LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 6/1 pp. 28-31
  • Il-Ħaddiema Sħab maʼ Pawlu—Min Kienu?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Ħaddiema Sħab maʼ Pawlu—Min Kienu?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Uħud li Vvjaġġaw Miegħu, u Rġiel u Nisa li Ospitawh
  • Kotra taʼ Ħbieb
  • Appoġġ Leali Waqt li Kien il-​Ħabs
  • ‘Aħna Ħaddiema Flimkien m’Alla’
  • “Jagħtihom Xhieda fid-Dettall”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Agħmel Kuraġġ—Ġeħova Se Jgħinek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • “M’Iniex Responsabbli għall-Mewt taʼ Xi Ħadd”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Pawlu f’Ruma
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 6/1 pp. 28-31

Il-​Ħaddiema Sħab maʼ Pawlu—Min Kienu?

FIL-​KTIEB Bibliku taʼ l-​Atti u fl-​ittri taʼ Pawlu nsibu mniżżlin mal-​mitt individwu, membri tal-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu, li kellhom kuntatt maʼ “l-​appostlu tal-​Ġnus.” (Rumani 11:13, Saydon) Xi ftit minnhom nafu mhux ħażin dwarhom. X’aktarx li int midħla taʼ l-​attivitajiet t’Apollo, Barnaba, u Sila. Min-​naħa l-​oħra, għandek mnejn ma tantx issib wisq xi tgħid dwar Arkippu, Klawdja, Damari, Linu, Persi, Pudens, u Sopatru.

F’perijodi taʼ żmien differenti u taħt ċirkustanzi varji, ħafna individwi kellhom irwol attiv f’li jappoġġaw il-​ministeru taʼ Pawlu. Ċerti wħud bħal Aristarku, Luqa, u Timotju qdew għal snin sħaħ spalla maʼ spalla maʼ l-​appostlu. Xi wħud kienu miegħu waqt li kien il-​ħabs jew waqt li kien jivvjaġġa, ġieli bħala wħud li vvjaġġaw miegħu u ġieli bħala nisa u rġiel li laqgħuh fi djarhom. B’sogħba, oħrajn, bħal Alessandru, Dema, Ermoġeni, u Figelu, ma pperseverawx fil-​fidi Kristjana.

Meta niġu għall-​bosta ħbieb oħra li kellu l-​appostlu Pawlu, bħal Asinkretu, Erma, Ġulja, jew Filologu biex insemmu ftit, ftit li xejn nafu dwarhom ħlief isimhom. Fil-​każ taʼ oħt Nerija jew omm Rufu jew dawk tad-​dar taʼ Kloji, lanqas biss isimhom ma nafu. (Rumani 16:13-15; 1 Korintin 1:11) Minkejja dan, l-​eżaminar tal-​ftit tagħrif li għandna dwar dawn il-​madwar mitt ruħ jistaʼ jitfaʼ dawl fuq il-​mod kif kien jaħdem l-​appostlu Pawlu. Dan jgħallimna wkoll xi ħaġa dwar il-​benefiċċji li wieħed jikseb meta jkun imdawwar b’numru kbir taʼ wħud li jemmnu bħalu u jaħdem mill-​qrib magħhom.

Uħud li Vvjaġġaw Miegħu, u Rġiel u Nisa li Ospitawh

Il-​ministeru taʼ l-​appostlu Pawlu kien jinvolvi ammont kbir taʼ vjaġġar. Wieħed kittieb jikkalkula li d-​distanza li kopra fuq l-​art u bil-​baħar kif insibu ddokumentat f’Atti biss tlaħħaq is-​16,000 kilometru. Dakinhar l-​ivvjaġġar mhux talli kien battikata imma wkoll kien perikoluż. Fost id-​diversi perikli li ħabbat wiċċu magħhom kien hemm l-​għarqa, il-​perikli mix-​xmajjar u mill-​ħallelin, il-​perikli fid-​deżert, u l-​perikli fil-​baħar. (2 Korintin 11:25, 26) Mhux taʼ b’xejn li Pawlu rari kien jivvjaġġa waħdu minn post għal ieħor.

Dawk li akkumpanjaw lil Pawlu kienu se jkunu sors taʼ sħubija, inkuraġġiment, u għajnuna prattika fil-​ministeru. Xi drabi, Pawlu ħalliehom warajh sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet spiritwali taʼ dawk l-​uħud ġodda li jkunu saru jemmnu. (Atti 17:14; Titu 1:5) Imma l-​preżenza taʼ sħabu kienet x’aktarx essenzjali għas-​sigurtà u sabiex dawn jgħinuh jiffaċċja l-​ħruxija tal-​vjaġġ. Għalhekk individwi bħalma kienu Sopatru, Sekundu, Gaju, u Trofimu, li nafu li kienu fost dawk li vvjaġġaw maʼ Pawlu, għandhom mnejn wettqu rwol importanti fis-​suċċess tal-​ministeru tiegħu.—Atti 20:4.

