjani: “Wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah bil-​Bibbja f’idu huwa bħal kriminal b’arma f’idu.” Biex nakkwistaw biċċiet żgħar mill-​Bibbja, konna naqraw ix-​xogħlijiet taʼ Leo Tolstoy, li spiss kien jikkwota xi versi mill-​Bibbja fil-​kotba tiegħu. Dawk il-​versi tgħallimniehom bl-​amment.

Qabel ma ġejt arrestat fl-​1951, kont tgħarrast lil Elsa Riemer. Kienet tiġi żżurni fil-​ħabs spiss kemm jistaʼ jkun u darba fix-​xahar kienet tibgħatli pakkett mimli bl-​ikel. Kienet ukoll taħbi ikel spiritwali fil-​pakketti tagħha. Darba, hi deffset artikli minn Torri taʼ l-​Għassa f’xi zalzett. Il-​gwardjani spiss kienu jaqsmu z-​zalzett min-​nofs biex jiċċekkjaw jekk kienx hemm xi ħaġa moħbija ġo fihom, imma din id-​darba l-​pakkett wasal ftit qabel spiċċat il-​ġurnata tax-​xogħol, u ma ċċekkjawhx.

Dak iż-​żmien, jien u Karl Heinz Kleber fiċ-​ċella magħna kellna tliet priġunieri li ma kinux Xhieda. Kif stajna naqraw It-​Torri taʼ l-​Għassa mingħajr ma jindunaw? Sewwa, konna nagħmlu taʼ bir-​ruħna qed naqraw ktieb, imma ġo fih konna nkunu ħbejna l-​artikli tat-​Torri taʼ l-​Għassa. Dan l-​ikel spiritwali prezzjuż konna ngħadduh ukoll lil Xhieda sħabna fil-​ħabs.

Waqt li konna fil-​ħabs ħadna vantaġġ ukoll minn opportunitajiet biex ngħidu lil oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla. Ħadt gost ħafna meta, b’riżultat taʼ dan, wieħed minn sħabi l-​priġunieri beda jħaddan it-​twemmin tagħna.—Mattew 24:14.

Lura għall-​Ministeru Full-Time

Fl-​1 t’April, 1957, wara kważi sitt snin maqful fil-​ħabs, ġejt meħlus. Inqas minn ħmistax wara, iżżewwiġt lil Elsa. Meta l-​iStasi semgħu li kont ġejt meħlus, bdew jipprovaw ifittxu xi skuża biex nerġaʼ nintbagħat lura l-​ħabs. Biex nevitaw din il-​possibbiltà, jien u Elsa qsamna l-​fruntiera biex ngħixu f’Berlin tal-​Punent.

Meta wasalna f’Berlin tal-​Punent, is-​Soċjetà riedet tkun taf x’kienu l-​pjanijiet tagħna. Aħna spjegajna li xi ħadd minna kien se jagħmel ix-​xogħol taʼ pijunier waqt li l-​ieħor jaqbad xogħol sekulari.

“Xi tgħidu kieku t-​tnejn li intom kellkom issiru pijunieri?” staqsewna.

“Jekk dan huwa possibbli,” weġibna, “aħna nibdew issa stess.”

B’hekk, ngħatajna stipendju żgħir kull xahar biex ikollna biex ngħixu, u bdejna naqdu bħala pijunieri speċjali fl-​1958. Kemm ġabilna ferħ li nosservaw lill-​individwi li studjajna l-​Bibbja magħhom ibiddlu ħajjithom biex isiru qaddejja taʼ Jehovah! L-​għaxar snin taʼ wara li qattajna fis-​servizz bħala pijunieri speċjali għallmuna naħdmu flimkien mill-​qrib bħala raġel u mara miżżewġin. Elsa dejjem kienet maġenbi, anki meta kont inkun qed insewwi l-​karozza. Konna wkoll naqraw, nistudjaw u nitolbu flimkien.

Fl-1969 ġejna inkarigati fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar, u konna nżuru kongregazzjoni differenti kull ġimgħa biex nieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​membri tagħha. Josef Barth, wieħed li kellu l-​esperjenza fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar, tani dan il-​parir: “Jekk trid li l-​inkarigu tiegħek ikun wieħed taʼ suċċess, sempliċement aġixxi taʼ ħu maʼ l-​aħwa.” Ipprovajt napplika dan il-​parir. Bħala riżultat, kellna relazzjoni kordjali u armonjuża max-​Xhieda sħabna, ħaġa li għamlitha faċli għalina biex noffru l-​pariri meta kienu meħtiġin.

Fl-1972, sirna nafu li Elsa kellha l-​kanċer, u għamlet operazzjoni. Iktar tard, qabadha wkoll ir-​rewmatiżmu. Għalkemm kienet tkun muġugħa ħafna, xorta waħda kienet takkumpanjani kull ġimgħa, biex taqdi l-​kongregazzjonijiet, u kienet taħdem kemm tistaʼ maʼ l-​aħwa nisa fil-​ministeru.

Bżonnijiet li Jinbidlu

Fl-​1984, il-​kunjati tiegħi ġew bżonn min jieħu ħsiebhom il-​ħin kollu, u għalhekk tlaqna x-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar biex ngħinu f’li nieħdu ħsiebhom sakemm mietu erbaʼ snin wara. (1 Timotju 5:8) Imbagħad, fl-​1989, Elsa mardet serjament. B’ferħ, iżda, hi rkuprat xi ftit, imma sar neċessarju li x-​xogħol kollu tad-​dar nagħmlu jien. Għadni s’issa nitgħallem kif għandi nittratta maʼ xi ħadd li jkun muġugħ il-​ħin kollu. Madankollu, minkejja l-​istress mentali u emozzjonali, bqajna nżommu l-​imħabba tagħna għal affarijiet spiritwali.

Inħossuna grati ħafna li llum xorta għadna fil-​lista tal-​pijunieri. Madankollu, sirna napprezzaw li l-​importanti hu, mhux il-​kariga li għandna jew kemm aħna kapaċi nagħmlu, imma li nibqgħu leali. Nixtiequ naqdu lil Alla tagħna, Jehovah, mhux għal ftit snin biss, imma għall-​eternità kollha. L-​esperjenza tagħna serviet taʼ taħriġ mill-​aħjar għall-​futur. U Jehovah tana s-​saħħa biex infaħħruh saħansitra meta nkunu fl-​iktar ċirkustanzi taʼ prova.—Filippin 4:13.

[Nota taʼ taħt]

a L-istorja tal-​ħajja taʼ Ernst Wauer dehret fil-​ħarġa taʼ The Watchtower taʼ l-​1 t’Awissu, 1991, paġni 25 sa 29.

[Stampa f’paġna 23]

Kont priġunier hawn f’Magdeburg

[Sors]

Gedenkstätte Moritzplatz Magdeburg für die Opfer politischer Gewalt; Foto: Fredi Fröschki, Magdeburg

[Stampa f’paġna 23]

Meta żżewwiġna fl-​1957

[Stampa f’paġna 23]

Maʼ Elsa llum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja