Festi Bħala Plieri fl-Istorja taʼ Iżrael
“Tliet darbiet fis-sena kull raġel f’nofsok għandu jidher quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, fil-post li jkun għażel . . . ; u m’għandux jidher quddiem il-Mulej idu f’idu.”—DEWTERONOMJU 16:16.
1. X’jistaʼ jingħad dwar l-okkażjonijiet taʼ festi fi żminijiet Bibliċi?
X’JIĠI f’moħħok meta taħseb dwar festa? Xi festi fi żmien il-qedem kienu magħrufin għall-ikel u x-xorb żejjed u l-immoralità. L-istess huma xi festi fi żmienna. Imma l-festi mniżżlin fil-Liġi li Alla ta lil Iżrael, kienu differenti. Waqt li kienu okkażjonijiet ferriħin, setgħu wkoll jiġu deskritti bħala “laqgħat imqaddsa.”—Levitiku 23:2.
2. (a) L-irġiel Iżraeliti x’kienu meħtiġin jagħmlu tliet darbiet fis-sena? (b) X’inhi “festa,” skond kif inhi wżata f’Dewteronomju 16:16?
2 Irġiel Iżraeliti leali—taʼ spiss akkumpanjati mill-familji tagħhom—sabu li kien pjaċevoli u rifreskanti li jivvjaġġaw lejn Ġerusalemm, ‘il-post li jkun għażel il-Mulej,’ u huma kkontribwew b’mod ġeneruż għal tliet festi kbar. (Dewteronomju 16:16) Il-ktieb Old Testament Word Studies jiddefinixxi l-kelma Ebrajka tradotta “festa” f’Dewteronomju 16:16 bħala “okkażjoni taʼ ferħ kbir . . . li fiha ġew iċċelebrati xi mumenti straordinarji tal-favur t’Alla permezz taʼ sagrifiċċji u festeġġjar.”a
Il-Valur tal-Festi l-Kbar
3. It-tliet festi annwali jfakkruna f’liema barkiet?
3 Ladarba s-soċjetà tagħhom kienet waħda agrikola, l-Iżraeliti kienu jiddependu fuq il-barka t’Alla f’kemm jibagħtilhom xita. It-tliet festi kbar fil-Liġi Mosajka kienu jaħbtu mal-ġbir tal-ħsad tax-xgħir kmieni fir-rebbiegħa, tal-ħsad tal-qamħ fl-aħħar tar-rebbiegħa, u tal-bqija tal-ħsad fl-aħħar tas-sajf. Dawn kienu okkażjonijiet għal ħafna ferħ u radd il-ħajr għas-Sostenitur taċ-ċiklu tax-xita u Dak li Għamel l-art produttiva. Imma l-festi kienu jinvolvu ħafna iktar minn hekk.—Dewteronomju 11:11-14.
4. Liema ġrajja storika ġiet iċċelebrata permezz taʼ l-ewwel festa?
4 L-ewwel festa kienet issir fl-ewwel xahar tal-kalendarju Bibliku antik, mill-15 sal-21 taʼ Nisan, li jikkorrispondi maʼ l-aħħar parti taʼ Marzu jew il-parti tal-bidu t’April tagħna. Kienet tissejjaħ il-Festa tal-Ħobż Ażżmu, u minħabba li din kienet tiġi immedjatament wara l-Qbiż taʼ l-14 taʼ Nisan, kienet tissejjaħ ukoll il-“festa taʼ l-Għid [“qbiż,” New World Translation].” (Luqa 2:41; Levitiku 23:5, 6) Din il-festa kienet tfakkar lil Iżrael fil-ħelsien tagħhom mit-tbatijiet kbar fl-Eġittu, u l-ħobż ażżmu kien jissejjaħ “ħobż in-niket.” (Dewteronomju 16:3) Dan kien ifakkarhom li l-ħarba tagħhom mill-Eġittu tant kienet taʼ malajr li ma kienx hemm ċans iżidu l-ħmira maʼ l-għaġna tagħhom u jistennewha togħla. (Eżodu 12:34) Matul din il-festa ebda ħobż bil-ħmira ma kellu jinstab f’dar Iżraelita. Kwalunkwe ċelebrant, inkluż xi resident barrani, li kien jiekol ħobż bil-ħmira kellu jiġi kkastigat bil-mewt.—Eżodu 12:19.
5. It-tieni festa għandha mnejn fakkrithom f’liema privileġġ, u min kellu jiġi inkluż fil-ferħ?
5 It-tieni festa kienet issir sebaʼ ġimgħat (49 jum) wara s-16 taʼ Nisan u kienet taħbat fis-6 jum tat-tielet xahar, Sivan, li jikkorrispondi maʼ l-aħħar parti taʼ Mejju tagħna. (Levitiku 23:15, 16) Din kienet tissejjaħ il-Festa tal-Ġimgħat (fi żmien Ġesù, kienet tissejjaħ ukoll Pentekoste, li bil-Grieg ifisser “Il-Ħamsin Wieħed”), u din kienet issir kważi fl-istess żmien tas-sena li fih Iżrael kien daħal fil-patt tal-Liġi biswit il-Muntanja Sinaj. (Eżodu 19:1, 2) Matul din il-festa l-Iżraeliti leali għandhom mnejn immeditaw fuq kemm kien privileġġ li jkunu maqtugħin apparti bħala l-ġens qaddis t’Alla. Il-fatt li kienu l-poplu speċjali t’Alla kien jirrikjedi ubbidjenza lejn il-Liġi t’Alla, bħalma kien il-kmand li jieħdu ħsieb bl-imħabba kollha dawk inqas ixxurtjati sabiex dawn ukoll setgħu jgawdu l-festa.—Levitiku 23:22; Dewteronomju 16:10-12.
6. It-tielet festa dwar liema esperjenza fakkret lin-nies t’Alla?
6 L-aħħar mit-tliet festi kbar annwali kienet tissejjaħ il-Festa tal-Ġbir, jew il-Festa taʼ l-Għerejjex. Din kienet issir fis-sebaʼ xahar, Tixri, jew Etanim, mill-15 sal-21, li jikkorrispondi mal-bidu t’Ottubru tagħna. (Levitiku 23:34) Matul dan iż-żmien, in-nies t’Alla kienu jgħixu barra minn djarhom jew fuq il-bjut tagħhom f’tined (għerejjex) temporanji magħmulin mill-friegħi u l-weraq tas-siġar. Dan fakkarhom fil-vjaġġ t’erbgħin sena mill-Eġittu sa l-Art Imwiegħda, meta bħala ġens kellhom jitgħallmu jistrieħu fuq Alla għall-bżonnijiet tagħhom taʼ kuljum.—Levitiku 23:42, 43; Dewteronomju 8:15, 16.
7. Kif nibbenefikaw milli nagħtu ħarsa lejn iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi f’Iżrael tal-qedem?
7 Ejjew nagħtu ħarsa lejn xi ftit mill-festi li taw prova li kienu plieri fl-istorja tal-poplu tal-qedem t’Alla. Dan għandu jkun inkuraġġanti għalina llum, ladarba aħna wkoll mistednin biex ninġabru flimkien regolarment kull ġimgħa u tliet darbiet fis-sena f’assembleat u konvenzjonijiet kbar.—Lhud 10:24, 25.
Fi Żmien is-Slaten Davidiċi
8. (a) Liema ċelebrazzjoni storika saret fi żmien is-Sultan Salamun? (b) Għal liema quċċata grandjuża tal-Festa taʼ l-Għerejjex antitipika nistgħu aħna nħarsu ’l quddiem?
8 Ċelebrazzjoni storika fi żmien il-Festa taʼ l-Għerejjex seħħet matul ir-renju prosperuż tas-Sultan Salamun, bin David. “Ġemgħa kbira ħafna” nġabret minn truf l-Art Imwiegħda għall-Festa taʼ l-Għerejjex u għad-dedikazzjoni tat-tempju. (2 Kronaki 7:8) Meta kien spiċċa kollox, is-Sultan Salamun qal liċ-ċelebranti li setgħu jmorru, u dawn “bierku lis-sultan u kulħadd mar fl-għarix tiegħu, lkoll ferħana u qalbhom hienja għall-ġid kollu li għamel il-Mulej maʼ David, il-qaddej tiegħu, u maʼ Iżrael, il-poplu tiegħu.” (1 Slaten 8:66) Dik tabilħaqq kienet festa li serviet taʼ plier. Illum, il-qaddejja t’Alla jħarsu ’l quddiem lejn il-quċċata grandjuża tal-Festa antitipika taʼ l-Għerejjex fi tmiem ir-Renju t’Elf Sena taʼ Salamun Akbar, Ġesù Kristu. (Apokalissi 20:3, 7-10, 14, 15) F’dak iż-żmien, in-nies li jkunu qegħdin jgħixu f’kull rokna taʼ l-art, inklużi dawk li jkunu ġew irxoxtati u dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon, se jkunu magħqudin fil-qima ferrieħa t’Alla Jehovah.—Żakkarija 14:16.
9-11. (a) X’kien li wassal biex il-festa fi żmien is-Sultan Ħeżekija tkun plier? (b) Liema eżempju ġie stabbilit minn ħafna wħud mis-saltna taʼ l-għaxar tribujiet tat-Tramuntana, u dan f’liema ħaġa jfakkarna llum?
9 Il-festa l-oħra li tispikka ddokumentata fil-Bibbja bdiet issir wara l-ħakma tas-Sultan mill-agħar Aħaż, li kien għalaq it-tempju u wassal is-saltna taʼ Ġuda għall-apostasija. Is-suċċessur taʼ Aħaż kien is-Sultan tajjeb Ħeżekija. Fl-ewwel sena tar-renju tiegħu, fl-età taʼ 25 sena, Ħeżekija beda programm kbir taʼ restawr u riforma. Hu immedjatament fetaħ it-tempju u għamel arranġamenti biex isirulu tiswijiet. Imbagħad is-sultan bagħat ittri lill-Iżraeliti li kienu jgħixu fis-saltna ostili taʼ l-għaxar tribujiet taʼ Iżrael fit-Tramuntana, u stedinhom biex jiġu u jiċċelebraw il-Qbiż u l-Festa tal-Ħobż Ażżmu. Ħafna marru, avolja sħabhom waqqgħuhom għaċ-ċajt.—2 Kronaki 30:1, 10, 11, 18.
10 Irnexxiet il-festa? Il-Bibbja tirrapporta: “U wlied Iżrael, li kienu jinsabu Ġerusalemm, għamlu l-festa tal-ħobż ażżmu għal sebat ijiem sħaħ b’festi kbar; u kull jum il-Leviti u l-qassisin kienu jfaħħru lill-Mulej b’kemm kellhom saħħa.” (2 Kronaki 30:21) X’eżempju mill-aħjar ħallew dawk l-Iżraeliti għan-nies t’Alla llum, li ħafna minnhom jissaportu oppożizzjoni u jivvjaġġaw distanzi twal biex jattendu l-konvenzjonijiet!
11 Per eżempju, ikkunsidra tliet Konvenzjonijiet Distrettwali “Devozzjoni Lejn Alla” li saru fil-Polonja fl-1989. Fost il-166,518 li attendew kien hemm gruppi kbar minn dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika u minn pajjiżi oħrajn taʼ l-Ewropa tal-Lvant fejn ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah kien f’dak iż-żmien ipprojbit. “Għal xi wħud li attendew dawn il-konvenzjonijiet,” jirrapporta l-ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom,b “din kienet l-ewwel darba li qatt attendew laqgħa kbira fejn kien hemm iktar minn 15 jew 20 min-nies taʼ Jehovah. Qlubhom imtlew bl-apprezzament hekk kif bdew jaraw dawk l-għaxriet t’eluf fl-istedjums, li ngħaqdu magħhom fit-talba, u għaqqdu l-vuċijiet tagħhom f’kant taʼ tifħir lil Jehovah.”—Paġna 279.
