Thennew f’Jehovah u Kunu Ferħanin
IT-TLESTIJA b’suċċess taʼ kwalunkwe proġett taʼ siwi dejjem tkun żmien taʼ thennija. Il-programm taʼ gradwazzjoni li sar fit-13 taʼ Marzu, 1999, fiċ-Ċentru Edukattiv tal-Watchtower f’Patterson, ġewwa New York, ċertament li kien okkażjoni simili għat-48 student tal-106 klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead).
Ir-rimarki tal-ftuħ li saru minn Theodore Jaracz, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna u gradwat tas-sebaʼ klassi taʼ Gilgħad, li qeda bħala ċermen għall-programm taʼ gradwazzjoni, enfasizzaw il-kliem taʼ Salm 32:11: “Ifirħu, twajbin, u thennew fil-Mulej.” Waqt li spjega għala kien xieraq li kulħadd jithenna f’din l-okkażjoni, hu qal: “Huwa minħabba dak li Jehovah qiegħed iwettaq maʼ dawk li huma retti f’qalbhom, inkluż l-istudenti tagħna taʼ Gilgħad, li nithennew f’okkażjonijiet bħal dawn.” Filwaqt li kienu l-istudenti li ppjanaw li jiġu l-Iskola taʼ Gilgħad u stinkaw b’mod diliġenti biex jikkwalifikaw għas-servizz missjunarju, Jehovah hu dak li għamilha possibbli li kollox jiġi fi tmiemu b’suċċess. (Proverbji 21:5; 27:1) Din, enfasizza Ħuna Jaracz, hija r-raġuni għala għandna ‘nithennew f’Jehovah.’
Fost dawk preżenti fl-awditorju taʼ Patterson kien hemm il-familjari u l-mistidnin taʼ l-istudenti, li kienu ġew minn 12-il pajjiż differenti biex jassistu għal din il-ġrajja ferriħija. Hekk kif il-5,198 li kienu fl-attendenza—inkluż membri tal-familja Betel taʼ Brooklyn, Patterson, u Wallkill, li kienu kollegati permezz taʼ l-awdjo u l-vidjo—antiċipaw il-programm li kien se jkun hemm, wieħed setaʼ jara li kien qed jirrenja spirtu ferrieħi.
Imħeġġin biex Jibqgħu Jżommu Spirtu Ferrieħi
Hekk kif Ħuna Jaracz ikkonkluda r-rimarki tal-ftuħ tiegħu, hu introduċa l-ewwel minn ħames kelliema, li kienu ppreparaw pariri Skritturali inkuraġġanti mhux biss għall-gradwati taʼ Gilgħad, imma wkoll għal kulmin kien preżenti.
L-ewwel wieħed li tkellem kien William Malenfant, gradwat taʼ l-34 klassi taʼ Gilgħad, u li issa qed jaqdi bħala ajjutant għall-Kumitat tat-Tagħlim tal-Ġemgħa li Tiggverna. F’konnessjoni mat-tema tiegħu “‘Kollox’ M’huwiex Frugħa!” bbażata fuq Koħèlet 1:2, hu qajjem il-mistoqsija: “Ried Salamun tassew ifisser li kollox, fil-veru sens tal-kelma, huwa frugħa?” It-tweġiba: “Le. Hu kien qed jiġbed għall-attenzjoni li dawk l-impriżi umani li jinjoraw x’inhi r-rieda t’Alla, attivitajiet li m’għandhom xejn x’jaqsmu mar-rieda divina—dawk l-affarijiet kollha huma frugħa.” B’kuntrast, li naduraw lil dak Alla veru, Jehovah, m’huwiex frugħa; lanqas li nistudjaw il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, u li ngħallmuha lil oħrajn m’huwa frugħa. Alla ma jinsiex sforzi bħal dawn min-naħa tal-qaddejja tiegħu. (Lhud 6:10) Fil-fatt, anki kieku dawk li sabu favur f’għajnejn Alla kellhom jintlaqtu minn xi gwaj, ‘Alla se jerfaʼ l-ħajja tagħhom fis-sorra tal-ħajja.’ (1 Samwel 25:29) Xi ħsieb li jqawwi l-qalb! Li jiftakru dawn il-punti jistaʼ jgħin lill-adoraturi kollha taʼ Jehovah jibqgħu jżommu spirtu ferrieħi.
