Fidi fil-Profeziji tal-Bibbja Tippreserva l-Ħajja
ĠESÙ kien sejjer mit-tempju f’Ġerusalemm għall-aħħar darba meta wieħed mid-dixxipli tiegħu stqarr: “Għalliem, ara! X’ġebel u x’bini dan!” Il-ġens Lhudi kien kburi ħafna bit-tempju u kien iqisu bħala teżor. Madankollu, Ġesù wieġeb: “Qed tarah dan il-bini kbir? Żgur li hawnhekk ma titħalliex ġebla fuq oħra li ma tiġġarrafx.”—Marku 13:1, 2.
Il-ħsieb biss ukoll huwa inkredibbli! Xi wħud mill-ġebel tat-tempju hu enormi. Barra minn hekk, dak li Ġesù jgħid dwar it-tempju jirreferi għall-qerda taʼ Ġerusalemm u forsi anki tal-ġens Lhudi kollu kemm hu, li t-tempju hu ċ-ċentru tal-qima tiegħu. Għalhekk, id-dixxipli taʼ Ġesù jkomplu biex jistaqsuh: “Għidilna, Dan meta se jseħħ, u x’se jkun is-sinjal taʼ meta dan kollu għandu jintemm?”—Marku 13:3, 4.
Ġesù wissa: ‘Għadu mhux it-tmiem.’ L-ewwelnett, id-dixxipli kellhom jisimgħu dwar gwerer, terremoti, ġuħ, u mard li jittieħed f’post wara l-ieħor. Imbagħad, ġrajjiet drammatiċi kellhom jixħtu lill-ġens Lhudi f’diżastru kbir immens, iva, “tribulazzjoni kbira.” Però, Alla kellu jintervieni biex isalva “l-magħżulin,” jiġifieri, il-Kristjani leali. Kif?—Marku 13:7; Mattew 24:7, 21, 22; Luqa 21:10, 11.
Irvell Kontra Ruma
Għaddew tmienja u għoxrin sena, u l-Kristjani f’Ġerusalemm kienu għadhom qed jistennew it-tmiem. L-Imperu Ruman kien mifni bi gwerer, terremoti, ġuħ, u mard li jittieħed. (Ara l-kaxxa f’paġna 9.) Il-Lhudija kienet il-qalba taʼ taqbid ċivili u etniku. Madankollu, fis-sigurtà tas-swar taʼ Ġerusalemm, kien hemm xi ftit paċi. In-nies kienu jieklu, jaħdmu, jiżżewġu, u jkollhom it-tfal, bħalma dejjem kienu għamlu. Il-preżenza tat-tempju enormi ġagħlet lin-nies iħossuhom li l-belt kienet stabbli u dejjiema.
Madwar is-sena 61 E.K., il-Kristjani f’Ġerusalemm irċivew ittra mill-appostlu Pawlu. Hu faħħarhom għas-sabar tagħhom imma kien konċernat li xi wħud fil-kongregazzjoni taw l-impressjoni li s-sens t’urġenza tagħhom naqas. Uħud mill-Kristjani kienu qed jiżvijaw spiritwalment jew jonqsu mill-maturità Kristjana. (Ebrej 2:1; 5:11, 12) Pawlu ħeġġiġhom: “Għalhekk, tarmux il-libertà tal-kelma li għandkom . . . Għax ‘ftit ferm’ baqaʼ, u ‘dak li ġej jasal u ma jiddawwarx.’ ‘Imma l-ġust tiegħi jgħix minħabba l-fidi,’ u, ‘jekk jerġaʼ lura, ruħi ma tiħux pjaċir bih.’” (Ebrej 10:35-38) Parir f’waqtu tabilħaqq! Imma kienu l-Kristjani se jeżerċitaw fidi u jibqgħu għassa għat-twettiq tal-profezija taʼ Ġesù? Kien it-tmiem taʼ Ġerusalemm verament fil-qrib?
Matul il-ħames snin taʼ wara, il-kundizzjonijiet f’Ġerusalemm bil-mod il-mod marru għall-agħar. Fl-aħħar, fis-sena 66 E.K., il-Gvernatur Ruman korrott Floru ħataf 17-il talent bħala “taxxa midjuna” mit-teżor tat-tempju sagru. Il-Lhud irrabjaw ħafna u rribellaw. Ribelli Lhud marru Ġerusalemm u qatlu l-forzi Rumani t’hemmhekk. Imbagħad bla biżaʼ ddikjaraw li l-Lhudija kienet indipendenti minn Ruma. Il-Lhudija u Ruma issa kienu fi gwerra!