Daqstant apprezzata kienet l-​għajnuna li offrewlu dawk l-​irġiel u n-​nisa li ospitawh. Meta Pawlu kien jasal f’belt fejn kellu l-​ħsieb li jikkonduċi kampanja taʼ ppridkar jew sempliċement biex jgħaddi l-​lejl hemmhekk, il-​prijorità kienet tkun li jsibulu post fejn joqgħod. Kulmin kien jivvjaġġa daqs kemm kien jivvjaġġa Pawlu bilfors li kellu jorqod f’ruxxmata sodod differenti. Kieku ried setaʼ jmur f’lukanda, imma dawn huma deskritti mill-​istorjografi bħala “postijiet perikolużi u moralment offensivi,” u għalhekk, fejn kien possibbli, x’aktarx li Pawlu kien imur joqgħod għand sħabu fit-​twemmin.

L-ismijiet taʼ ftit minn dawn in-​nisa u rġiel li ospitaw lil Pawlu nafuhom​—Akwila u Prixxilla, Gaju, Ġason, Lidja, Mnason, Filemon, u Filippu. (Atti 16:14, 15; 17:7; 18:2, 3; 21:8, 16; Rumani 16:23; Filemon 1, 22) F’Filippi, f’Tessalonika, u f’Korintu, akkomodazzjonijiet bħal dawn ipprovdew lil Pawlu ċentru minfejn setaʼ jorganizza l-​attivitajiet missjunarji tiegħu. F’Korintu, Titu Ġustu għamel daru disponibbli wkoll biex jipprovdi lill-​appostlu b’post minfejn setaʼ jwettaq l-​ippridkar tiegħu.—Atti 18:7.

Kotra taʼ Ħbieb

Kif inhu mistenni, Pawlu baqaʼ jiftakar fi ħbiebu skond iċ-​ċirkustanzi differenti li fihom kien iltaqaʼ magħhom. Marija, Persi, Febi, Trifena, u Trifosa, per eżempju, kienu kollha nisa mseħbin fil-​qima li ġew imfaħħrin għat-​taħbit u x-​xogħol iebes tagħhom. (Rumani 16:1, 2, 6, 12) Pawlu għammed lil Krispu, lil Gaju, u lill-​familja taʼ Stefanas. Djonisju u Damari aċċettaw il-​messaġġ tal-​verità mingħandu f’Ateni. (Atti 17:34; 1 Korintin 1:14, 16) Androniku u Ġunja, irġiel “magħrufa fost l-​appostli” li kienu saru jemmnu qabel Pawlu, jissejħu ‘l-​priġunieri miegħu.’ Forsi xi darba kienu sabu ruħhom il-​ħabs miegħu. Dawn it-​tnejn, bħal Erodjon, Ġason, Luċju, u Sosipater, kienu wkoll imsejħin minn Pawlu bħala ‘qrabatu.’ (Rumani 16:7, 11, 21) Filwaqt li l-​kelma Griega wżata hawn tistaʼ tfisser “kompatrijotti,” it-​tifsira primarja tagħha hija “konsangwinji taʼ l-​istess ġenerazzjoni.”

Ħafna mill-​ħbieb taʼ Pawlu vvjaġġaw appuntu minħabba l-​aħbar tajba. Minbarra wħud magħrufin sew li hu kellu jakkumpanjawh, kien hemm ukoll Akajku, Fortunatu, u Stefanas, li vvjaġġaw minn Korintu għal Efesu biex jikkonsultaw maʼ Pawlu dwar il-​qagħda spiritwali tal-​kongregazzjoni tagħhom. Artema u Tikiku kienu lesti li jivvjaġġaw sabiex jiltaqgħu maʼ Titu, li kien qed jaqdi fuq il-​gżira taʼ Kreta, u Żena kien se jagħmel vjaġġ m’Apollo.—1 Korintin 16:17; Titu 3:12, 13.