12. X’kien li wassal biex il-festa fir-renju tas-Sultan Ġosija tkun plier?
12 Wara l-mewt taʼ Ħeżekija, il-Ġudeani reġgħu waqgħu għall-qima falza taħt is-Slaten Manassi u Amon. Imbagħad wasal ir-renju taʼ sultan tajjeb ieħor, iż-żagħżugħ Ġosija, li aġixxa b’kuraġġ kbir biex jirrestawra l-qima vera. Fl-età taʼ 25 sena, Ġosija ordna biex isiru t-tiswijiet fit-tempju. (2 Kronaki 34:8) Waqt li kienu għaddejjin dawn it-tiswijiet, il-Liġi li kienet miktuba minn Mosè nstabet fit-tempju. Is-Sultan Ġosija kien imqanqal profondament minn dak li qara fil-Liġi t’Alla u għamel arranġamenti biex din tinqara lill-poplu kollu. (2 Kronaki 34:14, 30) Imbagħad, skond ma kien hemm miktub, hu organizza ċelebrazzjoni tal-Qbiż. Is-sultan ta wkoll eżempju mill-aħjar billi kkontribwixxa b’mod ġeneruż għal din l-okkażjoni. Bħala riżultat, il-Bibbja tirrapporta: “Qatt ma saret f’Iżrael festa taʼ l-Għid [“qbiż,” NW] bħal dik sa minn żmien il-profeta Samwel.”—2 Kronaki 35:7, 17, 18.
13. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi fi żmien Ħeżekija u Ġosija fiex ifakkruna llum?
13 Ir-riformi taʼ Ħeżekija u Ġosija huma parallel tar-restawr meraviljuż tal-qima vera li seħħ fost il-Kristjani veri mindu Ġesù tpoġġa fuq it-tron fl-1914. Bħalma seħħ speċjalment fir-riforma li għamel Ġosija, dan ir-restawr taʼ żmienna huwa bbażat fuq dak li hemm miktub fil-Kelma t’Alla. U, b’parallel maʼ żmien Ħeżekija u Ġosija, ir-restawr taʼ żmienna ġie mmarkat minn assembleat u konvenzjonijiet li fihom ġew mogħtijin spjegazzjonijiet eċċitanti taʼ profeziji tal-Bibbja u l-applikar f’waqtu taʼ prinċipji tal-Bibbja. In-numru kbir taʼ dawk li tgħammdu kompla jżid mal-ferħ taʼ dawn l-okkażjonijiet istruttivi. Bħall-Iżraeliti nedmin taʼ żmien Ħeżekija u Ġosija, dawk li għadhom kif tgħammdu abbandunaw il-prattiċi mill-agħar tal-Kristjaneżmu u l-bqija tad-dinja taʼ Satana. Fis-sena 1997 tgħammdu iktar minn 375,000 b’simbolu tad-dedikazzjoni tagħhom lil dak Alla qaddis, Jehovah—medja taʼ iktar minn 1,000 kull ġurnata.
Wara l-Eżilju
14. X’kien li wassal biex il-festa fis-sena 537 Q.E.K. tkun plier?
14 Wara l-mewt taʼ Ġosija, il-ġens reġaʼ lura għall-qima falza degradanti. Eventwalment, fis-sena 607 Q.E.K., Jehovah kkastiga lin-nies tiegħu billi ġab l-armati Babilonjani kontra Ġerusalemm. Il-belt u t-tempju tagħha ġew meqrudin, u l-art saret ħerba. Wara dan ġie l-jasar tal-Lhud għal 70 sena ġewwa Babilonja. Imbagħad Alla reġaʼ ta l-ħajja lil fdal Lhudi niedem, li rritornaw lejn l-Art Imwiegħda biex jirrestawraw il-qima vera. Dawn waslu fil-belt imħarbta taʼ Ġerusalemm fis-sebaʼ xahar tas-sena 537 Q.E.K. L-ewwel ħaġa li għamlu kienet li bnew artal biex joffru sagrifiċċji taʼ kuljum regulari bħalma kien imniżżel fil-patt tal-Liġi. Dan kien preċiż fil-waqt għal ċelebrazzjoni storika oħra. “U għamlu l-festa taʼ l-Għerejjex skond kif inhu miktub.”—Esdra 3:1-4.