Fi żmien tliet xhur, il-gvernatur Ruman tas-Sirja, Ċestju Gallu, immarċja lejn in-nofsinhar bi 30,000 suldat biex jegħleb ir-ribelljoni Lhudija. L-armata tiegħu waslet Ġerusalemm waqt il-Festa taʼ l-Għerejjex u ma damitx ma ppenetrat l-inħawi taʼ madwar il-belt. Ir-ribelli, li kienu inqas fin-numru, fittxew il-kenn ġewwa l-fortizza tat-tempju. Is-suldati Rumani ma damux ma dgħajfu l-ħajt tat-tempju. Il-Lhud ħassewhom ixxokkjati. Is-suldati pagani issa kienu qed ikasbru l-iktar post qaddis tal-Ġudaiżmu! Però, il-Kristjani fil-belt ftakru fil-kliem taʼ Ġesù: ‘Meta taraw wieqfa f’post qaddis il-ħaġa moqżieża, imbagħad dawk li jkunu fil-Lhudija ħa jibdew jaħarbu lejn il-muntanji.’ (Mattew 24:15, 16) Kienu se juru fidi fil-kliem profetiku taʼ Ġesù u jiġu mqanqlin biex jaġixxu fi qbil miegħu? Minħabba l-mod kif żvolġew l-affarijiet, ħajjithom iddependiet milli jagħmlu dan. Imma kif?
F’daqqa waħda u mingħajr ebda raġuni, Ċestju Gallu ħareġ lit-truppi tiegħu u rtira lejn il-kosta bir-ribelli jsegwuhom mill-qrib. B’mod taʼ l-għaġeb, it-tribulazzjoni fuq il-belt spiċċat għal għarrieda! Billi wrew il-fidi tagħhom fit-twissija profetika taʼ Ġesù, il-Kristjani ħarbu minn Ġerusalemm lejn Pella, belt newtrali viċin il-muntanji n-naħa l-oħra tax-Xmara Ġordan. Il-ħarba tagħhom kienet f’waqtha. Ir-ribelli ma damux ma rritornaw Ġerusalemm u sforzaw lill-abitanti li kienu għadhom hemm biex jingħaqdu magħhom fir-ribelljoni.a Sadanittant, waqt li kienu fis-sigurtà f’Pella, il-Kristjani stennew żviluppi oħrajn.
Jispiċċaw f’Anarkija
Fi żmien ftit xhur, armata Rumana ġdida avanzat lejn Ġerusalemm. Matul is-sena 67 E.K., il-Ġeneral Vespasjanu u ibnu Titu ġabru forza kbira taʼ 60,000 suldat. Għas-sentejn li ġew wara, din il-forza distruttiva avanzat lejn Ġerusalemm, billi eliminat kull reżistenza li ltaqgħet magħha. Sadanittant, ġewwa Ġerusalemm, gruppi rivali Lhud kienu involuti f’taqbid aħrax. L-imħażen tal-qamħ tal-belt inqerdu, l-inħawi taʼ madwar it-tempju ġġarrfu, u iktar minn 20,000 Lhudi nqatlu. Vespasjanu ma jmurx mill-ewwel lejn Ġerusalemm, billi ddikjara: ‘Alla jaġixxi bħala ġeneral Ruman aħjar minni; l-għedewwa tagħna qed jeqirdu lil xulxin b’idejhom stess.’
Meta miet l-Imperatur Ruman Neruni, Vespasjanu telaq lejn Ruma biex jassigura t-tron, u ħalla lil Titu biex itemm il-kampanja tagħhom fil-Lhudija. Titu avanza fuq Ġerusalemm fi żmien il-Qbiż tas-sena 70 E.K., u għalaq lir-residenti u l-pellegrini fil-belt. Il-forzi tiegħu neżżgħu l-kampanja tal-Lhudija mis-siġar biex jibnu ħajt twil xi 7 kilometri bi zkuk ippontati madwar il-belt assedjata. Dan hu eżatt kif ipprofetizza Ġesù: “L-għedewwa tiegħek jibnu madwarek ħajt bi zkuk ippontati u jdawruk u jnikktuk minn kull naħa.”—Luqa 19:43.
