Dan Għala Jagħmluh?
KULL sena x-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja jinġabru bl-eluf f’konvenzjonijiet. Hemmhekk, huma jgawdu sħubija u jisimgħu programm eċċellenti taʼ istruzzjoni mill-Bibbja. Xi wħud jagħmlu sforzi kbar biex jattendu dawn il-konvenzjonijiet. Is-sena l-oħra, per eżempju, fil-Malawi koppja li kellhom madwar ħamsa u sittin sena, flimkien maʼ binhom, martu, u t-tarbija, ivvjaġġaw 50 mil bir-rota biex jattendu konvenzjoni. Huma telqu mill-villaġġ tagħhom fis-sitta taʼ fil-għodu u waslu fil-post tal-konvenzjoni 15-il siegħa wara.
Fil-Możambik, grupp ivvjaġġaw tlett ijiem bir-rota biex jaslu għal konvenzjoni. Lejl wieħed, waqt li kienu kkampjati fil-beraħ, semgħu xi ljuni jgħajtu fil-qrib. Għalkemm tefgħu ħatab imqabbad bin-nar fid-direzzjoni taʼ l-annimali, l-iljuni baqgħu fil-viċinanzi sas-sebħ. Xhud ieħor li kien qiegħed jivvjaġġa lejn l-istess konvenzjoni ġie wiċċ imbwiċċ maʼ ljun fit-triq. Hu qagħad kwiet mingħajr ma ċċaqlaq sakemm l-iljun telaq ’l hemm. Fil-konvenzjoni dawn ix-Xhieda b’mod hieni qalu kif huma kienu ġew ‘meħlusin minn ħalq l-iljun.’—2 Timotju 4:17.
Ħafna mix-Xhieda taʼ Jehovah jagħmlu sforzi kbar biex jattendu l-konvenzjonijiet jew saħansitra l-laqgħat taʼ kull ġimgħa tal-kongregazzjoni għall-qima. Għala? L-artikli li ġejjin se jgħinuk biex tifhem għala li ninġabru flimkien hu daqstant importanti.