15. Liema xogħol kien hemm lest għall-fdal irrestawrat fis-sena 537 Q.E.K., u kif eżistiet sitwazzjoni parallela fl-1919?
15 Kien hemm xogħol kbir lest għal dawk l-eżiljati li rritornaw lura—il-bini mill-ġdid tat-tempju t’Alla u taʼ Ġerusalemm bis-swar tagħha. Kien hemm ħafna oppożizzjoni minn ġirien għajjurin. Waqt li kien qed jinbena t-tempju, kien “jum tal-ħwejjeġ taʼ xejn.” (Żakkarija 4:10) Is-sitwazzjoni kienet parallel mal-kundizzjoni taʼ Kristjani midlukin leali fl-1919. F’dik is-sena memorabbli, huma ġew meħlusin mill-jasar spiritwali taʼ Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. Dawn kienu jgħoddu biss ftit eluf u ffaċċjaw dinja ostili. Kienu l-għedewwa t’Alla se jirnexxilhom iwaqqfu l-avvanz tal-qima vera? It-tweġiba għal dik il-mistoqsija tfakkarna fl-aħħar żewġ ċelebrazzjonijiet taʼ festi ddokumentati fl-Iskrittura Ebrajka.
16. X’kien sinjifikanti dwar festa fis-sena 515 Q.E.K.?
16 Eventwalment, it-tempju ġie mibni mill-ġdid fix-xahar taʼ Adar tas-sena 515 Q.E.K., preċiż fil-waqt għall-festa tar-Rebbiegħa f’Nisan taʼ l-istess sena. Il-Bibbja tirrapporta: “Kollhom ferħana għamlu l-festa taʼ l-Ażżmi għal sebat ijiem, għax il-Mulej kien imliehom bil-ferħ u dawwar lejhom qalb is-sultan taʼ l-Assirja, li għenhom fil-bini tat-tempju taʼ Alla, Alla taʼ Iżrael.”—Esdra 6:22.
17, 18. (a) Liema plier ġie stabbilit minn festa fis-sena 455 Q.E.K.? (b) Kif qegħdin f’sitwazzjoni simili llum?
17 Sittin sena wara, fis-sena 455 Q.E.K., ġie stabbilit plier ieħor. Il-Festa taʼ l-Għerejjex taʼ dik is-sena mmarkat it-tlestija tal-bini mill-ġdid tas-swar taʼ Ġerusalemm. Il-Bibbja tirrapporta: “Il-ġemgħa kollha li kienet reġgħet lura mill-eżilju bniet għerejjex, u għammret fihom; ulied Iżrael ma kinux għamlu dan sa minn żmien Ġożwè bin Nun sa dakinhar. U kien hemm ferħ kbir.”—Neħemija 8:17.
18 X’restawr memorabbli tal-qima vera t’Alla avolja kien hemm oppożizzjoni ħarxa! Is-sitwazzjoni llum hija simili. Minkejja l-mewġ taʼ persekuzzjoni u oppożizzjoni, ix-xogħol grandjuż taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla laħaq sa truf l-art, u l-messaġġi taʼ ġudizzju minn Alla dwew maʼ kullimkien. (Mattew 24:14) L-issiġillar finali taʼ dawk li baqaʼ mill-144,000 midlukin qiegħed joqrob. Iktar minn ħames miljuni minn sħabhom in-“nagħaġ oħra,” ġew miġburin mill-ġnus kollha f’“merħla waħda” mal-fdal midluk. (Ġwann 10:16; Apokalissi 7:3, 9, 10) Xi twettiq meraviljuż taʼ l-istampa profetika tal-Festa taʼ l-Għerejjex! U dan ix-xogħol grandjuż tal-ġbir se jkompli għal ġod-dinja l-ġdida fejn biljuni minn dawk irxoxtati se jiġu mistednin biex jingħaqdu f’li jiċċelebraw il-Festa antitipika taʼ l-Għerejjex.—Żakkarija 14:16-19.