Il-ġuħ ma damx ma fena l-belt. Gruppi armati serqu lid-djar tal-mejtin u taʼ dawk li kienu qed imutu. Minn taʼ l-inqas mara waħda ddisprata qatlet u kielet lit-tarbija tagħha, u b’hekk wettqet il-profezija: “Int tiekol il-frott taʼ ġufek, laħam is-subjien u l-bniet tiegħek . . . minħabba d-diqa u l-għeluq li jġibek fihom l-għadu meta jassedjak.”—Dewteronomju 28:53-57.
Fl-aħħar, wara assedju taʼ ħames xhur, Ġerusalemm waqgħet. Il-belt u t-tempju grandjuż tagħha nsterqu u nħarqu u mbagħad ġew imġarrfin ġebla ġebla. (Danjel 9:26) Kien hemm total taʼ 1,100,000 mejjet, u 97,000 ruħ oħra ntbagħtu fl-eżilju.b (Dewteronomju 28:68) Il-Lhudija kważi tbattlet mil-Lhud. Tassew kien diżastru nazzjonali mingħajr paragun, bidla kbira fil-ħajja politika, reliġjuża, u kulturali tal-Lhud.c
Sadanittant, il-Kristjani f’Pella taw radd il-ħajr lil Alla għall-ħelsien tagħhom. Il-fidi tagħhom fil-profezija Biblika ppreservat lil ħajjithom stess!
Meta nħarsu lura lejn dawk il-ġrajjiet, kull wieħed u waħda minna llum jagħmel tajjeb jekk jistaqsi: ‘Għandi jien il-fidi li se tippreserva lil ħajti waqt it-tribulazzjoni l-kbira li riesqa? Jien “it-tip li għandi l-fidi biex inżomm ruħi ħajja”?’—Ebrej 10:39; Rivelazzjoni 7:14.
[Noti taʼ taħt]
a L-istorjografu Lhudi Ġużeppi Flavju jirrapporta li r-ribelli ġrew wara r-Rumani għal sebat ijiem qabel ma rritornaw Ġerusalemm.
b Skond stima waħda, iktar minn wieħed minn kull sebaʼ Lhud fl-Imperu Ruman inqatlu.
c Alfred Edersheim, studjuż Lhudi tal-Bibbja, kiteb: “[Din] it-tribulazzjoni fuq Iżrael [kienet] bla paragun fil-passat terribbli taʼ l-istorja tagħha, u bla paragun saħansitra fil-futur imdemmi tagħha.”
[Tabella f’paġna 9]
Aspetti mis-Sinjal Imwettqin fl-Ewwel Seklu
GWERER:
Gallja (39-40 E.K.)
Afrika taʼ Fuq (41 E.K.)
Britannja (43, 60 E.K.)
Armenja (58-62 E.K.)
Konflitti ċivili u etniċi
fil-Lhudija (50-66 E.K.)
TERREMOTI:
Ruma (54 E.K.)
Pompej (62 E.K.)
Asja Minuri (53, 62 E.K.)
Kreta (62 E.K.)
ĠUĦ:
Ruma, Greċja, Eġittu (ċ. 42 E.K.)
Lhudija (ċ. 46 E.K.)
MARD LI JITTIEĦED:
Babilonja (40 E.K.)
Ruma (60, 65 E.K.)
PROFETI FOLOZ:
Lhudija (ċ. 56 E.K.)
[Mappa/Stampa f’paġna 10]
Il-Kampanja Rumana fil-Palestina, 67-70 E.K.
Ptolemajs
Il-Baħar tal-Galilija
Pella
PERIJA
SAMARIJA
Ġerusalemm
Il-Baħar il-Mielaħ
LHUDIJA
Ċesarija
[Sors]
Il-mappa biss: Based on maps copyrighted by Pictorial Archive (Near Eastern History) Est. and Survey of Israel
[Stampa f’paġna 11]
‘L-għedewwa tagħna qed jeqirdu lil xulxin b’idejhom stess.’—Vespasjanu
[Stampi f’paġna 11]
Fis-sena 70 E.K., il-forzi Rumani qerdu lil Ġerusalemm
[Sors tal-Istampa f’paġna 11]
Skultura: Soprintendenza Archeologica di Roma; Vespasjanu: Bildarchiv Preussischer Kulturbesitz/Art Resource, NY