Ieqfu Sħaħ u b’Konvinzjoni Soda
Konvenzjonijiet Ferriħin—Prova tal-Fratellanza Tagħna
MINKEJJA li għandu ħamsin sena u saħħtu hija dgħajfa, wara li qattaʼ kważi sena l-ħabs inġustament, Joseph F. Rutherford irid itir bil-ferħ. Mimli enerġija, hu jġorr il-bagalji u jgħin lill-aħwa Kristjani jsibu l-kmamar tagħhom fil-lukanda. Tnejn minn sħabu li kienu l-ħabs miegħu—Studenti tal-Bibbja bħalu—qed jagħtu ċ-ċwievet tal-kmamar lill-folla enormi li qed tistenna akkomodazzjoni. Dan jibqaʼ sejjer sa tard wara nofsillejl. Kulħadd jittieħed mill-ispirtu t’entużjażmu li hemm. X’inhi l-okkażjoni?
Is-sena hija l-1919, u l-Istudenti tal-Bibbja (illum magħrufin bħala x-Xhieda taʼ Jehovah) qed jirkupraw wara perijodu taʼ persekuzzjoni ħarxa. Sabiex jerġgħu jqumu fuq saqajhom, huma jagħmlu konvenzjoni f’Cedar Point, Ohio, fl-Istati Uniti taʼ l-Amerika, mill-1 sat-8 taʼ Settembru, 1919. Fl-aħħar ġurnata tal-konvenzjoni, il-ġemgħa taʼ 7,000 ruħ tismaʼ b’ħeġġa u b’attenzjoni hekk kif Ħuna Rutherford jinkuraġġixxi lil kulmin hu preżenti bil-kliem: “Int ambaxxatur tas-Sultan tas-slaten u taʼ Sid is-sidien, li tħabbar lin-nies . . . is-saltna glorjuża taʼ Sidna.”
Il-konvenzjonijiet ilhom isiru sa minn żmien Iżrael tal-qedem fost in-nies taʼ Jehovah. (Eżodu 23:14-17; Luqa 2:41-43) Dawn il-laqgħat kienu jkunu okkażjonijiet taʼ ferħ, li kienu jgħinu lil kulmin kien ikun preżenti biex iżomm il-Kelma t’Alla f’moħħu. Bl-istess mod, il-konvenzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah fi żmienna jiffokaw fuq miri spiritwali. Għal osservaturi sinċieri, dawn il-laqgħat taʼ ferħ huma prova ċara li x-Xhieda huma magħqudin b’rabta soda taʼ fratellanza Kristjana.
Sforz biex Jattendu
Il-Kristjani taʼ żmienna jirrikonoxxu li l-konvenzjonijiet huma okkażjonijiet fejn huma jiġu msaħħin spiritwalment u mgħallmin mill-Kelma t’Alla. Għalihom dawn il-laqgħat kbar huma essenzjali biex jgħinuhom ‘jieqfu sħaħ u b’konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla.’ (Kolossin 4:12, NW) Għaldaqstant, ix-Xhieda jappoġġaw dawn il-laqgħat b’qalbhom kollha, u jagħmlu sforzi kbar biex jattendu għalihom.
Xi wħud jeħtieġ juru fidi u jegħlbu ostakli kbar biex sempliċement ikunu preżenti għal dawn il-konvenzjonijiet. Per eżempju, ikkunsidra waħda Xhud imdaħħla fiż-żmien fl-Awstrija. Għalkemm għandha d-dijabete u trid tittaqqab kuljum bl-insulina, hi kienet deċiża li tattendi l-ġranet kollha tal-konvenzjoni distrettwali f’pajjiżha. Fl-Indja, għal ċertu familja kbira taʼ Xhieda kien diffiċli ħafna li jattendu għall-konvenzjoni minħabba l-faqar estrem tagħhom. Waħda mill-membri tal-familja rat kif għamlet biex tgħin. Hi qalet: “Billi ma ridtx li nitilfu din l-okkażjoni, begħt l-imsielet tad-deheb tiegħi biex ikollna l-flus għall-vjaġġ. M’għandi l-ebda ndiema għas-sagrifiċċju li għamilt, għax l-assoċjazzjoni u l-esperjenzi qawwewlna l-fidi tagħna.”