Hemm dawk li dwarhom Pawlu jipprovdi biss xi dettall żgħir imma interessanti għall-​aħħar. Nafu, per eżempju, li Epenetu kien “l-​ewwel frott . . . fl-​Asja,” li Erastu kien “l-​amministratur tal-​belt” f’Korintu, li Luqa kien tabib, li Lidja kienet negozjanta tal-​porpra, u li Terzju kien il-​wieħed li Pawlu uża sabiex jiktiblu l-​ittra lir-​Rumani. (Rumani 16:5, 22, 23; Atti 16:14; Kolossin 4:14) Għal kulmin jixtieq ikun jaf iktar dwar dawn l-​individwi, dawn in-​naqriet taʼ informazzjoni donnhom tniżżlu biex jinku daqs kemm huma qosra.

Uħud oħrajn minn dawk li akkumpanjaw lil Pawlu rċivew messaġġi persunali u li issa jinsabu ddokumentati fil-​Bibbja. Fl-​ittra tiegħu lill-​Kolossin, per eżempju, Pawlu ħeġġeġ lil Arkippu: “Aħseb fil-​ministeru li ħadt mill-​Mulej, biex tagħmlu sewwa.” (Kolossin 4:17) Evodja u Sintiki evidentement kellhom tilwima persunali x’isolvu. B’hekk, Pawlu ħeġġiġhom permezz taʼ sieħbu “Siżigu” f’Filippi biex “ikunu taʼ fehma waħda fil-​Mulej.” (Filippin 4:2, 3) Żgur li dan huwa parir tajjeb għalina lkoll.

Appoġġ Leali Waqt li Kien il-​Ħabs

Pawlu sab ruħu l-​ħabs diversi drabi. (2 Korintin 11:23) F’dawn l-​okkażjonijiet il-​Kristjani leali, meta kien ikun hemm uħud minnhom, żgur li kienu jagħmlu dak kollu li setgħu sabiex itaffulu dak li kien ikun għaddej minnu. Meta Pawlu kien priġunier f’Ruma għall-​ewwel darba, tħalla jikri dar għalih għal sentejn u setgħu jżuruh il-​ħbieb. (Atti 28:30) Matul dak il-​perijodu, kiteb ittri lill-​kongregazzjonijiet f’Efesu, f’Filippi, u f’Kolossi, kif ukoll lil Filemon. Dawn is-​sorsi jgħidulna ħafna dwar dawk l-​uħud li kienu qrib Pawlu matul il-​priġunerija tiegħu.

Per eżempju, nitgħallmu li Oneżimu, l-​ilsir li ħarab lil Filemon, iltaqaʼ maʼ Pawlu f’Ruma, l-​istess bħalma għamel Tikiku, li akkumpanja lil Oneżimu fuq il-​vjaġġ tiegħu lura għal għand sidu. (Kolossin 4:7-9) Kien hemm ukoll Epafroditu, li għamel il-​vjaġġ twil minn Filippi b’rigal mingħand il-​kongregazzjoni tiegħu u li mbagħad marad. (Filippin 2:25; 4:18) Jaħdmu qrib maʼ Pawlu f’Ruma kien hemm Aristarku, Marku, u Ġożwè li jgħidulu Ġustu, li dwarhom Pawlu qal: “Dawn biss mil-​Lhud li qegħdin jaħdmu miegħi għas-​Saltna taʼ Alla, u huma taʼ faraġ kbir għalija.” (Kolossin 4:10, 11) Flimkien maʼ dawn l-​uħud leali kollha, kien hemm Timotju u Luqa li kienu iktar magħrufin, kif ukoll Dema, li iktar tard, għax ħabb id-​dinja, abbanduna lil Pawlu.—Kolossin 1:1; 4:14; 2 Timotju 4:10; Filemon 24.

Mid-dehra, ħadd minn dawn ma kien minn Ruma, u madankollu kienu hemmhekk maġenb Pawlu. Forsi xi wħud kienu marru apposta biex jgħinuh matul il-​priġunerija tiegħu. M’hemmx dubju li xi wħud għamlulu xi qadjiet, oħrajn intbagħtu b’missjonijiet ’il bogħod, u saħansitra oħrajn kitbu l-​ittri li qalilhom Pawlu. X’xiehda li tispikka kienet din taʼ l-​intensità taʼ fedeltà u lealtà li kellhom dawn kollha għal Pawlu u għax-​xogħol t’Alla!

Minn kif Pawlu jagħlaq xi wħud mill-​ittri tiegħu, nindunaw li hu x’aktarx kien imdawwar b’kotra akbar t’aħwa rġiel u nisa Kristjani mill-​ftit ismijiet li nafu. F’okkażjonijiet differenti, hu kiteb: “Il-​qaddisin kollha jsellmulkom” u, “Dawk kollha li hawn miegħi jsellu għalik.”—2 Korintin 13:12 [2 Korintin 13:13, NW]; Titu 3:15; Filippin 4:22.

Matul it-​tieni priġunerija kritika taʼ Pawlu f’Ruma meta l-​martirju kien wasal biex ifaqqaʼ, il-​ħaddiema sħab maʼ Pawlu kienu l-​ħin kollu f’moħħu. Hu xorta kien għadu attiv f’li jindokra u jikkoordina l-​attivitajiet għallinqas taʼ xi wħud minnhom. Titu u Tikiku kienu ntbagħtu fuq missjonijiet, Krexxens kien mar il-​Galazja, Erastu kien baqaʼ f’Korintu, Trofimu kien jinsab marid f’Miletu, imma Marku u Timotju kellhom imorru għandu. Luqa, iżda, kien jinsab maġenb Pawlu, u meta l-​appostlu kiteb it-​tieni ittra tiegħu lil Timotju, diversi oħrajn minn sħabu fit-​twemmin, inkluż Ewbolu, Pudens, Linu, u Klawdja, kienu hemm biex jibagħtu t-​tislijiet tagħhom. Żgur li dawn kienu jinsabu hemmhekk sabiex jgħinu kif jistgħu lil Pawlu. Fl-​istess ħin, Pawlu nnifsu bagħat iselli għal Priska u Akwila u għall-​familja taʼ Onesiforu. B’sogħba, madankollu, f’dak iż-​żmien taʼ inkwiet, Dema ċaħdu, u Alessandru tgħidx kemm qalagħlu inkwiet.—2 Timotju 4:9-21.

‘Aħna Ħaddiema Flimkien m’Alla’

Pawlu rari kont issibu waħdu waqt l-​attivitajiet tiegħu taʼ l-​ippridkar. “L-​impressjoni li wieħed jieħu,” jgħid il-​kummentatur E. Earle Ellis, “hija dik taʼ missjunarju mdawwar b’għadd kbir minn sħabu. Tabilħaqq, Pawlu rari ssibu mingħajr xi ħadd jakkumpanjah.” Taħt il-​gwida taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla, Pawlu kien kapaċi jċaqlaq ħafna nies u jorganizza kampanji missjunarji effettivi. Kien imdawwar b’nies qrib tiegħu, assistenti temporanji, xi personalitajiet qawwija, u għadd kbir taʼ qaddejja umlin. Madankollu, dawn ma kinux nies li sempliċement ħadmu miegħu. Kien x’kien l-​ammont taʼ xogħol li għamlu maʼ Pawlu, ir-​rabta taʼ l-​imħabba Kristjana u l-​ħbiberija mill-​qrib hija ovvja għall-​aħħar.

Bħalma ntqal dwaru, l-​appostlu Pawlu “kellu x-​xeħta għal mal-​ħbieb.” Hu għamel ħafna biex iwassal l-​aħbar tajba għand il-​ġnus, imma ma pprovax jagħmel hekk waħdu. Hu kkoopera maʼ u għamel użu sħiħ mill-​kongregazzjoni Kristjana organizzata. Pawlu ma ħax il-​kredtu għalih għar-​riżultati miksuba imma rrikonoxxa bl-​umiltà li hu kien ilsir u li kull unur kellu jmur għal Alla bħala l-​wieħed responsabbli għat-​tkabbir.—1 Korintin 3:5-7; 9:16; Filippin 1:1.

Iż-żmien li għex fih Pawlu huwa differenti minn tagħna, imma xorta waħda, ħadd minna llum fil-​kongregazzjoni Kristjana m’għandu jaħseb li jistaʼ jkun jew għandu bżonn ikun indipendenti. Minflok, għandna dejjem naħdmu maʼ l-​organizzazzjoni t’Alla, mal-​kongregazzjoni lokali tagħna, u maʼ l-​adoraturi sħabna. Għandna bżonn l-​għajnuna, l-​appoġġ, u l-​faraġ tagħhom kemm fil-​bnazzi u kemm fil-​maltemp. Aħna għandna l-​privileġġ prezzjuż li nkunu parti minn ‘sħubija sħiħa t’aħwa fid-​dinja.’ (1 Pietru 5:9, NW) Jekk naħdmu spalla maʼ spalla fedelment u bl-​imħabba u nikkooperaw magħhom ilkoll, imbagħad, sewwa sew bħal Pawlu, inkunu nistgħu ngħidu li aħna wkoll “ħaddiema flimkien m’Alla.”—1 Korintin 3:9, KŻ.

[Stampi f’paġna 31]

APOLLO

ARISTARKU

BARNABA

LIDJA

ONESIFORU

TERZJU

TIKIKU

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja