LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 3/1 pp. 5-7
  • Kif Tidentifika l-Qima Vera

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tidentifika l-Qima Vera
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Ktieb dwar l-​Imħabba
  • Kif Tagħraf lin-​Nies li Jħobbu lil Alla
  • Fittex il-​Qima Vera
  • Ħobb lill-Alla li Jħobbok
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Issaħħaħ Permezz taʼ l-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • L-imħabba—Kwalità prezzjuża
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Tħallix imħabbtek tibred
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 3/1 pp. 5-7

Kif Tidentifika l-​Qima Vera

ĦAFNA mir-​reliġjonijiet jistqarru li dak li jgħallmu ġej minn Alla. Għaldaqstant, nagħmlu tajjeb jekk nisimgħu mill-​kliem taʼ Ġwanni, l-​appostlu taʼ Ġesù, li kiteb: “Maħbubin, temmnux kull espressjoni mnebbħa, imma għarblu l-​espressjonijiet imnebbħin biex taraw jekk joriġinawx minn Alla, għax dehru ħafna profeti foloz fid-​dinja.” (1 Ġwanni 4:1) Aħna kif nistgħu neżaminaw xi ħaġa biex naraw jekk hijiex ġejja minn Alla?

Dak kollu li jiġi minn Alla jirrifletti l-​personalità tiegħu, speċjalment l-​imħabba, il-​kwalità predominanti tiegħu. Per eżempju, is-​sens tax-​xamm tagħna, li jippermettilna li nieħdu pjaċir bir-​riħa tal-​ħwawar, tal-​fjuri, jew tal-​ħobż li jkun għadu ħiereġ mill-​forn, huwa espressjoni taʼ l-​imħabba t’Alla. L-​abbiltà tagħna li naraw inżul ix-​xemx, xi farfett, jew it-​tbissima taʼ xi tifel ċkejken, tirrifletti l-​imħabba t’Alla għalina. L-​istess jistaʼ jingħad dwar l-​abbiltà tagħna li nisimgħu xi mużika ħelwa, xi għasfur jgħanni, jew il-​leħen taʼ xi ħadd għażiż għalina. Anki n-​natura umana tagħna, għalkemm imperfetta, tirrifletti l-​imħabba t’Alla. Għal din ir-​raġuni aħna spiss nesperjenzaw kemm hu veru kliem Ġesù: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) Aħna nieħdu pjaċir nesprimu l-​imħabba għax aħna magħmulin “fuq xbihat Alla.” (Ġenesi 1:​27) Għalkemm Ġeħova għandu ħafna iktar kwalitajiet, l-​imħabba hija l-​iktar aspett li jispikka tal-​personalità tiegħu.

Kitbiet li jiġu minn Alla għandhom jirriflettu l-​imħabba tiegħu. Ir-​reliġjonijiet tad-​dinja għandhom ħafna kitbiet antiki. Kitbiet bħal dawn kemm jirnexxilhom jirriflettu l-​imħabba t’Alla?

Il-verità hi li ħafna kitbiet reliġjużi tal-​qedem ftit jispjegaw dwar kif Alla jħobbna jew kif aħna nistgħu nħobbu lil Alla. Għalhekk, miljuni taʼ nies ma jirċievu l-​ebda tweġiba meta huma jistaqsu, “Għala għad hawn it-​tbatija u l-​ħażen minkejja li naraw evidenza taʼ l-​imħabba t’Alla fil-​ħolqien?” Il-​Bibbja, mill-​banda l-​oħra, hija l-​unika kitba reliġjuża antika li tispjega bis-​sħiħ l-​imħabba t’Alla. Din tgħallimna wkoll kif nipprattikaw l-​imħabba.

