LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 3/1 pp. 8-12
  • Nistenna Saltna li “Mhix Parti Minn Din id-Dinja”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nistenna Saltna li “Mhix Parti Minn Din id-Dinja”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Irvell!
  • Pressjoni biex Ningħaqdu fl-​Irvell
  • F’Pożizzjoni Perikoluża
  • Tibda t-​Taqbida
  • Ħadna Waqfa Soda għas-​Saltna
  • Grata li Naqdi lil Ġeħova, Anki Matul il-Provi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Bl-Għajnuna taʼ Ġeħova, Bqajna Ħajjin taħt Reġimi Totalitarji
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Alla M’Huwiex Parzjali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 3/1 pp. 8-12

Bijografija

Nistenna Saltna li “Mhix Parti Minn Din id-​Dinja”

KIF RAKKONTATA MINN NIKOLAI GUTSULYAK

Għal 41 jum u lejl, sibt ruħi f’nofs irvell ġo ħabs. F’daqqa waħda, waqt li kont rieqed, qomt maħsud mir-​raqda bl-​isparar tal-​kanuni. It-​tankijiet tal-​gwerra u s-​suldati baqgħu deħlin fil-​kamp tal-​priġunieri, jattakkaw lill-​priġunieri. Ħajti kienet fil-​periklu.

KIF spiċċajt f’din is-​sitwazzjoni? Ħalli nispjega. Din il-​ġrajja seħħet fl-​1954. Dak iż-​żmien kelli 30 sena. Bħal ħafna mix-​Xhieda taʼ Ġeħova li kienu jgħixu taħt ir-​reġim Sovjetiku, jien ġejt mitfugħ il-​ħabs talli żammejt ruħi newtrali fi kwistjonijiet politiċi u talli tkellimt m’oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla. Il-​grupp tagħna taʼ Xhieda fil-​ħabs kien jikkonsisti f’46 raġel u 34 mara. Konna miżmumin f’kamp tax-​xogħol viċin ir-​raħal taʼ Kengir fil-​Kazakastan ċentrali. Hemmhekk konna ngħixu flimkien m’eluf taʼ priġunieri oħrajn.

Joseph Stalin, mexxej taʼ l-​Unjoni Sovjetika, kien miet is-​sena taʼ qabel. Ħafna priġunieri kienu ttamaw li r-​reġim il-​ġdid f’Moska kien se jismaʼ l-​ilmenti tagħhom dwar il-​kundizzjonijiet ħorox tal-​ħabs. L-​iskuntentizza tal-​priġunieri fl-​aħħar żbroffat fi rvell ġol-​ħabs. Matul il-​konflitt li seħħ wara, aħna x-​Xhieda kellna ninformaw lir-​ribelli rrabjati bil-​pożizzjoni tagħna u wkoll nispjegaw il-​waqfa tagħna lill-​għassiesa militari. Sabiex aħna nieħdu din il-​pożizzjoni newtrali kien hemm bżonn taʼ fidi f’Alla.

Irvell!

Fis-​16 taʼ Mejju beda l-​irvell fil-​kamp tal-​priġunieri. Jumejn wara, iktar minn 3,200 priġunier irrifjutaw li jmorru jaħdmu, u talbu għal kundizzjonijiet aħjar fil-​kamp u għal ċerti drittijiet tal-​priġunieri politiċi. L-​affarijiet ġraw f’ħakka t’għajn. L-​ewwel, ir-​ribelli ġagħlu lill-​għassiesa joħorġu ’l barra mill-​kamp. Imbagħad, għamlu fetħiet fil-​fildiferru li kien imdawwar bih il-​ħabs. Wara dan, huma ġarrfu l-​ħitan li kienu jifirdu s-​sala taʼ l-​irġiel mis-​sala tan-​nisa, u ħolqu kwartieri fejn il-​priġunieri kienu jgħixu kollha flimkien. Fil-​jiem eċċitanti taʼ wara, xi wħud mill-​priġunieri saħansitra żżewġu, b’ċerimonji tat-​tieġ immexxijin minn qassisin li wkoll kienu l-​ħabs. Fit-​tliet swali tal-​kamp fejn seħħ l-​irvell, il-​maġġorparti mill-​14,000 priġunier ħadu sehem fl-​irvell.

Ir-ribelli organizzaw kumitat tal-​kamp biex jinnegozjaw mal-​militar. Madankollu, malajr qamu xi argumenti fost il-​membri tal-​kumitat, u l-​kontroll tal-​kamp spiċċa f’idejn l-​uħud l-​iktar fanatiċi. L-​atmosfera saret saħansitra iktar aggressiva. Il-​mexxejja taʼ l-​irvell organizzaw dipartiment tas-​sigurtà, dipartiment tal-​militar, u dipartiment tax-​xandir biex iżommu “l-​ordni.” Il-​mexxejja użaw loudspeakers li kienu mpoġġijin fuq arbli madwar il-​kamp biex ixandru messaġġi jaħarqu, u jżommu spirtu taʼ ribelljoni jbaqbaq. Ir-​ribelli żammew lil oħrajn milli jaħarbu, ikkastigaw lil dawk li opponewhom, u ddikjaraw li kienu lesti li joqtlu lil min ma kinux se japprovaw. Kien hemm xnigħat li xi wħud mill-​priġunieri kienu diġà ġew maqtulin.

Minħabba li r-​ribelli basru li kien se jkun hemm attakk militari, huma għamlu tħejjijiet bir-​reqqa biex jiddefendu ruħhom. Sabiex ikunu ċerti li jkun hemm kemm jistaʼ jkun priġunieri li jkunu lesti ħalli jiddefendu l-​kamp, il-​mexxejja ordnaw lill-​priġunieri kollha biex ikunu armati. Sabiex jagħmlu dan, il-​priġunieri qaċċtu l-​istaneg tal-​ħadid mit-​twieqi u għamlu skieken u armi oħrajn mill-​metall. Huma saħansitra rnexxielhom iġibu xkubetti u splussivi.

Pressjoni biex Ningħaqdu fl-​Irvell

F’dak iż-​żmien, resqu fuqi żewġ ribelli. Wieħed minnhom ħareġ sikkina li kien għadu kemm sinnha. “Ħudha!” ikkmandani hu. “Se jkollok bżonnha għall-​protezzjoni.” Tlabt lil Ġeħova fis-​skiet biex jgħinni nibqaʼ kalm. Jien wiġibtu: “Jien Kristjan, wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Jien u Xhieda oħrajn qegħdin il-​ħabs għax niġġieldu, mhux kontra n-​nies, iżda kontra l-​forzi taʼ l-​ispirti inviżibbli. L-​armi tagħna kontrihom huma l-​fidi li għandna u t-​tama tagħna fis-​Saltna t’Alla.”​—Efesin 6:​12.

B’sorpriża għalija, ir-​raġel mejjel rasu b’sinjal li fehemni. Madankollu, ir-​raġel l-​ieħor sawwatni bl-​aħrax. Imbagħad telqu. Ir-​ribelli marru minn kwartieri għal kwartieri, jipprovaw iġagħlu lix-​Xhieda jingħaqdu fl-​irvell. Iżda ħutna l-​Kristjani rġiel u nisa kollha rrifjutaw.

Il-pożizzjoni newtrali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova ġiet diskussa waqt laqgħa tal-​kumitat taʼ l-​irvell. “Il-​membri tar-​reliġjonijiet kollha​—Pentekostali, Avventisti, Battisti, u l-​oħrajn kollha​—qed jingħaqdu fl-​irvell. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova biss irrifjutaw,” qalu huma. “X’se nagħmlu bihom?” Xi ħadd issuġġerixxa li jitfgħu Xhud wieħed ġol-​forn tal-​ħabs biex ibeżżgħuna. Iżda wieħed raġel, li qabel kien jaqdi bħala uffiċjal militari, priġunier li kien rispettat mill-​oħrajn, qam bil-​wieqfa u qal: “Dan m’huwiex għaqli. Irridu nibagħtuhom kollha ġol-​kwartieri f’tarf il-​kamp, maġenb il-​kanċell. B’hekk, jekk l-​armata tattakkana bit-​tankijiet tal-​gwerra, ix-​Xhieda jkunu taʼ l-​ewwel li jiġu maqtulin. U aħna ma nkunux ħatjin għall-​qtil tagħhom.” L-​oħrajn aċċettaw is-​suġġeriment tiegħu.

F’Pożizzjoni Perikoluża

Il-​priġunieri ma damux wisq ma bdew jimxu madwar il-​kamp jgħajtu, “Xhieda taʼ Ġeħova, oħorġu!” Imbagħad, ġabruna flimkien u ħaduna lejn il-​kwartieri f’tarf il-​kamp​—konna 80 ruħ. Huma kaxkru s-​sodod ’il barra mill-​kwartieri biex joħolqu iżjed spazju ġewwa u ordnawlna biex nidħlu. Dawn il-​kwartieri saru l-​ħabs tagħna ġol-​ħabs innifsu.

Sabiex ikollna ftit privatezza, l-​aħwa nisa Kristjani fil-​grupp tagħna ħietu xi lożor flimkien, u użajniehom biex nifirdu l-​kwartieri f’żewġ sezzjonijiet​—waħda għall-​irġiel u l-​oħra għan-​nisa. (Iktar tard, Xhud fir-​Russja għamel tpinġija taʼ dawn il-​kwartieri, li tidher hawn taħt.) Meta konna qed ngħixu f’dawn il-​kwartieri żgħar, aħna spiss konna nitolbu lil Ġeħova flimkien biex jagħtina l-​għerf u “l-​qawwa iktar min-​normal.”​—2 Korintin 4:7.

Matul dak iż-​żmien kollu, aħna konna qegħdin f’pożizzjoni perikoluża bejn ir-​ribelli u l-​armata Sovjetika. Ħadd minna ma kien jaf x’se jagħmlu minn ħin għall-​ieħor iż-​żewġ partijiet. “Toqogħdux tipprovaw taqtgħu x’se jiġri,” ħeġġiġna wieħed ħu Kristjan leali mdaħħal fiż-​żmien. “Ġeħova m’huwiex se jabbandunana.”

L-għeżież aħwa Kristjani nisa​—kemm żgħar kif ukoll kbar—urew sabar li ma bħalu. Waħda minnhom kellha madwar 80 sena u kellha bżonn ħafna għajnuna. Oħrajn kienu morda u kellhom bżonn taʼ l-​attenzjoni medika. Matul dak iż-​żmien, il-​bibien tal-​kwartieri kellhom jibqgħu miftuħin sabiex ir-​ribelli setgħu jgħassu fuqna kontinwament. Bil-​lejl, kienu jidħlu xi priġunieri armati fil-​kwartieri. Xi drabi konna nisimgħuhom jgħidu, “Is-​Saltna t’Alla rieqda.” Matul il-​ġurnata, meta kienu jħalluna mmorru fil-​kamra taʼ l-​ikel tal-​kamp, dejjem konna noqogħdu flimkien u nitolbu li Ġeħova jipproteġina minn irġiel vjolenti.

Fil-kwartieri, ipprovajna nappoġġaw lil xulxin spiritwalment. Per eżempju, spiss xi ħu kien jirrakkonta xi silta mill-​Bibbja, b’leħen għoli biżżejjed biex aħna nisimgħuh. Imbagħad hu kien japplika r-​rakkont għaċ-​ċirkustanzi tagħna. Wieħed ħu mdaħħal fiż-​żmien kien iħobb b’mod speċjali jitkellem dwar l-​armata taʼ Gidgħon. “F’isem Ġeħova, 300 raġel bl-​istrumenti tal-​mużika f’idejhom iġġieldu kontra 135,000 suldat armat,” fakkarna hu. “It-​300 raġel kollha rritornaw bla ma weġġgħu.” (Mħallfin 7:​16, 22; 8:​10) Dan l-​eżempju Bibliku, flimkien m’oħrajn, tana s-​saħħa spiritwali. Jien ma kontx ilni li sirt Xhud, iżda l-​fidi qawwija li rajt taʼ dawk l-​aħwa rġiel u nisa taʼ iktar esperjenza inkuraġġietni ferm. Ħassejt li Ġeħova kien verament magħna.

Tibda t-​Taqbida

Għaddew il-​ġimgħat, u t-​tensjoni fil-​kamp bdiet tiżdied. In-​negozjati bejn ir-​ribelli u l-​awtoritajiet bdew isiru iktar intensi. Il-​mexxejja taʼ l-​irvell insistew li l-​gvern ċentrali f’Moska jibgħat rappreżentant biex jiltaqaʼ magħhom. L-​awtoritajiet talbu li r-​ribelli jirrassenjaw ruħhom, iċedu l-​armi, u jmorru lura għax-​xogħol. Kull naħa rrifjutat li tagħmel kompromess. Sa dak iż-​żmien, il-​kamp kien iċċirkondat mill-​forzi militari lesti biex jattakkaw maʼ l-​ewwel kmand. Anki r-​ribelli kienu lesti biex jiġġieldu, u ħejjew il-​barrikati u ħażnu l-​armi. Kulħadd kien qed jistenna li l-​konflitt finali bejn l-​armata u l-​priġunieri jseħħ minn ħin għall-​ieħor.

Fis-26 taʼ Ġunju ġejna mqajmin mill-​isparaturi bla waqfien u li jtarrxu tal-​kanuni. It-​tankijiet tal-​gwerra bdew iġarrfu u jgħaffġu l-​fildiferru u daħlu ġol-​kamp. Dawn ġew segwiti minn mewġ taʼ truppi t’attakki militari li bdew jisparaw bil-​maxinganns. Il-​priġunieri​—irġiel u nisa​—bdew jiġru lejn it-​tankijiet tal-​gwerra li kienu resqin lejhom u jgħajtu kemm jifilħu u jgaraw il-​ġebel, il-​bombi li kienu għamlu huma stess, u kwalunkwe ħaġa oħra li setgħet tiġi taħt idejhom. Kien hemm taqbida ħarxa, u aħna x-​Xhieda nqbadna proprju f’nofsha. Ġeħova kif kien se jwieġeb it-​talb tagħna għall-​għajnuna?

F’daqqa waħda, is-​suldati daħlu jiġru fil-​kwartieri tagħna. “Oħorġu minn hemm, intom il-​qaddisin!” bdew jgħajtu. “Iġru, oħorġu ’l barra mill-​fildiferru!” L-​uffiċjal li kien inkarigat, ordna lis-​suldati biex ma jisparawlniex iżda biex joqogħdu magħna u jipproteġuna. Hekk kif it-​taqbida kompliet tisħon, aħna poġġejna bil-​qiegħda fuq medda art kollha ħaxix ’il barra mill-​kamp. Għal erbaʼ sigħat sħaħ smajna splużjonijiet, sparaturi, twerżiq, u krib ġej minn ġol-​kamp. Imbagħad, waqaʼ s-​skiet. Iktar tard, maż-​żerniq taʼ fil-​għodu, rajna s-​suldati jġorru l-​mejtin ’il barra mill-​kamp. Sirna nafu li mijiet taʼ nies ġew feruti jew kienu mietu.

Iktar tard dakinhar, ġie fuqna uffiċjal li kont nafu. Bi kburija hu staqsieni: “Allura, Nikolai, min salvakom? Aħna jew Ġeħova?” Aħna rringrazzjajnieh sinċerament talli kien salvalna ħajjitna u għednielu wkoll, “Aħna nemmnu li Ġeħova, l-​Alla tagħna li jistaʼ kollox, qanqalkom biex issalvawna bħalma qanqal lil oħrajn biex isalvaw lill-​qaddejja tiegħu fi żminijiet Bibliċi.”​—Esdra 1:​1, 2.

L-istess uffiċjal spjegalna wkoll kif is-​suldati kienu jafu min konna u fejn konna qed noqogħdu. Hu qal li matul waħda mis-​sessjonijiet tan-​negozjati bejn il-​militar u r-​ribelli, il-​militar akkuża lir-​ribelli li kien qatel lill-​priġunieri li ma kinux jappoġġawhom. Bħala difiża, ir-​ribelli wieġbu li x-​Xhieda taʼ Ġeħova ma pparteċipawx fl-​irvell iżda ma nqatlux. Minflok, bħala kastig, ix-​Xhieda kollha ġew mitfugħin il-​ħabs f’wieħed mill-​kwartieri. L-​uffiċjali tal-​militar ħadu nota taʼ din l-​istqarrija.

Ħadna Waqfa Soda għas-​Saltna

Aleksandr Solzhenitsyn, awtur Russu magħruf sew, fil-​ktieb tiegħu The Gulag Archipelago, isemmi r-​ribelljoni tal-​ħabs li esperjenzajna aħna. Dwar din il-​ġrajja, hu kiteb li l-​irvell beda minħabba li, bħalma qal hu, “aħna ridna l-​libertà, naturalment, . . . iżda min setaʼ jagħtihielna?” Bħala Xhieda taʼ Ġeħova fl-​istess kamp tal-​priġunieri, aħna wkoll ixxennaqna għal-​libertà. Madankollu, mhux biss libertà mill-​ħabs iżda anki libertà li s-​Saltna t’Alla biss tistaʼ tipprovdi. Meta aħna konna l-​ħabs, konna nafu li kellna bżonn is-​saħħa minn Alla biex nibqgħu sodi fuq in-​naħa tas-​Saltna tiegħu. U Ġeħova pprovdielna dak kollu li kellna bżonn. Hu tana r-​rebħa mingħajr l-​użu tas-​skieken jew tal-​grenejds.​—2 Korintin 10:3.

“Is-​saltna tiegħi mhix parti minn din id-​dinja,” qal Ġesù Kristu lil Pilatu. “Kieku s-​saltna tiegħi kienet parti minn din id-​dinja, il-​qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu.” (Ġwanni 18:36) Għalhekk, bħala segwaċi taʼ Kristu, aħna ma ħadniex sehem fit-​taqbid politiku. Konna ferħanin li matul u wara l-​irvell, il-​lealtà tagħna lejn is-​Saltna t’Alla kienet evidenti f’għajnejn l-​oħrajn. Dwar il-​kondotta tagħna matul dak iż-​żmien, Solzhenitsyn kiteb: “Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ħassewhom liberi li josservaw ir-​regoli tagħhom b’mod strett u rrifjutaw li jibnu xi swar jew li joqogħdu għassa.”

Għaddew iktar minn 50 sena mindu seħħew dawn il-​ġrajjiet taʼ taqlib. Madankollu, jien spiss inħares lura lejn dawk iż-​żminijiet bi gratitudni għaliex tgħallimt lezzjonijiet siewja, bħal per eżempju li tistenna lil Ġeħova u tafda bis-​sħiħ fid-​driegħ setgħan tiegħu. Iva, bħal ħafna Xhieda għeżież oħrajn f’dik li kienet l-​Unjoni Sovjetika, jien esperjenzajt kemm Ġeħova verament jipprovdi libertà, protezzjoni, u ħelsien lil dawk li jistennew Saltna li “mhix parti minn din id-​dinja.”

[Stampi f’paġna 9]

Il-​kamp tax-​xogħol fil-​Kazakastan fejn konna priġunieri

[Stampa f’paġna 10]

It-​tpinġija tal-​kwartieri tax-​Xhieda, is-​sezzjoni tan-​nisa

[Stampa f’paġna 11]

Flimkien m’aħwa Kristjani rġiel eżatt wara li ġejna meħlusin

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja