Ġrajjiet Importanti fil-Produzzjoni taʼ Bibbji b’Lingwi Afrikani
QARREJJA sinċieri tal-Bibbja, mill-Ewropa u mill-Amerika taʼ Fuq, għal żmien twil raw li kien hemm bżonn li l-Afrikani jkunu jistgħu jaqraw il-Kelma t’Alla bil-lingwi tagħhom. Sabiex iwettqu dan l-att nobbli, ħafna rġiel marru l-Afrika biex jitgħallmu xi lingwi Afrikani. Xi wħud ħolqu forma miktuba taʼ xi lingwi u pproduċew dizzjunarji. Wara dan, huma bdew jittraduċu l-Bibbja b’ħafna lingwi Afrikani differenti. Din ma kinitx biċċa xogħol faċli. “Wieħed li jittraduċi għandu mnejn jieħu s-snin ifittex sakemm isib it-terminu xieraq għal xi konċett Kristjan li jkun sempliċi ħafna imma fundamentali ħafna,” jispjega The Cambridge History of the Bible.
Fl-1857, il-poplu tat-Tswana kien taʼ l-ewwel biex ikollu traduzzjoni tal-Bibbja b’waħda mil-lingwi taʼ l-Afrika li qabel ma kinux jinkitbu.a Din kienet stampata u llegata f’sezzjonijiet, mhux bħala ktieb wieħed. Maż-żmien, it-traduzzjonijiet tal-Bibbja bdew jidhru b’lingwi Afrikani oħrajn. Ħafna minn dawn it-traduzzjonijiet Afrikani bikrin kellhom l-isem t’Alla, Ġeħova, kemm fl-Iskrittura Ebrajka, jew it-“Testment il-Qadim,” kif ukoll fl-Iskrittura Griega Kristjana, jew it-“Testment il-Ġdid.” Madankollu, reviżjonijiet u traduzzjonijiet ġodda saru minn individwi li ma kinux jirrispettaw l-isem qaddis taʼ l-Awtur tal-Bibbja, Ġeħova. Minflok, huma segwew it-tradizzjoni superstizzjuża tal-Lhud billi bidlu l-isem divin maʼ titli, bħalma huma Alla jew Mulej. Għalhekk, feġġ il-bżonn għal dawk li jħobbu ’l Alla fl-Afrika biex ikollhom traduzzjoni tal-Bibbja li fiha tpoġġa lura l-isem divin.
Sa mis-snin tmenin, il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova għamlet sforz kollettiv biex in-New World Translation of the Holy Scriptures tiġi tradotta b’għadd taʼ lingwi Afrikani ewlenin. Fi żmien qasir, din il-Bibbja li tinftiehem faċilment bdiet tiġi tradotta b’lingwi ewlenin oħrajn mill-punent, miċ-ċentru, kif ukoll min-nofsinhar taʼ l-Afrika. B’riżultat taʼ dan, illum mijiet t’eluf taʼ wħud li jħobbu l-Bibbja fl-Afrika jistgħu jaqraw in-New World Translation bi lsien pajjiżhom. S’issa, in-New World Translation, kemm sħiħa u kemm parti minnha, hija disponibbli fi 17-il lingwa mitkellma fil-pajjiżi Afrikani.
Qarrejja taʼ dawn il-Bibbji b’lingwi Afrikani huma ferħanin ħafna li għandhom traduzzjoni li tuża l-isem glorjuż t’Alla, Ġeħova. Per eżempju, meta Ġesù qam biex jitkellem fis-sinagoga f’Nazaret, hu ħabbar l-inkarigu tiegħu billi qara silta mill-iskroll taʼ Isaija, fejn jidher l-isem taʼ Missieru. (Isaija 61:1, 2, NW) Skond l-Evanġelju taʼ Luqa, kif inhu mniżżel fin-New World Translation, Ġesù qal: “L-ispirtu taʼ Ġeħova qiegħed fuqi, għax Hu dilikni biex inxandar l-aħbar tajba lill-foqra, bagħatni nippriedka l-ħelsien lill-imjassrin u l-għoti tad-dawl lill-għomja, biex neħles lill-imgħakksin, biex nippriedka s-sena tal-favur mingħand Ġeħova.”—Luqa 4:18, 19.
Ġrajja oħra sinifikanti fil-produzzjoni taʼ Bibbji b’lingwi Afrikani seħħet f’Awissu taʼ l-2005. Matul dak ix-xahar, iktar minn 76,000 kopja tan-New World Translation b’lingwi mitkellma fl-Afrika ġew stampati u llegati fil-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Afrika t’Isfel. Inkluż maʼ dan in-numru kien hemm 30,000 Bibbja bil-lingwa Shona. Din l-edizzjoni ħarġet fil-Konvenzjonijiet “Ubbidjenza Lejn Alla” tax-Xhieda taʼ Ġeħova fiż-Żimbabwe.
Matul dak ix-xahar memorabbli, dawk li żaru l-fergħa taʼ l-Afrika t’Isfel kienu ferħanin se jtiru meta raw il-produzzjoni taʼ Bibbji b’lingwi Afrikani oħrajn. “Kemm kont ferħan u eċċitat li kelli l-privileġġ nieħu sehem fil-produzzjoni tan-New World Translation bil-lingwa Shona u b’lingwi Afrikani oħrajn,” qal Nhlanhla, membru tal-familja taʼ Betel li jaħdem fix-xogħol taʼ llegar. Tabilħaqq, hu jesprimi s-sentimenti tal-familja taʼ Betel kollha kemm hi fl-Afrika t’Isfel.
Issa, Bibbji ġodda għan-nies fl-Afrika se jaslu iktar malajr u se jkunu iktar ekonomiċi minn meta kienu jiġu prodotti barra mill-pajjiż u trasportati minn hemm. Iktar importanti minn hekk, issa l-Afrikani għandhom disponibbli traduzzjoni iktar eżatta li tuża l-isem qaddis taʼ l-Awtur grandjuż tal-Bibbja, Alla Ġeħova.
[Nota taʼ taħt]
a Sa l-1835, il-Bibbja kienet ġiet tradotta bil-lingwa mitkellma fil-Madagaskar, u sa l-1840, il-lingwa taʼ l-Amariku, mitkellma fl-Etjopja. Dawn il-lingwi eżistew fil-forma miktuba ħafna qabel ma l-Bibbja ġiet tradotta bihom.
[Stampi f’paġna 12]
L-isem divin fil-Bibbja bil-lingwa taʼ Tswana pubblikata fl-1840
[Sors f’paġna 12]
Harold Strange Library of African Studies
[Stampa f’paġna 13]
Viżitaturi minn Sważiland jaraw Bibbji ġodda li qed jiġu prodotti fil-fergħa taʼ l-Afrika t’Isfel