Il-Gradwati taʼ Gilgħad Jirċievu Istruzzjonijiet li Jmissu l-Qalb
FID-9 TAʼ SETTEMBRU, 2006, saret il-gradwazzjoni tal-121 klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) fiċ-Ċentru Edukattiv tal-Watchtower f’Patterson, New York. Il-programm kien wieħed li jqawwi l-qalb.
Geoffrey Jackson, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova, fetaħ il-programm billi ta merħba lis-56 gradwat u lill-udjenza internazzjonali taʼ 6,366 ruħ. Hu kkunsidra Salm 86:11, li jgħid: “Urini, Mulej, triqatek, biex nimxi fis-sewwa tiegħek; agħtini qalb waħda, biex ikolli l-biżaʼ taʼ ismek.” Ħuna Jackson semma tliet affarijiet li huma enfasizzati f’dan il-vers. Hu qal: “Fl-ewwel parti, naraw l-istruzzjoni; fit-tieni parti, naraw kif għandna napplikawha; u fit-tielet parti, naraw il-motivazzjoni. Dawn it-tliet affarijiet huma speċjalment importanti għalikom il-missjunarji hekk kif tmorru fl-inkarigi tagħkom.” Imbagħad hu introduċa serje taʼ taħditiet u intervisti li enfasizzaw it-tliet affarijiet.
Kliem taʼ Istruzzjoni li Jqawwi l-Qalb
William Malenfant, membru taʼ l-istaff tal-kwartieri ġenerali, ikkunsidra t-tema “L-Aqwa Ħajja Possibbli.” Hu ġibed l-attenzjoni lejn l-eżempju taʼ Marija, oħt Marta. Darba minnhom, meta Ġesù kien qed iżurhom f’darhom, Marija għażlet li tpoġġi ħdejn saqajh ħalli toqgħod tisimgħu, u din għamlitha l-prijorità tagħha. Ġesù qal lil Marta: “Marija għażlet l-aħjar sehem, u mhux se jittiħdilha.” (Luqa 10:38-42) “Aħsbu ftit dwar dan,” qal il-kelliem. “Għall-eternità kollha Marija se tiftakar li hi poġġiet ħdejn saqajn Ġesù u tat widen f’diskussjoni ras imbras miegħu għal veritajiet spiritwali meraviljużi—dan kollu minħabba li għamlet għażla tajba.” Wara li faħħar lill-gradwati għall-għażliet spiritwali tajbin li għamlu, hu qal: “L-għażliet tagħkom wasslukom għall-aqwa ħajja possibbli.”
Imbagħad, Anthony Morris, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna, żviluppa t-tema “Ilbsu l-Mulej Ġesù Kristu,” ibbażata fuq Rumani 13:14. Kif nistgħu nagħmluh dan? Ħuna Morris ipponta lejn in-nota taʼ taħt taʼ dan il-vers fil-Bibbja bir-Referenzi li tgħid: “Imita l-manjieri tal-Mulej.” Allura dan ifisser li nimitaw l-eżempju u l-attitudni taʼ Ġesù. “Ġesù għen lis-semmiegħa tiegħu jħossuhom komdi,” qal il-kelliem, “għaliex hu kellu interess sinċier fihom, u huma setgħu jħossuh dan.” Imbagħad, il-kelliem ikkunsidra kif l-istudenti kisbu ħafna għarfien fil-korsijiet tagħhom taʼ Gilgħad, “sabiex tkunu tistgħu tifhmu bis-sħiħ . . . il-wisaʼ u t-tul u l-għoli u l-fond” tal-verità, bħalma jgħid Efesin 3:18. Imma hu fakkarhom dwar vers 19, li jkompli jgħid: “U tkunu tafu l-imħabba tal-Kristu li tisboq l-għarfien.” Ħuna Morris ħeġġeġ lill-istudenti: “Hekk kif tkomplu tagħmlu l-istudju persunali tagħkom, immeditaw dwar kif tistgħu timitaw il-mogħdrija kollha mħabba taʼ Kristu u ‘ilbsu’ tassew il-‘Mulej Ġesù Kristu.’”