Il-​Ktieb dwar l-​Imħabba

Il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, tirrivela lil Ġeħova bħala “l-​Alla taʼ l-​imħabba.” (2 Korintin 13:11) Il-​Bibbja tiddeskrivi kif l-​imħabba qanqlet lil Ġeħova biex jagħti ħajja ħielsa mill-​mard u mill-​mewt lill-​ewwel bnedmin. Iżda r-​ribelljoni kontra l-​awtorità t’Alla ġabet it-​tbatija fuq l-​umanità. (Dewteronomju 32:​4, 5; Rumani 5:​12) Ġeħova aġixxa biex jirrestawra dak li ntilef. Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:​16) L-​Iskrittura Mqaddsa turina l-​imħabba t’Alla saħansitra iżjed meta din tiddeskrivi kif Alla pprovda gvern perfett b’Ġesù bħala l-​ħakkiem biex jirrestawra l-​paċi lill-​umanità ubbidjenti.​—Danjel 7:​13, 14; 2 Pietru 3:​13.

Il-Bibbja tiġbor fil-​qosor l-​obbligu tal-​bniedem f’dan il-​kliem: “‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-​akbar u l-​ewwel kmandament. It-​tieni jixbhu u hu dan, ‘Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ Fuq dawn iż-​żewġ kmandamenti żżomm il-​Liġi kollha.” (Mattew 22:​37-​40) Il-​Bibbja tistqarr li hija ispirata minn Alla. Minħabba li b’mod ċar tirrifletti l-​personalità tiegħu, aħna nistgħu nkunu ċerti li din ġejja mill-​“Alla taʼ l-​imħabba.”​—2 Timotju 3:​16.

Billi napplikaw dan il-​prinċipju, aħna nistgħu nidentifikaw liema kitbiet antiki huma verament minn Alla. L-​imħabba tidentifika wkoll lill-​aduraturi veri, għax huma jimitaw lil Alla meta juru mħabba.

Kif Tagħraf lin-​Nies li Jħobbu lil Alla

Dawk li verament iħobbu lil Alla jispikkaw, partikolarment issa li qed ngħixu f’dawk li l-​Bibbja ssejħilhom l-​“aħħar jiem.” In-​nies qed isiru iktar u iktar “iħobbu lilhom infushom, iħobbu l-​flus, . . . iħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.”​—2 Timotju 3:​1-4.

Kif tistaʼ tagħrafhom lin-​nies li jħobbu lil Alla? Il-​Bibbja tgħid: “L-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu.” (1 Ġwanni 5:3) L-​imħabba għal Alla tqanqal lin-​nies biex jirrispettaw il-​livelli morali tal-​Bibbja. Per eżempju, il-​Kelma t’Alla għandha liġijiet dwar is-​sess u ż-​żwieġ. Ir-​relazzjonijiet sesswali huma permessi biss fiż-​żwieġ, u ż-​żwieġ għandu jkun wieħed permanenti. (Mattew 19:9; Ebrej 13:4) Meta mara fi Spanja li studjat it-​teoloġija attendiet laqgħa fejn ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu qed jistudjaw bil-​ħerqa l-​liġijiet morali tal-​Bibbja, hi kkummentat: “Wara l-​laqgħa ħassejtni msaħħa, mhux biss bit-​tagħlim tat-​taħditiet Skritturali iżda anki bl-​għaqda li teżisti fost dawn in-​nies, bil-​morali għoljin li għandhom, u bil-​kondotta mill-​aqwa tagħhom.”

Minbarra l-​imħabba li għandhom għal Alla, il-​Kristjani veri huma faċilment identifikati mill-​mod kif juru l-​imħabba għall-​proxxmu. L-​iktar xogħol importanti li għandhom hu li jitkellmu m’oħrajn dwar l-​unika tama li għandhom il-​bnedmin, is-​Saltna t’Alla. (Mattew 24:14) Xejn ma jistaʼ jġib iktar benefiċċji dejjiema lill-​proxxmu tagħhom mill-​għajnuna li jingħataw biex jiksbu għarfien dwar Alla. (Ġwanni 17:3) Ukoll, il-​Kristjani veri juru mħabbithom b’modi oħrajn. Huma jagħtu għajnuna prattika lil dawk li jkunu qed ibatu. Per eżempju, meta terremot ikkaġuna diżastru fl-​Italja, gazzetta lokali rrapportat li x-​Xhieda taʼ Ġeħova “jaħdmu b’mod prattiku billi jagħtu daqqa t’id lil dawk li jkunu qed ibatu, mingħajr ma jinkwetaw dwar liema reliġjon iħaddnu.”

Minbarra li jħobbu lil Alla u lill-​proxxmu, il-​Kristjani veri jħobbu lil xulxin. Ġesù qal: “Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin. B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.”​—Ġwanni 13:​34, 35.

Hija l-​imħabba li l-​Kristjani veri għandhom għal xulxin differenti b’mod li jispikka? Ema, mara li xogħolha hu fit-​tindif tad-​djar, hekk taħseb. Hi taħdem f’La Paz, il-​Bolivja, fejn id-​differenzi etniċi spiss jifirdu s-​sinjuri mill-​fqar. Hi qalet: “L-​ewwel darba li mort laqgħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, rajt raġel liebes pulit bil-​qiegħda jitkellem maʼ mara Indjana. Qatt ma kont rajt ħaġa bħal din qabel. F’dak il-​mument, indunajt li dawn żgur li huma l-​poplu t’Alla.” B’mod simili, mara żagħżugħa mill-​Brażil jisimha Miriam qalet: “Ma kontx naf kif inkun ferħana, lanqas fil-​familja tiegħi. L-​ewwel darba li rajt l-​imħabba fl-​azzjoni kienet fost ix-​Xhieda taʼ Ġeħova.” Fl-​Istati Uniti, wieħed direttur taʼ l-​aħbarijiet fuq stazzjon televiżiv kiteb: “Jekk iżjed nies jgħixu bil-​mod taʼ kif timxi r-​reliġjon tagħkom, dan in-​nazzjon ma jkunx fis-​sitwazzjoni li jinsab fiha bħalissa. Jien wieħed li naqra l-​aħbarijiet u bħala tali naf li l-​organizzazzjoni tagħkom hija bbażata fuq l-​imħabba u l-​fidi qawwija fil-​Ħallieq.”

Fittex il-​Qima Vera

L-​imħabba hija karatteristika li tispikka tal-​qima vera. Ġesù xebbah is-​sejba tal-​qima vera mas-​sejba tat-​triq it-​tajba u l-​għażla biex timxi fiha. Hija l-​unika triq li twassal għall-​ħajja taʼ dejjem. Ġesù qal: “Idħlu mill-​bieb id-​dejjaq; għax wiesgħa u spazjuża hi t-​triq li tieħu għall-​qerda, u ħafna jgħaddu minnha; filwaqt li dejjaq hu l-​bieb u mħarbta hi t-​triq li tieħu għall-​ħajja, u ftit huma dawk li jsibuha.” (Mattew 7:​13, 14) Grupp wieħed biss taʼ Kristjani veri jimxi f’unjoni m’Alla fit-​triq tal-​qima vera. Għalhekk, huwa importanti liema reliġjon tagħżel. Jekk issib din it-​triq u tagħżel li timxi fiha, int se tkun sibt l-​aqwa mod taʼ ħajja għaliex din hija t-​triq taʼ l-​imħabba.​—Efesin 4:​1-4.

Immaġina x’ferħ jistaʼ jkollok meta timxi fit-​triq tal-​qima vera! Huwa bħallikieku tkun qed timxi m’Alla. Mingħand Alla tistaʼ titgħallem l-​għerf u l-​imħabba sabiex tgawdi relazzjonijiet tajbin m’oħrajn. Mingħandu tistaʼ titgħallem dwar l-​iskop tal-​ħajja u tkun tistaʼ tifhem il-​wegħdi t’Alla u jkollok tama għall-​futur. Int qatt ma se jiddispjaċik li tkun fittixt il-​qima vera.

[Stampa f’paġna 5]

Fost il-​kitbiet reliġjużi antiki, il-​Bibbja biss tirrivela l-​imħabba t’Alla

[Stampi f’paġna 7]

Il-​Kristjani veri jintgħarfu għaliex jipprattikaw l-​imħabba

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja