‘Tkunu Tassew Ferħanin’
‘Tagħmlu l-festa f’ġieħ il-Mulej u tkunu tassew ferħanin.’ —DEWTERONOMJU 16:15.
1. (a) Satana liema kwistjonijiet qajjem? (b) Ġeħova x’bassar wara l-irvell taʼ Adam u Eva?
META Satana wassal lil Adam u Eva għall-irvell kontra l-Ħallieq tagħhom, hu qajjem żewġ kwistjonijiet taʼ importanza kbira. L-ewwel, hu sfida l-ġenwinità taʼ Ġeħova u l-mod taʼ kif kien qiegħed jaħkem. It-tieni, Satana insinwa li l-bnedmin kienu se jaqdu lil Alla biss meta dan ikun jaqblilhom. Din il-kwistjoni taʼ l-aħħar ġiet mistqarra b’mod ċar u dirett fi żmien Ġob. (Ġenesi 3:1-6; Ġob 1:9, 10; 2:4, 5) Minkejja dan, Ġeħova ħa azzjoni malajr biex jittratta s-sitwazzjoni. Adam u Eva kienu għadhom saħansitra fil-ġnien taʼ l-Għeden meta Ġeħova bassar kif Hu kien se jsolvi dawn il-kwistjonijiet. Hu bassar li kellu jiġi ‘nisel’ li, wara li kellu jinsaħaqlu għarqubu, kellu jisħaq lil Satana f’rasu għall-mewt.—Ġenesi 3:15.
2. Ġeħova liema dawl xeħet fuq kif kien se jwettaq il-profezija mniżżla f’Ġenesi 3:15?
2 Hekk kif għadda ż-żmien, Ġeħova kompla jitfaʼ iktar dawl fuq din il-profezija, u b’hekk kompla juri kemm it-twettiq tagħha maż-żmien kien se jseħħ fiċ-ċert. Per eżempju, Alla qal lil Abraham li n-‘nisel’ kellu jidher minn fost id-dixxendenti tiegħu. (Ġenesi 22:15-18) Ġakobb, in-neputi t’Abraham, sar il-missier tat-12-il tribù taʼ Iżrael. Fis-sena 1513 Q.E.K., meta dawn it-tribujiet saru ġens wieħed, Ġeħova tahom sistema taʼ liġijiet li kienu jinkludu diversi festi taʼ kull sena. L-appostlu Pawlu qal li dawn il-festi kienu “dell taʼ dak li għandu jiġi.” (Kolossin 2:16, 17; Ebrej 10:1) Huma taw stampa bil-quddiem taʼ kif kien se jiżvolġi l-iskop taʼ Ġeħova għan-Nisel. L-osservanza taʼ dawn il-festi kienet iġġib ferħ kbir f’Iżrael. Konsiderazzjoni tagħhom fil-qosor se ssaħħilna l-fidi dwar kemm il-wegħdi taʼ Ġeħova huma taʼ min joqgħod fuqhom.
Jidher in-Nisel
3. Min kien in-Nisel imwiegħed, u għarqubu kif ġie misħuq?
3 In-Nisel imwiegħed deher iktar minn 4,000 sena wara l-profezija li Ġeħova għamel fil-bidu. Dan kien Ġesù. (Galatin 3:16) Bħala raġel perfett, Ġesù żamm l-integrità tiegħu sal-mewt, u b’hekk ta prova li l-akkużi taʼ Satana ma kinux minnhom. Iktar minn hekk, ladarba Ġesù kien bla dnub, il-mewt tiegħu kienet sagrifiċċju taʼ valur kbir. Permezz tagħha, Ġesù pprovda ħelsien mid-dnub u l-mewt għad-dixxendenti leali taʼ Adam u Eva. Il-mewt taʼ Ġesù fuq zokk tat-tortura kienet ‘it-tisħiq taʼ l-għarqub’ tan-Nisel imwiegħed.—Ebrej 9:11-14.
4. Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù kif kien iffigurat bil-quddiem?
4 Ġesù miet fl-14 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K.a F’Iżrael, l-14 taʼ Nisan kienet il-ġurnata ferriħija taċ-ċelebrazzjoni tal-Qbiż. Kull sena f’dik il-ġurnata, il-familji kienu jagħmlu ikla flimkien li kienet tinkludi ħaruf żgħir bla difett. B’dan il-mod huma kienu jiftakru l-irwol li kellu d-demm tal-ħaruf fil-ħelsien taʼ l-ewwel imwieled taʼ l-Iżraelin meta l-anġlu tal-mewt qatel lill-ewwel imwieled taʼ l-Eġizzjani fl-14 taʼ Nisan tas-sena 1513 Q.E.K. (Eżodu 12:1-14) Il-ħaruf tal-Qbiż iffigura bil-quddiem lil Ġesù, li dwaru l-appostlu Pawlu kien qal: “Kristu, il-Qbiż tagħna, ġie sagrifikat.” (1 Korintin 5:7) Bħad-demm tal-ħaruf tal-Qbiż, id-demm imxerred taʼ Ġesù jipprovdi s-salvazzjoni għal ħafna wħud.—Ġwanni 3:16, 36.
‘L-Ewwel Frott Fost il-Mejtin’
5, 6. (a) Ġesù meta ġie rxoxtat, u din il-ġrajja kif kienet ġiet iffigurata bil-quddiem fil-Liġi? (b) L-irxoxt taʼ Ġesù kif għamel it-twettiq taʼ Ġenesi 3:15 possibbli?
5 Fit-tielet ġurnata, Ġesù ġie rxoxtat lura għall-ħajja sabiex jippreżenta l-valur tas-sagrifiċċju tiegħu lil Missieru. (Ebrej 9:24) L-irxoxt tiegħu kien iffigurat bil-quddiem matul festa oħra. Il-ġurnata taʼ wara l-14 taʼ Nisan kienet il-bidu tal-Festa tal-Ħobż Ażżmu. L-għada, fis-16 taʼ Nisan, l-Iżraelin kienu jġibu l-ewwel qatta tal-ħsad tax-xgħir, l-iktar ħsad bikri f’Iżrael, biex il-qassis ixejru quddiem Ġeħova. (Levitiku 23:6-14) Kemm kien xieraq li fis-sena 33 E.K., f’dik il-ġurnata stess, Ġeħova ġab fix-xejn l-isforzi makabri taʼ Satana biex joqtol lix-“xhud leali u veru” tiegħu! Fis-16 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K., Ġeħova rxoxta lil Ġesù mill-mewt għal ħajja bħala spirtu immortali.—Rivelazzjoni 3:14; 1 Pietru 3:18.
6 Ġesù sar “l-ewwel frott fost dawk li raqdu fil-mewt.” (1 Korintin 15:20) B’differenza minn dawk li kienu ġew irxoxtati qabel, Ġesù ma reġax miet. Minflok, hu telaʼ s-sema fuq in-naħa tal-lemin taʼ Ġeħova, fejn baqaʼ jistenna sakemm kellu jinħatar bħala Sultan tas-Saltna taʼ Ġeħova fis-sema. (Salm 110:1; Atti 2:32, 33; Ebrej 10:12, 13) Mill-ħatra tiegħu bħala Sultan, Ġesù issa qiegħed f’pożizzjoni biex jisħaq lil Satana, l-għadu l-kbir tiegħu, f’rasu u biex jeqred lil nislu.—Rivelazzjoni 11:15, 18; 20:1-3, 10.
Iktar Membri taʼ Nisel Abraham
7. X’kienet il-Festa tal-Ġimgħat?
7 Ġesù kien in-Nisel li kien ġie mwiegħed fl-Għeden u l-wieħed li permezz tiegħu Ġeħova kien se “jkisser l-għemejjel tax-Xitan.” (1 Ġwanni 3:8) Madankollu, meta Ġeħova kellem lil Abraham, Hu indika li ‘nisel’ Abraham kien se jkun iktar minn persuna waħda biss. Kien se jkun “bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar.” (Ġenesi 22:17) Il-membri l-oħra tan-‘nisel’ kienu ffigurati bil-quddiem b’festa ferriħija oħra. Ħamsin ġurnata wara s-16 taʼ Nisan, Iżrael kien jiċċelebra l-Festa tal-Ġimgħat. Il-Liġi dwar dan tiddikjara: “Tgħoddu ħamsin jum sa l-għada tas-sebaʼ Sibt; mbagħad iġġibu offerta ġdida tal-qamħ lill-Mulej. Minn kull fejn tgħammru ġġibu żewġ ħobżiet għat-tixjir, taʼ żewġ għexur taʼ efa dqiq moħmija bil-ħmira, bħala offerta tal-bikri lill-Mulej.”b—Levitiku 23:16, 17, 20.
8. Liema ġrajja li tispikka seħħet f’Pentekoste tas-sena 33 E.K.?
8 Meta Ġesù kien fuq l-art, il-Festa tal-Ġimgħat kienet magħrufa bħala Pentekoste (minn kelma Griega li tfisser “il-ħamsin wieħed”). F’Pentekoste tas-sena 33 E.K., il-Qassis il-Kbir akbar, Ġesù Kristu rxoxtat, ferraʼ l-ispirtu qaddis fuq il-grupp żgħir taʼ 120 dixxiplu miġburin f’Ġerusalemm. B’hekk, dawn id-dixxipli saru wlied midlukin t’Alla u ħut Ġesù Kristu. (Rumani 8:15-17) Huma saru ġens ġdid, “l-Iżrael t’Alla.” (Galatin 6:16) Minn għadd żgħir, dak il-ġens fl-aħħar kien se jammonta għal 144,000.—Rivelazzjoni 7:1-4.
9, 10. Il-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin kif kienet iffigurata bil-quddiem matul Pentekoste?
9 Il-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin kienet iffigurata bil-quddiem minn żewġ ħobżiet bil-ħmira li kienu jiġu mxejrin quddiem Ġeħova kull Pentekoste. Il-fatt li l-ħobżiet kellhom il-ħmira kien juri li l-Kristjani midlukin kien għad għandhom il-ħmira tad-dnub li wirtu. Minkejja dan, huma setgħu jersqu lejn Ġeħova fuq il-bażi tas-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Ġesù. (Rumani 5:1, 2) Għala żewġ ħobżiet? Dan setaʼ juri l-fatt li l-ulied midlukin t’Alla eventwalment kienu se jittieħdu minn żewġ gruppi—l-ewwel mil-Lhud naturali u iktar tard mill-Ġentili.—Galatin 3:26-29; Efesin 2:13-18.
10 Iż-żewġ ħobżiet offruti f’Pentekoste kienu jintgħamlu mill-ewwel frott tal-ħsad tal-qamħ. Fi qbil maʼ dan, dawn il-Kristjani midlukin jissejħu “l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu.” (Ġakbu 1:18) Dawn huma l-ewwel uħud li jinħafrulhom dnubiethom fuq il-bażi tad-demm imxerred taʼ Ġesù, u dan jagħmilha possibbli għalihom li jingħataw il-ħajja immortali fis-sema, fejn jaħkmu maʼ Ġesù fis-Saltna tiegħu. (1 Korintin 15:53; Filippin 3:20, 21; Rivelazzjoni 20:6) F’dik il-pożizzjoni, fil-futur qarib, huma se ‘jirgħu [lill-ġnus] b’xettru tal-ħadid’ u jaraw ‘lil Satana mgħaffeġ taħt saqajhom.’ (Rivelazzjoni 2:26, 27; Rumani 16:20) L-appostlu Ġwanni qal: “Dawn huma dawk li jibqgħu mexjin wara l-Ħaruf kulfejn imur. Dawn inxtraw minn fost il-bnedmin bħala l-ewwel frott għal Alla u għall-Ħaruf.”—Rivelazzjoni 14:4.
Jum li Jenfasizza l-Ħelsien
11, 12. (a) X’kien jiġri f’Jum l-Espjazzjoni? (b) Liema benefiċċji kien jirċievi Iżrael mis-sagrifiċċji taʼ l-għoġol u l-bdabad?
11 Fl-għaxar jum tax-xahar t’Etanim (iktar tard imsejjaħ Tixri),c Iżrael kien jiċċelebra festa li kienet tiffigura bil-quddiem kif il-benefiċċji tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa se jiġu fis-seħħ. F’dik il-ġurnata l-ġens kollu kien jiltaqaʼ għal Jum l-Espjazzjoni (jew, Jum it-Tpattija) biex jiġu offruti sagrifiċċji għan-nom tagħhom bħala tpattija għal dnubiethom.—Levitiku 16:29, 30.
12 F’Jum l-Espjazzjoni, il-qassis il-kbir kien joqtol għoġol, u fl-Iktar Qaddis hu kien iroxx ftit mid-demm għal sebaʼ darbiet quddiem l-għatu taʼ l-Arka, u dan kien jirrappreżenta li d-demm kien offrut quddiem Ġeħova. Din l-offerta kienet għad-dnubiet tal-qassis il-kbir u “daru,” is-sotto-qassisin u l-Leviti. Imbagħad il-qassis il-kbir kien jieħu żewġ bdabad. Wieħed minnhom kien jinqatel bħala offerta għad-dnub tal-“poplu.” Ftit mid-demm tiegħu wkoll kien jitraxxax quddiem l-għatu taʼ l-Arka fl-Iktar Qaddis. Wara, il-qassis il-kbir kien iqiegħed idejh fuq ras it-tieni bodbod u kien jistqarr id-dnubiet taʼ wlied Iżrael. Imbagħad hu kien jitlaq il-bodbod fix-xagħri biex jieħu ’l bogħod id-dnubiet tal-ġens, b’mod simboliku.—Levitiku 16:3-16, 21, 22.
13. Dak li kien jiġri f’Jum l-Espjazzjoni kif iffigura bil-quddiem l-irwol li għandu Ġesù?
13 Bħalma ffiguraw bil-quddiem dawn l-atti, Ġesù, il-Qassis il-Kbir, juża l-valur tad-demm taʼ ħajtu biex jipprovdi maħfra għad-dnubiet. L-ewwel, il-valur taʼ demmu jiġi applikat lid-“dar spiritwali” tal-144,000 Kristjan midluk, u dan jagħmilha possibbli għalihom li jiġu dikjarati ġusti u jgawdu qagħda nadifa quddiem Ġeħova. (1 Pietru 2:5; 1 Korintin 6:11) Dan huwa ffigurat bil-quddiem mis-sagrifiċċju taʼ l-għoġol. B’hekk tinfetaħ it-triq għalihom biex jirċievu l-wirt tagħhom tas-sema. It-tieni, il-valur tad-demm taʼ Ġesù jiġi applikat għan-nom taʼ miljuni oħrajn li jeżerċitaw fidi fi Kristu, kif muri bis-sagrifiċċju tal-bodbod. Dawn se jiġu mberkin b’ħajja taʼ dejjem hawn fuq l-art, wirt li Adam u Eva tilfuh. (Salm 37:10, 11) Fuq il-bażi tad-demm imxerred tiegħu, Ġesù jieħu d-dnubiet taʼ l-umanità, sewwasew bħalma l-bodbod ħaj b’mod simboliku kien jieħu d-dnubiet taʼ Iżrael ’il bogħod fix-xagħri.—Isaija 53:4, 5.
Juru l-Ferħ Quddiem Ġeħova
14, 15. X’kien jiġri matul il-Festa taʼ l-Għerejjex, u dan dwar xiex kien ifakkar lill-Iżraelin?
14 Wara Jum l-Espjazzjoni, l-Iżraelin kienu jiċċelebraw il-Festa taʼ l-Għerejjex, l-iktar festa ferriħija tas-sena Lhudija. (Levitiku 23:34-43) Dik il-festa kienet issir mill-15 sal-21 t’Etanim u kienet tintemm b’assemblea solenni fit-22 tax-xahar. Din kienet timmarka t-tmiem tal-ġbir tal-ħsad u dan kien żmien taʼ ringrazzjament għat-tjieba abbundanti t’Alla. Għal din ir-raġuni, Ġeħova qal lil dawk li kienu qed jiċċelebraw il-festa: “Il-Mulej, Alla tiegħek, ibierkek fil-ġabra tiegħek kollha, u f’kull ma jagħmlu jdejk, u tkun tassew ferħan.” (Dewteronomju 16:15) Min jaf kemm dan kien żmien taʼ ferħ!
15 Matul din il-festa, l-Iżraelin kienu joqogħdu ġo l-għerejjex għal sebat ijiem. Huma b’hekk kienu jiġu mfakkrin li darba huma kienu joqogħdu fit-tined ġox-xagħri. Il-festa kienet tagħtihom opportunità kbira biex jirriflettu fuq kemm Ġeħova ħa ħsiebhom bħal missier. (Dewteronomju 8:15, 16) U ladarba lkoll, sinjuri u fqar, kienu joqogħdu f’għerejjex li kienu bħal xulxin, l-Iżraelin kienu jiġu mfakkrin li matul il-festa huma kienu kollha ugwali.—Neħemija 8:14-16.
16. X’kien iffigurat bil-quddiem permezz tal-Festa taʼ l-Għerejjex?
16 Il-Festa taʼ l-Għerejjex kienet festa tal-ħsad, ċelebrazzjoni ferriħija tal-ġbir, u kienet tiffigura bil-quddiem il-ġbir taʼ ferħ taʼ dawk li jeżerċitaw fidi f’Ġesù Kristu. Il-ġbir beda f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., meta l-120 dixxiplu taʼ Ġesù ġew midlukin biex ikunu parti minn “saċerdozju qaddis.” Bħalma l-Iżraelin kienu jgħixu fit-tined għal xi ftit tal-jiem, l-uħud midlukin jafu li m’huma xejn ħlief “residenti temporanji” f’din id-dinja li tinjora lil Alla. It-tama tagħhom hija waħda għas-sema. (1 Pietru 2:5, 11) Dan il-ġbir taʼ Kristjani midlukin jilħaq it-tmiem tiegħu matul dawn “l-aħħar jiem,” meta jinġabru l-aħħar uħud mill-144,000.—2 Timotju 3:1.
17, 18. (a) X’jindika li oħrajn minbarra l-Kristjani midlukin jibbenefikaw mis-sagrifiċċju taʼ Ġesù? (b) Min illum qed jibbenefika mill-Festa taʼ l-Għerejjex antitipika, u din il-festa ferriħija meta se tilħaq il-quċċata tagħha?
17 Taʼ min jinnota li matul din il-festa tal-qedem kienu jiġu offruti 70 barri. (Numri 29:12-34) In-numru 70 jirrappreżenta 7 għal 10 darbiet, numri li fil-Bibbja jirrappreżentaw perfezzjoni tas-sema u taʼ l-art. Għaldaqstant, is-sagrifiċċju taʼ Ġesù se jibbenefika lil uħud leali mis-70 familja li jifformaw l-umanità li tnisslet minn Noè. (Ġenesi 10:1-29) Fi qbil maʼ dan, fi żmienna l-ġbir kiber biex jinkludi individwi mill-ġnus kollha li jeżerċitaw fidi f’Ġesù u li għandhom it-tama li jgħixu fuq art magħmula ġenna.
18 L-appostlu Ġwanni ra f’viżjoni dan il-ġbir taʼ żmienna. L-ewwel hu semaʼ t-tħabbira taʼ l-immarkar bis-siġill taʼ l-aħħar uħud mill-144,000. Imbagħad, hu ra “folla kbira, li ebda bniedem ma setaʼ jgħoddha,” weqfin quddiem Ġeħova, u “f’idejhom kellhom friegħi tal-palm.” Dawn kienu “ħarġu mit-tribulazzjoni l-kbira” għal ġod-dinja l-ġdida. Issa huma wkoll m’huma xejn ħlief residenti temporanji f’din is-sistema qadima, u huma jħarsu ’l quddiem b’fiduċja lejn iż-żmien meta “l-Ħaruf . . . jirgħahom, u jiggwidahom lejn għejun taʼ l-ilmijiet tal-ħajja.” F’dak iż-żmien, “Alla jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom.” (Rivelazzjoni 7:1-10, 14-17) Il-Festa taʼ l-Għerejjex antitipika, jew taʼ żmienna, se tilħaq il-quċċata tagħha meta huma, wara t-tmiem tar-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu, se jingħataw il-ħajja taʼ dejjem flimkien maʼ l-uħud leali rxoxtati.—Rivelazzjoni 20:5.
19. Aħna kif nibbenefikaw meta nikkunsidraw il-festi ċelebrati f’Iżrael?
19 Aħna wkoll nistgħu nkunu ‘tassew ferħanin’ hekk kif nimmeditaw dwar it-tifsir tal-festi Lhud tal-qedem. Tassew nitqanqlu meta nikkunsidraw li Ġeħova pprovda stampa bil-quddiem taʼ kif se titwettaq il-profezija li kienet saret fl-Għeden, u huwa eċċitanti li naraw it-twettiq attwali jseħħ pass pass. Illum, aħna nafu li n-Nisel diġà deher u ġie misħuq f’għarqubu. Issa huwa Sultan fis-sema. Iktar minn hekk, il-maġġuranza mill-midlukin diġà taw prova tal-lealtà tagħhom sal-mewt. X’fadal li jsir? Kemm fadal biex il-profezija titwettaq kompletament? Dan se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss.
[Noti taʼ taħt]
a Nisan jikkorrispondi maʼ Marzu/April tal-kalendarju tagħna taʼ llum.
b F’din l-offerta tat-tixjir taż-żewġ ħobżiet, spiss il-qassis kien iżomm il-ħobżiet f’idejh, jgħolli idejh, u jxejjer il-ħobżiet min-naħa għall-oħra. Dan il-moviment kien jissimbolizza l-preżentazzjoni taʼ l-affarijiet offruti lil Ġeħova bħala sagrifiċċju.—Ara l-Insight on the Scriptures, it-tieni volum, paġna 528, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
c Etanim, jew Tixri, jikkorrispondi maʼ Settembru/Ottubru tal-kalendarju tagħna taʼ llum.
Tistaʼ Tispjega?
• X’kien iffigurat bil-quddiem mill-ħaruf tal-Qbiż?
• Liema ġbir kien iffigurat bil-quddiem mill-Festa taʼ Pentekoste?
• Liema aspetti minn Jum l-Espjazzjoni ppontaw lejn il-mod kif is-sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ġesù jiġi applikat?
• Il-ġbir tal-Kristjani b’liema mod huwa ffigurat bil-quddiem mill-Festa taʼ l-Għerejjex?
[Tabella f’paġna 22]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Ġrajja: Dak li Tiffigura bil-Quddiem:
Il-Qbiż 14 taʼ Nisan Jinqatel L-issagrifikar
il-ħaruf tal-Qbiż taʼ Ġesù
Il-Festa 15 taʼ Nisan Is-Sabat
tal-Ħobż bla Ħmira ◀ 16 taʼ Nisan Jiġi offrut ix-xgħir L-irxoxt taʼ Ġesù◀ (15-21 taʼ Nisan)
50 ġurnata
▸
Il-Festa tal-Ġimgħat (Pentekoste) 6 taʼ Sivan Jiġu offruti żewġ ħobżiet Ġesù ppreżenta lil ħutu midlukin lil Ġeħova
Jum l-Espjazzjoni (Jum it-Tpattija) 10 taʼ Tixri Jiġu offruti għoġol u żewġ bdabad Ġesù offra l-valur taʼ demmu għan-nom tal-bnedmin kollha
Il-Festa taʼ l-Għerejjex (tal-Ġbir, tat-Tabernakli) 15-21 taʼ Tixri L-Iżraelin kienu joqogħdu ferħanin ġo l-għerejjex u jifirħu bil-ħsad, 70 barri jiġu offruti Il-ġbir tal-midlukin u l-“folla kbira”
[Stampi f’paġna 21]
Bħad-demm tal-ħaruf tal-Qbiż, id-demm imxerred taʼ Ġesù jipprovdi salvazzjoni għal ħafna
[Stampi f’paġna 22]
L-ewwel frott tal-ħsad tax-xgħir offrut fis-16 taʼ Nisan iffigura bil-quddiem l-irxoxt taʼ Ġesù
[Stampi f’paġna 23]
Iż-żewġ ħobżiet offruti f’Pentekoste ffiguraw bil-quddiem il-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin
[Stampi f’paġna 24]
Il-Festa taʼ l-Għerejjex iffigurat bil-quddiem il-ġbir ferrieħi taʼ wħud midlukin u taʼ “folla kbira” mill-ġnus kollha