John Barr, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna, inkuraġġixxa lill-klassi li kienet se tiggradwa bit-taħdita tiegħu “Sib Għaxqa fl-Inkarigu Missjunarju Tiegħek.” Hu wera li s-servizz missjunarju huwa xi ħaġa li dejjem kienet għażiża ferm għal Alla Jehovah. “Kien xi ħaġa li kienet tifforma parti integrali mill-espressjoni taʼ mħabba taʼ Jehovah għad-dinja. Hu bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fuq din l-art. Ġesù kien l-akbar missjunarju, l-aqwa missjunarju.” Filwaqt li l-gradwati setgħu jikkontemplaw liema bidliet kellu jagħmel Ġesù sabiex l-inkarigu tiegħu fuq l-art ikun wieħed taʼ suċċess, il-benefiċċji tas-servizz missjunarju taʼ Ġesù għadhom disponibbli għal dawk kollha li jridu jieħdu vantaġġ minnhom. Dan hu għaliex, bħalma wera Ħuna Barr, Ġesù sab għaxqa f’li jagħmel ix-xogħol t’Alla, u barra minn hekk, kien iħobb lil ulied il-bnedmin. (Proverbji 8:30, 31) Ħuna Barr ħeġġeġ lill-gradwati biex jibqgħu fl-inkarigu tagħhom, mhux sempliċement bħala kwistjoni taʼ sabar, imma għaliex isibu l-għaxqa tagħhom f’li jagħmlu dan. “Strieħu fuq Jehovah; hu mhux se jiddiżappuntakom,” talab hu lill-istudenti.—Salm 55:23 [Salm 55:22, NW].
“Nimxu f’Isem Jehovah għal Dejjem” kienet it-tema magħżula mill-kelliemi li kien imiss, Lloyd Barry, membru ieħor tal-Ġemgħa li Tiggverna. Ħuna Barry, li qeda bħala missjunarju għal 25 sena fil-Ġappun wara li kien attenda l-11-il klassi taʼ Gilgħad, irrakkonta xi esperjenzi li għaddew minnhom missjunarji bikrin, u ddeskriva l-isfidi li kellhom jiffaċċjaw. Liema parir prattiku kellu hu għall-klassi li kienet se tiggradwa? “Fuq kollox, ibqgħu żommu l-ispiritwalità tagħkom. Barra minn hekk, tgħallmu l-lingwa u l-kultura. Żommu s-sens taʼ umoriżmu tagħkom. U ibqgħu agħmlu x-xogħol; tegħjewx, u ċċedux.” Ħuna Barry qal lill-gradwati li fl-inkarigi missjunarji tagħhom barra l-pajjiż, se jiltaqgħu maʼ ħafna nies li jimxu f’isem diversi allat u divinitajiet, u fakkarhom fil-kliem taʼ Mikea: “Għax il-popli kollha jimxu kull wieħed f’isem l-alla tiegħu; imma aħna nimxu f’isem il-Mulej, Alla tagħna, għal dejjem taʼ dejjem.” (Mikea 4:5) L-eżempji taʼ wħud li fil-passat kienu missjunarji żgur li huwa taʼ motivazzjoni qawwija għall-qaddejja kollha t’Alla Jehovah biex ikomplu mexjin f’isem Jehovah u jaqduh fedelment.
Il-kelliemi li jmiss fil-programm kien Lawrence Bowen, istruttur taʼ Gilgħad. It-tema tal-preżentazzjoni tiegħu qajmet il-mistoqsija, “X’se Tagħti Prova li Int?” Hu wera li s-suċċess fis-servizz t’Alla jiddependi fuq li wieħed ikollu fidi u fiduċja f’Jehovah. Il-fatt li Asa straħ kompletament fuq Jehovah sewa biex ikollu rebħa kbira fuq armata taʼ l-għadu li kienet tgħodd mal-miljun raġel. Madankollu, hu ġie mfakkar mill-profeta Għażarija dwar il-bżonn li jkompli jistrieħ fuq Alla: “Il-Mulej ikun magħkom, meta intom tkunu miegħu.” (2 Kronaki 14:9-12; 15:1, 2) Ladarba l-isem t’Alla, Jehovah, iġorr il-ħsieb li hu jagħti prova li jkun dak kollu li jkun hemm bżonn biex iwettaq l-iskop tiegħu—sew jekk dan ifisser li jkun Provditur, Protettur, jew saħansitra Esekutur—missjunarji li jistrieħu fuq Jehovah u li jaħdmu fi qbil maʼ l-iskop tiegħu se jkollhom suċċess fl-inkarigi tagħhom. (Eżodu 3:14) “Qatt tinsew,” ikkonkluda Ħuna Bowen, “li dment li tibqgħu tagħmlu l-iskop taʼ Jehovah l-iskop tagħkom, hu se jġiegħel li ssiru dak kollu li hemm bżonn biex twettqu l-inkarigu tagħkom.”
L-aħħar kelliemi f’din il-parti tal-programm kien Wallace Liverance, li fil-passat kien missjunarju u li issa huwa r-reġistratur taʼ l-iskola. It-taħdita tiegħu, intitolata “Żomm il-Kelma t’Alla Ħajja u Taħdem Fik,” ġibdet l-attenzjoni lejn il-messaġġ, jew wegħda, li qatt ma jfalli t’Alla u li dejjem miexi ’l quddiem lejn it-twettiq komplet tiegħu. (Lhud 4:12) Dan jinfluwenza l-ħajjiet taʼ dawk li jippermettulu jagħmel hekk. (1 Tessalonikin 2:13) Din il-kelma kif tistaʼ tibqaʼ ħajja u taħdem fina? Permezz taʼ studju diliġenti tal-Bibbja. Ħuna Liverance fakkar lill-gradwati fil-metodi taʼ studju tal-Bibbja li tgħallmu f’Gilgħad, li kienu jinkludu qari u espożizzjoni tas-sens u l-applikazzjoni tal-Kelma t’Alla. Hu kkwota l-kliem t’Albert Schroeder, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna li kien jaqdi bħala ċermen tal-kumitat li stabbilixxa l-Iskola taʼ Gilgħad iktar minn 50 sena ilu: “Billi juża l-kuntest, wieħed jistaʼ jikseb il-forza spiritwali sħiħa u eżatta li Alla għamel disponibbli permezz tal-Kelma tiegħu.” Dan il-mod kif wieħed jistudja l-Bibbja jżomm il-Kelma t’Alla ħajja u taħdem.
Esperjenzi u Intervisti taʼ Ferħ
Wara t-taħditiet, l-udjenza gawdiet l-opportunità li tismaʼ xi esperjenzi taʼ ferħ mingħand l-istudenti. Taħt id-direzzjoni taʼ Mark Noumair, li fil-passat kien jaqdi bħala missjunarju u issa huwa istruttur taʼ Gilgħad, grupp taʼ studenti rrakkontaw u wrew permezz taʼ turijiet kif għamlu ħilithom biex jagħtu xiehda f’sitwazzjonijiet differenti. Xi wħud kellhom il-ħila jibdew u jikkonduċu studji tal-Bibbja maʼ nies fit-territorju billi osservaw tajjeb iċ-ċirkustanzi u l-espressjonijiet tagħhom u billi wrew interess persunali. B’hekk, l-istudenti kienu qed ‘jgħassu fuqhom infushom u fuq it-tagħlim tagħhom’ u kienu verament interessati f’li jgħinu oħrajn jiksbu s-salvazzjoni.—1 Timotju 4:16.
Ġew offruti ħafna suġġerimenti prattiċi, u għadd taʼ aħwa bl-esperjenza li kienu qed jirċievu taħriġ fl-iskola għall-membri tal-kumitati tal-fergħa, li ssir fiċ-Ċentru Edukattiv tal-Watchtower, urew ukoll kemm ferħ iġib miegħu s-servizz missjunarju. Ħutna Samuel Herd u Robert Johnson, li huma membri taʼ l-istaff tal-kwartieri ġenerali, ikkonduċew intervisti interessanti maʼ rappreżentanti mill-uffiċċji tal-fergħa tas-Soċjetà fil-Bolivja, fiż-Żimbabwe, fin-Nikaragwa, fir-Repubblika Afrikana Ċentrali, fir-Repubblika Dominikana, f’Papwa-Ginea Ġdida, u fil-Kamerun.
Wara l-esperjenzi u l-intervisti, Gerrit Lösch, gradwat tal-41 klassi taʼ Gilgħad u li fil-preżent huwa membru tal-Ġemgħa li Tiggverna, ta t-taħdita finali li kellha t-tema li tqanqal il-ħsieb “Int ‘Persuna Mixtieqa’?” Ħuna Lösch l-ewwel fakkar lill-gradwati li Ġesù, l-Iben perfett t’Alla, ma kienx ikkunsidrat min-nies bħala persuna mixtieqa, imma “kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin.” (Isaija 53:3) Għalhekk, m’hijiex sorpriża li llum f’ħafna pajjiżi tad-dinja, il-missjunarji huma meqjusin bħala persona non grata, mhux aċċettati jew milqugħin personalment. Min-naħa l-oħra, matul is-snin twal taʼ servizz taʼ Danjel f’Babilonja, il-Ħallieq, permezz t’anġlu, sejjaħlu tliet darbiet “għażiż [“mixtieq ferm,” NW]” lil Danjel. (Danjel 9:23; 10:11, 19) X’kien li għamel lil Danjel dan it-tip taʼ persuna? Hu qatt ma kkomprometta prinċipji Bibliċi hekk kif aġġusta ruħu għall-kultura f’Babilonja; kien onest f’kollox, billi qatt ma uża l-kariga tiegħu għall-vantaġġ persunali; u kien student żeluż tal-Kelma t’Alla. (Danjel 1:8, 9; Danjel 6:5 [Danjel 6:4, NW]; Danjel 9:2) Barra minn hekk, hu kien jitlob regolarment lil Jehovah u kien dejjem lest li jagħti l-glorja lil Alla għal dak li kien iwettaq. (Danjel 2:20) Billi jsegwu l-eżempju taʼ Danjel, il-qaddejja t’Alla jistgħu juru li huma persuni mixtiqin, mhux neċessarjament għad-dinja, imma għal Alla Jehovah.
Biex jikkonkludi l-programm li kien ferm edifikanti spiritwalment, iċ-ċermen qara ftit mit-telegrammi u l-messaġġi li kienu ntbagħtu minn madwar id-dinja. Imbagħad, l-24 koppja rċivew id-diplomi tagħhom, u tħabbar il-pajjiż fejn ġew assenjati. Finalment, rappreżentant tal-klassi qara ittra indirizzata lill-Ġemgħa li Tiggverna u lill-familja Betel, li kienet tesprimi l-apprezzament li ħassew l-istudenti tal-klassi għat-taħriġ u l-preparazzjoni li kienu ngħataw fl-aħħar ħames xhur.
Hekk kif il-programm ġie fi tmiemu, setaʼ jinstemaʼ ‘ferħ u radd il-ħajr’ fost il-folla li kienet ħierġa.—Neħemija 12:27, Karm Żammit.
[Kaxxa f’paġna 27]
Statistiċi tal-Klassi
Numru taʼ pajjiżi rrappreżentati: 10
Numru taʼ pajjiżi li ġew assenjati fihom: 19
Numru taʼ studenti: 48
Numru taʼ koppji miżżewġin: 24
Età medja: 33
Medja taʼ snin fil-verità: 16
Medja taʼ snin fil-ministeru full-time: 13
[Stampa f’paġna 25]
Il-106 Klassi li Ggradwat mill-Iskola taʼ Gilgħad
Fil-lista t’hawn taħt, ir-ringieli huma nnumerati minn quddiem għal wara, u l-ismijiet f’kull ringiela huma mniżżlin mix-xellug għal-lemin.
(1) Deakin, D.; Puopolo, M.; Laguna, M.; Davault, S.; Dominguez, E.; Burke, J. (2) Gauter, S.; Vazquez, W.; Seabrook, A.; Mosca, A.; Helly, L.; Breward, L. (3) Brandon, T.; Olivares, N.; Coleman, D.; Scott, V.; Petersen, L.; McLeod, K. (4) McLeod, J.; Thompson, J.; Luberisse, F.; Speta, B.; Lehtimäki, M.; Laguna, J. (5) Gauter, U.; Dominguez, R.; Helly, F.; Smith, M.; Beyer, D.; Mosca, A. (6) Scott, K.; Seabrook, V.; Speta, R.; Coleman, R.; Breward, L.; Davault, W. (7) Smith, D.; Lehtimäki, T.; Petersen, P.; Thompson, G.; Vazquez, R.; Beyer, A. (8) Luberisse, M.; Deakin, C.; Brandon, D.; Puopolo, D.; Olivares, O.; Burke, S.