Fl-Ewwel Seklu E.K.
19. X’kien li ġiegħel il-Festa taʼ l-Għerejjex fis-sena 32 E.K. tispikka?
19 Fost l-iktar ċelebrazzjonijiet taʼ festi li jispikkaw iddokumentati fil-Bibbja kien hemm bla dubju dawk li attenda għalihom l-Iben t’Alla, Ġesù Kristu. Per eżempju, ikkunsidra l-attendenza taʼ Ġesù għall-Festa taʼ l-Għerejjex (jew, tat-Tabernakli) fis-sena 32 E.K. Dik l-okkażjoni wżaha biex jgħallem veritajiet importanti u appoġġja dak li għallem billi kkwota mill-Iskrittura Ebrajka. (Ġwann 7:2, 14, 37-39) Karatteristika regulari taʼ din il-festa kienet id-drawwa li jixegħlu erbaʼ kandelabri kbar f’bitħa interna tat-tempju. Dan ikkontribwixxa biex ikomplu jgawdu l-attivitajiet tal-festa wara li jkun dalam sew. Milli jidher, Ġesù alluda għal dawn id-dwal meta qal: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja.”—Ġwann 8:12.
20. Il-Qbiż fis-sena 33 E.K. għala kien jispikka?
20 Imbagħad waslu l-Qbiż u l-Festa tal-Ħobż Ażżmu tas-sena sinjifikanti 33 E.K. F’dak il-Jum tal-Qbiż, Ġesù ġie maqtul mill-għedewwa tiegħu u sar il-Ħaruf antitipiku tal-Qbiż, li miet biex ineħħi “d-dnub tad-dinja.” (Ġwann 1:29; 1 Korintin 5:7) Tlett ijiem wara, fis-16 taʼ Nisan, Alla rxoxta lil Ġesù b’ġisem spirtu immortali. Dan seħħ fl-istess żmien taʼ l-offerta taʼ l-ewwel frott tal-ħsad tax-xgħir bħalma kien preskritt bil-Liġi. B’hekk, il-Mulej Ġesù Kristu rxoxtat sar “l-ewwel frott fost dawk li raqdu [“fil-mewt,” NW].”—1 Korintin 15:20.
21. X’ġara f’Pentekoste tas-sena 33 E.K.?
21 Pentekoste tas-sena 33 E.K. kien verament festa li spikkat. F’dan il-jum ħafna Lhud u proseliti kienu miġburin ġewwa Ġerusalemm, inklużi madwar 120 dixxiplu taʼ Ġesù. Waqt il-festa, il-Mulej Ġesù Kristu rxoxtat ferraʼ l-ispirtu qaddis t’Alla fuq il-120. (Atti 1:15; 2:1-4, 33) Huma b’hekk ġew midlukin u saru l-ġens ġdid magħżul t’Alla permezz tal-patt il-ġdid li l-medjatur tiegħu kien Ġesù Kristu. Matul dik il-festa l-qassis il-kbir Lhudi offra lil Alla żewġ ħobżiet bil-ħmira magħmulin mill-ewwel frott tal-ħsad tal-qamħ. (Levitiku 23:15-17) Dawn il-ħobżiet bil-ħmira jagħtu stampa tal-144,000 bniedem imperfett li Ġesù ‘kiseb għal Alla’ biex jaqdu bħala “Saltna u Qassisin, li għad isaltnu fuq l-art.” (Apokalissi 5:9, 10; 14:1, 3) Il-fatt li dawn il-ħakkiema tas-sema ġejjin minn żewġ fergħat taʼ l-ispeċi umana midinba, Lhud u Ġentili, jistaʼ jiġi wkoll irrappreżentat miż-żewġ ħobżiet bil-ħmira.
22. (a) Il-Kristjani għala ma jiċċelebrawx il-festi tal-patt tal-Liġi? (b) X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
22 Meta l-patt il-ġdid beda jopera f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., dan kien ifisser li l-patt il-qadim tal-Liġi kien spiċċa milli jkun taʼ valur f’għajnejn Alla. (2 Korintin 3:14; Lhud 9:15; 10:16) Dan ma jfissirx li l-Kristjani midlukin huma mingħajr liġi. Dawn qegħdin taħt il-liġi divina mgħallma minn Ġesù Kristu u miktuba fi qlubhom. (Galatin 6:2) Għalhekk, it-tliet festi annwali, billi huma parti mill-patt il-qadim tal-Liġi, ma jiġux iċċelebrati mill-Kristjani. (Kolossin 2:16, 17) Minkejja dan, nistgħu nitgħallmu ħafna mill-attitudni li l-qaddejja t’Alla taʼ qabel Kristu kellhom lejn il-festi u l-laqgħat l-oħrajn għall-qima. Fl-artiklu li jmiss, se nikkunsidraw xi eżempji li bla dubju se jqanqlu lilna lkoll biex napprezzaw il-ħtieġa li nkunu regulari fl-attendenza tagħna għal-laqgħat Kristjani.
[Noti taʼ taħt]
a Ara wkoll l-Insight on the Scriptures, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., l-Ewwel Volum, paġna 820, l-ewwel kolonna, paragrafi 1 u 3, taħt “Festival.”
b Ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Mistoqsijiet bħala Reviżjoni
◻ Liema skop kellhom it-tliet festi kbar taʼ Iżrael?
◻ Liema ħaġa kkaratterizzat il-festi taʼ żmien Ħeżekija u Ġosija?
◻ Liema plier ġie ċċelebrat fis-sena 455 Q.E.K., u għala huwa inkuraġġanti għalina?
◻ X’kien sinjifikanti dwar il-Qbiż u Pentekoste tas-sena 33 E.K.?
[Kaxxa f’paġna 12]
Tagħlima mill-Festi Għalina Llum
Dawk kollha li jridu jibbenefikaw b’mod dejjiemi mis-sagrifiċċju taʼ Ġesù li jpatti għad-dnubiet iridu jgħixu f’armonija maʼ dak li huwa ffigurat mill-Festa tal-Ħobż Ażżmu. Din il-festa antitipika hija ċ-ċelebrazzjoni ferrieħa li Kristjani midlukin jagħmlu minħabba li ġew illiberati minn din id-dinja mill-agħar u nħelsu mill-kundanna tad-dnub permezz tar-rahan taʼ Ġesù. (Galatin 1:4; Kolossin 1:13, 14) Il-festa litterali kienet iddum sebat ijiem—numru wżat fil-Bibbja biex jissimbolizza kompletezza spiritwali. Il-festa antitipika ddum għall-perijodu komplet li l-kongregazzjoni midluka Kristjana ddum fuq l-art u trid tiġi ċċelebrata bis-‘safa u s-sewwa.’ Dan ifisser li nkunu għassa l-ħin kollu għall-ħmira figurattiva. Fil-Bibbja l-ħmira hija wżata biex tagħti stampa taʼ tagħlim korrott, ipokresija, u ħażen. L-adoraturi veri taʼ Jehovah jridu juru mibegħda għal ħmira bħal din, billi ma jħalluhiex tikkorrompilhom l-istess ħajjithom u ma jħalluhiex tħassar il-purità tal-kongregazzjoni Kristjana.—1 Korintin 5:6-8; Mattew 16:6, 12.
[Stampa f’paġna 9]
Qatta mill-ħsad ġdid tax-xgħir kienet tiġi offruta kull sena fis-16 taʼ Nisan, il-jum li fih Ġesù ġie rxoxtat
[Stampa f’paġna 10]
Ġesù setaʼ alluda għad-dwal tal-festa meta sejjaħ lilu nnifsu “d-dawl tad-dinja”