Parir taʼ l-Aħħar mill-Għalliema taʼ l-Iskola
It-taħdita taʼ wara ngħatat minn Wallace Liverance, għalliem fl-Iskola taʼ Gilgħad, li kellu t-tema bbażata fuq Proverbji 4:7. Hu qal li waqt li l-għerf t’Alla huwa l-iktar ħaġa importanti, aħna rridu wkoll ‘niksbu d-dehen,’ jew il-fehma, li jinvolvi li ngħaqqdu flimkien fatti iżolati u mbagħad, naraw kif inhuma marbutin flimkien sabiex niksbu t-tifsira tal-kwistjoni. Il-kelliem wera li l-fatt li niksbu d-dehen iġibilna l-ferħ. Per eżempju, fi żmien Neħemija, il-Leviti ‘fiehmu l-liġi’ (Saydon) u “spjegaw il-qari.” Wara dan, il-poplu kompla “jagħmel festa b’ferħ kbir, għax kien fehem dak kollu li kienu għallmuh.” (Neħemija 8:7, 8, 12, korsiv tagħna.) Ħuna Liverance kkonkluda: “Il-ferħ jirriżulta mill-fehma tal-Kelma t’Alla li hija ispirata mill-ispirtu.”
“Min Tassew Hu l-Għadu Tiegħek?” kienet it-tema li kkunsidra Mark Noumair, għalliem ieħor fl-Iskola taʼ Gilgħad. Fi gwerra, għadd mhux ħażin taʼ suldati jinqatlu minn sparar taʼ l-armata tagħhom stess, jintlaqtu mill-istess forzi li jkunu qed jaqdu magħhom. “Xi ngħidu għall-gwerra spiritwali li ninsabu fiha aħna?” staqsa hu. “Jekk ma noqogħdux attenti, se nitfixklu dwar min hu tassew l-għadu tagħna u nweġġgħu lit-truppi tagħna stess.” L-għira tistaʼ tħawwad lil xi wħud. Din ġagħlet lis-Sultan Sawl jipprova joqtol lil David, aduratur taʼ l-istess twemmin, meta fir-realtà l-Filistin kienu l-għedewwa. (1 Samwel 18:7-9; 23:27, 28) Imbagħad, il-kelliem kompla: “Xi ngħidu jekk taqdu maʼ missjunarju li jispikka f’ħafna affarijiet? Se tweġġgħu lis-suldat imsieħeb magħkom bi kliem kritiku, jew se taċċettaw il-fatt li oħrajn se jkunu aqwa minnkom f’diversi aspetti? Jekk niffokaw fuq l-imperfezzjonijiet taʼ l-oħrajn nistgħu biss inħawdu lilna nfusna dwar min hu tassew l-għadu tagħna. Iġġieldu lil dak li hu tassew l-għadu, Satana.”
Esperjenzi Sbieħ u Intervisti Informattivi
Il-parti li jmiss, “Agħmel ix-Xogħol t’Evanġelizzatur,” ngħatat minn Lawrence Bowen, għalliem fl-iskola taʼ Gilgħad, u kien fiha wkoll xi intervisti u esperjenzi. Hu spjega li nota taʼ taħt tat-2 Timotju 4:5 fil-Bibbja bir-Referenzi għall-iskrittura tgħid, agħmel ix-xogħol “taʼ missjunarju.” Il-kelliem żied: “Dan hu tassew xieraq, għaliex ix-xogħol prinċipali taʼ missjunarju mħarreġ f’Gilgħad hu li jxerred l-aħbar tajba, u din il-klassi għamlet dan kulfejn setgħet issib in-nies.” Imbagħad, ġew reċtati xi esperjenzi sbieħ.
Imbagħad, fil-programm kien hemm żewġ partijiet wara xulxin li saru minn Michael Burnett u Scott Shoffner, it-tnejn membri tal-familja taʼ Betel. Huma intervistaw lil xi membri mill-Kumitat tal-Fergħa taʼ l-Awstralja, il-Barbados, il-Korea, u l-Uganda. Il-kummenti tal-membri tal-kumitat urew kemm isir sforz kbir biex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-missjunarji, inkluż li jiġi provdut post adegwat fejn jgħixu u li tingħata attenzjoni lil saħħithom. Il-membri tal-kumitat enfasizzaw li l-missjunarji li jirnexxu huma lesti li jadattaw ruħhom għaċ-ċirkustanzi lokali.
Konklużjoni li Tqanqal u Timmotiva
It-taħdita prinċipali tal-programm kienet it-taħdita “Ibżgħu minn Alla u Agħtuh Glorja,” preżentata minn John E. Barr, li ilu żmien twil jaqdi bħala membru tal-Ġemgħa li Tiggverna. Hu kkunsidra Rivelazzjoni 14:6, 7, li jgħid: “Rajt anġlu ieħor itir f’nofs is-sema, u kellu aħbar tajba taʼ dejjem biex ixandarha bħala bxara taʼ ferħ lil dawk li jgħammru fuq l-art, u lil kull ġens u tribù u lsien u poplu, u qal b’leħen għoli: ‘Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja, għax waslet is-siegħa biex jagħmel il-ġudizzju.’”
Ħuna Barr ħeġġeġ lill-istudenti biex jiftakru tliet affarijiet dwar dak l-anġlu. L-ewwel, hu kellu jxandar l-aħbar tajba taʼ dejjem, li Kristu issa qed jaħkem bl-awtorità sħiħa tas-Saltna. Il-kelliem qal: “Aħna konvinti għalkollox li hu ngħata t-tron fl-1914. Allura din il-bxara taʼ ferħ trid tiġi proklamata maʼ l-art kollha.” It-tieni, l-anġlu qal: “Ibżgħu minn Alla.” Il-kelliem spjega li l-gradwati għandhom bżonn jgħallmu lill-istudenti tal-Bibbja tagħhom biex jiżviluppaw riverenza lejn Alla ħalli ma jagħmlu xejn li ma jogħġbux. It-tielet, l-anġlu kkmanda: ‘Agħtu glorja lil Alla.’ Il-kelliem ħeġġeġ lill-istudenti: “Tinsew qatt li aħna naqdu għall-glorja t’Alla, mhux tagħna stess.” Imbagħad meta kien qed jiddiskuti dwar “is-siegħa biex jagħmel il-ġudizzju,” Ħuna Barr qal: “Baqaʼ biss ftit żmien sakemm jitlissen l-aħħar ġudizzju. Hemm il-ħajjiet involuti. Ħafna wħud fit-territorji tagħna għad għandhom bżonn jisimgħu l-messaġġ taʼ l-aħbar tajba qabel ma jkun tard wisq.”
B’dan il-kliem jidwi f’widnejhom, is-56 gradwat ngħataw id-diplomi tagħhom u ntbagħtu sa truf l-art. Il-qlub tal-gradwati u taʼ dawk kollha li attendew tassew intlaqtu mill-pariri li jmissu l-qalb li rċivew f’dan il-jum pjaċevoli.
[Kaxxa f’paġna 17]
STATISTIKI TAL-KLASSI
Numru taʼ pajjiżi rappreżentati: 6
Numru taʼ pajjiżi li ġew assenjati fihom: 25
Numru taʼ studenti: 56
Età medja: 35.1
Medja taʼ snin fil-verità: 18.3
Medja taʼ snin fil-ministeru full-time: 13.9
[Stampa f’paġna 18]
Il-121 Klassi li Ggradwat mill-Iskola taʼ Gilgħad
Fil-lista t’hawn taħt, ir-ringieli huma nnumerati minn quddiem għal wara, u l-ismijiet f’kull ringiela huma mniżżlin mix-xellug għal-lemin.
(1) Fox, Y.; Kunicki, D.; Wilkinson, S.; Kawamoto, S.; Consolandi, G.; Mayen, C. (2) Santiago, N.; Clancy, R.; Fischer, M.; de Abreu, L.; Davis, E. (3) Hwang, J.; Hoffman, D.; Wridgway, L.; Ibrahim, J.; Dabelstein, A.; Bakabak, M. (4) Peters, M.; Jones, C.; Ford, S.; Parra, S.; Rothrock, D.; Tatlot, M.; Perez, E. (5) de Abreu, F.; Kawamoto, S.; Ives, S.; Burdo, J.; Hwang, J.; Wilkinson, D. (6) Fox, A.; Bakabak, J.; Cichowski, P.; Forier, C.; Mayen, S.; Consolandi, E.; Wridgway, W. (7) Parra, B.; Perez, B.; Tatlot, P.; Santiago, M.; Ibrahim, Y.; Kunicki, C. (8) Burdo, C.; Cichowski, B.; Ives, K.; Ford, A.; Rothrock, J.; Hoffman, D.; Davis, M. (9) Peters, C.; Dabelstein, C.; Jones, K.; Clancy, S.; Fischer, J.; Forier, S.