F’Papwa-Ginea l-Ġdida, grupp taʼ persuni interessati u mhux mgħammdin kienu determinati li jattendu għall-konvenzjoni distrettwali fil-belt kapitali. Huma marru fuq wieħed raġel fir-raħal tagħhom li kellu karozza għat-trasport pubbliku, u staqsewh kemm kienet tiġihom biex jiħodhom għall-konvenzjoni. L-ammont li talabhom kien iktar milli setgħu jħallsu, u għalhekk huma ftehmu miegħu biex jagħmlulu xi xogħol fid-dar u jirranġawlu l-kċina. B’hekk huma setgħu jmorru għall-konvenzjoni distrettwali u jibbenefikaw mill-programm kollu.
Id-distanza m’hijiex xi problema diffiċli ħafna għal dawk ix-Xhieda taʼ Jehovah li jkunu determinati li jattendu għall-konvenzjoni. Fl-1978, delegat żagħżugħ mill-Polonja għamel vjaġġ taʼ 1,200 kilometru bir-rota f’sitt ijiem sabiex jattendi għall-konvenzjoni f’Lille, fi Franza. Matul is-sajf taʼ l-1997, żewġ Xhieda mill-Mongolja vvjaġġaw 1,200 kilometru biex jattendu laqgħa Kristjana f’Irkutsk, ir-Russja.
Il-Fratellanza Vera fl-Azzjoni
L-unità u l-fratellanza murijin mix-Xhieda fil-konvenzjonijiet tagħhom jidhru ċar daqs il-kristall għal dawk l-uħud li jħarsu lejn ix-Xhieda mingħajr preġudizzju. Ħafna baqgħu impressjonati bil-fatt li fost dawk li jattendu l-konvenzjoni m’hemm l-ebda favoritiżmu u li saħansitra fost dawk li għandu mnejn qed jiltaqgħu għall-ewwel darba teżisti affezzjoni ġenwina.
Waqt konvenzjoni internazzjonali li saret dan l-aħħar fl-Awstralja, wieħed mill-gwidi turistiċi li għamel ġimgħa jdawwar id-delegati li ġew għall-konvenzjoni ried jibqaʼ magħhom ftit ieħor, għax kien qed jieħu gost bil-kumpanija tagħhom. Hu baqaʼ mistagħġeb bl-imħabba u bl-unità bejniethom. Ma setax jemmen kif marru daqshekk tajjeb flimkien, minkejja li ħafna minnhom ma kinux jafu lil xulxin. Meta wasallu ż-żmien biex jitlaqhom, hu talab l-attenzjoni tagħhom. Filwaqt li indirizzahom bħala “ħuti,” hu beda jirringrazzjahom imma ma setax ikompli, għaliex telgħetlu għoqla fi griżmejh u beda jibki.
Fl-1997, fi Sri Lanka saret l-ewwel konvenzjoni distrettwali bi tliet lingwi differenti fi stejdjum kbir. Il-programm kollu ġie preżentat fl-istess ħin bl-Ingliż, bis-Singaliż, u bit-Tamil. F’dinja fejn l-inkwiet etniku qiegħed kulma jmur dejjem jiżdied, laqgħa bħal din bejn tliet gruppi taʼ lingwi differenti ma setgħetx ma tiġix notata. Pulizija staqsa lil wieħed mill-aħwa: “Min organizzaha din il-konvenzjoni—is-Singaliżi, it-Tamili, jew l-Ingliżi?” “L-ebda grupp,” wieġeb il-ħu. “Dan qegħdin nagħmluh ilkoll flimkien.” Il-pulizija ma riedx jemmen. Meta t-tliet gruppi ngħaqdu flimkien għat-talba taʼ l-għeluq u b’leħen wieħed, li dewa maʼ l-istejdjum kollu, qalu “Amen,” dawk preżenti għall-konvenzjoni nfexxew iċapċpu. Ma kienx hemm persuna li ma qabżitilhiex xi demgħa. Iva, il-konvenzjonijiet huma tabilħaqq okkażjonijiet taʼ ferħ li jagħtu prova tal-fratellanza tagħna.—Salm 133:1.a
[Nota taʼ taħt]
a Ara paġni 66-77, 254-82 tal-ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.